Ġenesi
26 U waqaʼ l-ġuħ fil-pajjiż, minbarra l-ġuħ li kien hemm l-ewwel darba fi żmien Abraham,+ u b’hekk Iżakk mar għand Abimelek, sultan tal-Filistin, f’Gerar.+ 2 Imbagħad deherlu Ġeħova u qallu:+ “Tinżilx l-Eġittu. Għix fit-tined fl-art li ngħidlek jien.+ 3 Għammar bħala barrani f’din l-art,+ u jien inkun miegħek u nbierkek, għax dawn l-artijiet+ kollha se nagħtihom lilek u lil nislek, u se nwettaq il-ħalfa li ħlift lil missierek Abraham,+ 4 ‘U se nkattar lil nislek bħall-kwiekeb tas-smewwiet u lil nislek nagħtih dawn l-artijiet kollha;+ u permezz taʼ nislek il-ġnus kollha taʼ l-art żgur li se jitbierku,’+ 5 minħabba l-fatt li Abraham semaʼ minn kliemi u baqaʼ jħares l-obbligi tiegħu lejja, il-kmandi tiegħi, l-istatuti tiegħi, u l-liġijiet tiegħi.”+ 6 Għalhekk, Iżakk baqaʼ jgħammar f’Gerar.+
7 In-nies tal-post kienu jistaqsuh dwar martu, u hu kien jgħidilhom: “Hi oħti.”+ Għax kien jibżaʼ jgħidilhom “Hi marti” għax beżaʼ li, kif qal hu, “in-nies tal-post joqtluni minħabba Rebekka,” għaliex kienet sabiħa fl-għajn.+ 8 U ġara li, meta kien ilu hemmhekk żmien twil, Abimelek, sultan tal-Filistin, kien qed jittawwal mit-tieqa u ra lil Iżakk iżiegħel b’martu Rebekka.+ 9 Abimelek minnufih sejjaħ lil Iżakk u qallu: “Ara! Din m’hi ħadd ħlief martek! Allura kif għedt, ‘Hi oħti’?” U Iżakk wieġbu: “Għedt hekk għax bżajt li mmut minħabba fiha.”+ 10 Imma Abimelek kompla: “X’għamiltilna?+ Għal ftit ma mteddx xi ħadd min-nies maʼ martek, u kont iġġib il-ħtija fuqna!”+ 11 Imbagħad Abimelek ikkmanda lin-nies kollha u qalilhom: “Kulmin imiss lil dan ir-raġel u lil martu żgur li jingħata l-mewt!”
12 U Iżakk beda jiżraʼ ż-żerriegħa f’dik l-art,+ u f’dik is-sena ġabar mitt darba iżjed,+ għax Ġeħova kien qed ibierku.+ 13 U r-raġel kiber u baqaʼ miexi ’l quddiem iktar u iktar u baqaʼ jikber sakemm kiber ħafna.+ 14 U kellu mrieħel tan-nagħaġ u mrieħel tal-baqar u ġemgħa kbira taʼ qaddejja,+ tant li l-Filistin bdew jgħiru għalih.+
15 Inkwantu għall-bjar kollha li l-qaddejja taʼ missieru kienu ħaffru fi żmien missieru Abraham,+ il-Filistin għalquhom u mlewhom bit-trab.+ 16 Fl-aħħar, Abimelek qal lil Iżakk: “Itlaq mill-inħawi tagħna, għaliex sirt ferm iktar b’saħħtek minna.”+ 17 Għalhekk, Iżakk telaq minn hemmhekk u kkampja fil-wied* taʼ Gerar+ u beda jgħammar hemmhekk. 18 U Iżakk reġaʼ ħaffer il-bjar taʼ l-ilma li kienu ħaffru fi żmien missieru Abraham imma li l-Filistin kienu għalqu wara l-mewt t’Abraham;+ u reġaʼ semmiehom bl-ismijiet li kien semmiehom missieru.+
19 U l-qaddejja taʼ Iżakk bdew iħaffru fil-wied u sabu hemmhekk bir taʼ l-ilma ġieri. 20 U r-rgħajja taʼ Gerar bdew jitlewmu mar-rgħajja taʼ Iżakk+ u jgħidulhom: “Dan l-ilma tagħna!” Għalhekk, il-bir semmieh Esek,* għaliex kienu ġġieldu miegħu. 21 U marru jħaffru bir ieħor, u tlewmu fuqu wkoll. Għalhekk, semmieh Sitna.* 22 Iktar tard telaq minn hemmhekk u ħaffer bir ieħor,+ imma ma tlewmux fuqu. B’hekk, semmieh Reħobot* u qal: “Għaliex issa Ġeħova tana wisaʼ biżżejjed+ u ġegħelna nnisslu fuq l-art.”+
23 U minn hemmhekk telaʼ lejn Bir-xeba.+ 24 U Ġeħova deherlu dak il-lejl u qallu: “Jien l-Alla taʼ missierek Abraham.+ Tibżax,+ għax jien miegħek, u se nbierkek u nkattar lil nislek minħabba l-qaddej tiegħi Abraham.”+ 25 U hemmhekk bena artal u sejjaħ isem Ġeħova+ u waqqaf it-tinda hemm,+ u l-qaddejja taʼ Iżakk bdew iħaffru bir hemmhekk.
26 Iktar tard Abimelek ġie għandu minn Gerar m’Aħużżat, il-ħabib tiegħu li kien jafda fih, u maʼ Fikol, il-kap taʼ l-armata tiegħu.+ 27 U Iżakk qalilhom: “Għala ġejtu għandi, ladarba bgħadtuni u keċċejtuni mill-inħawi tagħkom?”+ 28 Huma wieġbu: “Aħna rajna li bla dubju Ġeħova qiegħed miegħek.+ Għalhekk, għedna, ‘Jekk jogħġbok, ħa nintrabtu b’ħalfa bejnietna,+ bejnna u bejnek, u ħa nagħmlu patt miegħek,+ 29 li ma tagħmlilna ebda deni bħalma aħna ma messejniekx u bħalma għamilnielek biss il-ġid billi bgħatniek bis-sliem.+ Int issa l-imbierek taʼ Ġeħova.’”+ 30 Imbagħad għamlilhom festa u kielu u xorbu.+ 31 L-għada fil-għodu qamu kmieni u ħalfu lil xulxin.+ Imbagħad Iżakk bagħathom u telqu mingħandu bis-sliem.+
32 Issa dakinhar il-qaddejja taʼ Iżakk ġew ikellmuh dwar il-bir li kienu ħaffru,+ u qalulu: “Sibna l-ilma!” 33 Għalhekk, semmieh Xibah.* Huwa għalhekk li l-belt jisimha Bir-xeba*+ sa dan il-jum.
34 U Għesaw kellu erbgħin sena meta ħa b’martu lil Ġuditta bint Begħeri l-Ħitti kif ukoll lil Basemat bint Elon il-Ħitti.+ 35 U dawn imlew il-ħajja taʼ Iżakk u Rebekka bl-imrar.+