Ġenesi
11 Issa l-art kollha kellha lingwa waħda u ġabra waħda taʼ kliem. 2 U ġara li huma u sejrin lejn il-lvant skoprew pjanura fil-wied fl-art tas-Sinar,+ u għammru hemmhekk. 3 U bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum* u naħmuh fin-nar.” Għalhekk, il-madum kien għalihom bħal ġebel, u l-qatran kien għalihom bħal tajn.+ 4 U qalu: “Ejjew nibnu belt u torri bil-quċċata tiegħu fis-smewwiet,+ u ejjew nagħmlu isem ċelebri għalina nfusna,+ li ma mmorrux ninxterdu fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art.”+
5 U Ġeħova niżel jara l-belt u t-torri li kienu bnew ulied il-bnedmin.+ 6 Imbagħad Ġeħova qal: “Ara! Huma poplu wieħed u hemm lingwa waħda għalihom ilkoll,+ u dan hu li jibdew jagħmlu. Issa m’hemm xejn li jżommhom milli jagħmlu kulma jiġihom f’moħħhom.+ 7 Ejja+ ninżlu u hemmhekk inħawdulhom+ il-lingwa tagħhom biex ma jkunux jistgħu jifhmu l-lingwa taʼ xulxin.”+ 8 Għalhekk, Ġeħova xerridhom minn hemmhekk għal fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art,+ u bil-mod il-mod ma baqgħux jibnu l-belt.+ 9 Huwa għalhekk li din issemmiet Babel,+ għaliex hemmhekk Ġeħova kien ħawwad il-lingwa taʼ l-art kollha, u Ġeħova kien xerridhom+ minn hemmhekk għal fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art.
10 Dan hu r-rakkont storiku taʼ Sem.+
Sem kellu mitt sena meta nissel lil Arfaksad+ sentejn wara d-dilluvju. 11 U wara li nissel lil Arfaksad, Sem għex ħames mitt sena oħra. Sadanittant nissel subien u bniet.+
12 U Arfaksad* għex ħamsa u tletin sena. Imbagħad nissel lil Selaħ.+ 13 U wara li nissel lil Selaħ, Arfaksad għex erbaʼ mija u tliet snin oħra. Sadanittant nissel subien u bniet.
14 U Selaħ għex tletin sena. Imbagħad nissel lil Għeber.+ 15 U wara li nissel lil Għeber, Selaħ għex erbaʼ mija u tliet snin oħra. Sadanittant nissel subien u bniet.
16 U Għeber għex erbgħa u tletin sena. Imbagħad nissel lil Peleg.+ 17 U wara li nissel lil Peleg, Għeber għex erbaʼ mija u tletin sena oħra. Sadanittant nissel subien u bniet.
18 U Peleg għex tletin sena. Imbagħad nissel lil Regħu.+ 19 U wara li nissel lil Regħu, Peleg għex mitejn u disaʼ snin oħra. Sadanittant nissel subien u bniet.
20 U Regħu għex tnejn u tletin sena. Imbagħad nissel lil Serug.+ 21 U wara li nissel lil Serug, Regħu għex mitejn u sebaʼ snin oħra. Sadanittant nissel subien u bniet.
22 U Serug għex tletin sena. Imbagħad nissel lil Naħor.+ 23 U wara li nissel lil Naħor, Serug għex mitejn sena oħra. Sadanittant nissel subien u bniet.
24 U Naħor għex disgħa u għoxrin sena. Imbagħad nissel lil Teraħ.+ 25 U wara li nissel lil Teraħ, Naħor għex mija u dsatax-il sena oħra. Sadanittant nissel subien u bniet.
26 U Teraħ għex sebgħin sena, u mbagħad nissel lil Abram,+ lil Naħor,+ u lil Ħaran.
27 U dan hu r-rakkont storiku taʼ Teraħ.
Teraħ nissel lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran; u Ħaran nissel lil Lot.+ 28 Iktar tard Ħaran miet waqt li kien maʼ Teraħ missieru f’art twelidu, f’Ur+ tal-Kaldin.+ 29 U Abram u Naħor ħadu nisa għalihom. Mart Abram kien jisimha Saraj,+ waqt li mart Naħor kien jisimha Milka,+ bint Ħaran, missier Milka u missier Iska. 30 Imma Saraj baqgħet bla tfal;+ għax ma setax ikollha.
31 Imbagħad Teraħ ħa lil ibnu Abram u lil neputih+ Lot, bin Ħaran, u lil Saraj+ mart ibnu, mart Abram, u dawn ħarġu miegħu minn Ur tal-Kaldin, biex imorru fl-art taʼ Kangħan.+ Wara xi żmien waslu Ħaran+ u għammru hemmhekk. 32 U jiem Teraħ kienu mitejn u ħames snin. Imbagħad Teraħ miet f’Ħaran.