Huma m’Għamlux Isem Ċelebri Għalihom Infushom
IL-BIBBJA ma tagħtix l-ismijiet tal-bennejja tat-torri infami taʼ Babel. Ir-rakkont jistqarr: “Huma issa qalu: ‘Ejjew! Ħalli nibnu għalina nfusna belt u wkoll torri bil-quċċata tiegħu fis-smewwiet, u ħalli nagħmlu isem ċelebri għalina nfusna, li ma mmorrux ninxterdu fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art.’”—Ġenesi 11:4, NW.
Min kienu “huma”? Din il-ġrajja seħħet xi 200 sena wara d-Dilluvju. Sa dak iż-żmien Noè, li kellu madwar 800 sena, kien jgħix fost eluf mid-dixxendenti tiegħu. Kollha kienu jitkellmu l-istess lingwa u kienu jgħixu flimkien bejn wieħed u ieħor fl-inħawi fejn hu u wliedu ssetiljaw wara d-Dilluvju. (Ġenesi 11:1) F’xi żmien, parti minn din il-popolazzjoni li issa kienet kibret imxiet lejn il-Lvant u ‘sabet wita f’art Singħar.’—Ġenesi 11:2.
Falliment Assolut
Kien f’din il-wita li l-grupp iddeċieda li jirribella kontra Alla. Kif? Sewwa, Alla Jehovah kien esprima l-iskop tiegħu meta kkmanda lill-ewwel koppja umana biex ‘inisslu u joktru, u jimlew l-art.’ (Ġenesi 1:28) Dan irrepetih lil Noè u lil uliedu wara d-Dilluvju. Alla tahom l-istruzzjoni: “U intom nisslu u oktru; xterdu maʼ l-art u oktru fuqha.“ (Ġenesi 9:7) F’oppożizzjoni għad-direzzjoni taʼ Jehovah, in-nies bnew belt ħalli b’hekk ma ‘jixterdux fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art.’
Dawn in-nies bdew ukoll jibnu torri bl-iskop li jagħmlu “isem ċelebri” għalihom infushom. Imma kuntrarju għal dak li kienu qegħdin jistennew, it-torri ma lestewhx. Ir-rakkont tal-Bibbja juri li Jehovah ħawwad il-lingwa tagħhom ħalli ma jkunux jistgħu jifhmu lil xulxin. Ir-rakkont ispirat jgħid: “U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt.” —Ġenesi 11:7, 8.
Il-falliment assolut taʼ dan l-attentat huwa enfasizzat mill-fatt li l-ismijiet tal-bennejja qatt ma saru ‘ċelebri,’ jew magħrufin sew. Attwalment, l-ismijiet tagħhom ħadd ma jafhom u ġew imħassrin mill-istorja umana. Imma xi ngħidu għal Nimrod, li Noè kien jiġi l-bużnannu tiegħu? Mhux hu kien il-wieħed li mexxa dan l-irvell kontra Alla? Ismu m’huwiex magħruf sew?
Nimrod—Ribell Insolenti
Bla dubju, Nimrod kien il-perċimes. Ġenesi kapitlu 10 jintroduċih bħala “kaċċatur setgħani f’oppożizzjoni lejn Jehovah.” (Ġenesi 10:9, NW) L-Iskrittura tgħid ukoll li kien “l-ewwel wieħed setgħan fl-art.” (Ġenesi 10:8) Nimrod kien gwerrier, bniedem li juża l-vjolenza. Hu sar l-ewwel ħakkiem uman wara d-Dilluvju, billi ħatar lilu nnifsu sultan. Nimrod kien bennej ukoll. II-Bibbja tagħtih kredtu bħala l-wieħed li kien il-fundatur taʼ tmint ibliet, inkluża Babel.—Ġenesi 10:10-12.
Għaldaqstant, Nimrod—wieħed li kien jopponi lil Alla, sultan taʼ Babel, u bennej taʼ l-ibliet—bla dubju kellu sehem f’li jinbena t-torri taʼ Babel. M’għamilx hu isem ċelebri għalih innifsu? Dwar l-isem Nimrod, l-Orjentalist E. F. C. Rosenmuller kiteb: “L-isem ngħata lil Nimrod minn [ma-radhˈ], ‘hu rribella,’ ‘hu ma baqax leali,ˈ skond it-tifsira Ebrajka.” Imbagħad Rosenmuller jispjega li “n-nies taʼ l-Orjent, taʼ spiss, huma mdorrijin jirreferu għall-persuni prominenti tagħhom b’ismijiet li ngħatawlhom wara mewthom, u minn dan joħroġ qbil, li xi drabi jgħaġġbek, bejn l-ismijiet u l-affarijiet li jkunu għamlu.”
Diversi studjużi huma taʼ l-istess opinjoni li l-isem Nimrod ma kienx isem li ngħata fit-twelid. Minflok, huma jikkunsidrawh bħala isem li ngħata iktar tard biex jaqbel mal-karattru ribelluż tiegħu wara li dan inkixef maż-żmien. Per eżempju, C. F. Keil jistqarr: “L-isem innifsu, Nimrod minn [ma-radhˈ], ‘aħna se nagħmlu rewwixta,’ jipponta lejn xi reżistenza vjolenti lejn Alla. Tant jiddeskrivih tajjeb il-karattru tiegħu li bilfors kienu l-kontemporanji tiegħu li tawhulu, u b’hekk sar isem persunali.” F’nota taʼ taħt, Keil jikkwota lill-kittieb taʼ l-istorja Jacob Perizonius, bħala li kiteb: “ Jien nemmen li dan ir-raġel [Nimrod], bħala kaċċatur feroċi u mdawwar minn ċorma sħabu, sabiex iqanqal lill-bqija biex jirribellaw, dejjem kellu f’ħalqu u kien jirrepeti dik il-kelma ‘nimrod, nimrod,’ jiġifieri, ‘Ejjew nirribellaw! Ejjew nirribellaw!’ Għalhekk, żmien wara, oħrajn, anki Mosè nnifsu, kienu jirreferu għalih b’dik il-kelma bħala isem persunali.”
B’mod ċar, Nimrod m’għamilx isem ċelebri għalih innifsu. L-isem li tawh meta twieled mid-dehra ħadd ma jafu. Ġie mħassar mill-istorja, bħalma ġralhom l-ismijiet taʼ dawk li segwew l-eżempju tiegħu. Hu lanqas biss ħalla nisel biex iġorr ismu. Minflok ma rċieva glorja u fama, hu ġie mlibbes bl-infamja. L-isem Nimrod waħħallu għal dejjem it-tabella taʼ ribell insolenti li bi bluha sfida lil Alla Jehovah.