Ġenesi
29 Imbagħad Ġakobb beda miexi u vvjaġġa lejn art in-nies taʼ l-Orjent.+ 2 Issa hu ħares, u, ara, kien hemm bir fl-għalqa, u, ara, tliet merħliet nagħaġ kienu mimdudin hemmhekk maġenbu, għax minn dak il-bir kienu mdorrijin jisqu lill-imrieħel;+ u kien hemm ġebla kbira fuq il-bokka tal-bir.+ 3 Meta l-imrieħel kollha kienu jinġabru hemmhekk, ir-rgħajja kienu jgerbu l-ġebla minn fuq il-bokka tal-bir, u kienu jisqu lill-imrieħel, u wara kienu jerġgħu jqiegħdu l-ġebla f’postha fuq il-bokka tal-bir.
4 Għalhekk, Ġakobb qalilhom: “Ħuti, minfejn intom?” u huma wiġbuh: “Minn Ħaran.”+ 5 Imbagħad qalilhom: “Tafuh lil Laban,+ li nannuh hu Naħor?”+ u huma wiġbuh: “Nafuh.” 6 Għal dan, qalilhom: “Kif inhu, tajjeb?”+ Qalulu: “Tajjeb. U, ara, bintu Rakele+ ġejja bin-nagħaġ!”+ 7 U hu ssokta jgħid: “Ara! Il-jum għadu fl-aqwa tiegħu. M’huwiex il-ħin biex jinġabru l-imrieħel. Isqu lin-nagħaġ, imbagħad morru irgħuhom.”+ 8 Għal dan, qalulu: “Ma nistgħux qabel ma jinġabru l-imrieħel kollha u fil-fatt igerbu l-ġebla minn fuq il-bokka tal-bir. Imbagħad nisqu lin-nagħaġ.”
9 Waqt li kien għadu qed jitkellem magħhom, waslet Rakele+ bin-nagħaġ taʼ missierha, għax hi kienet ragħajja.+ 10 U ġara li, meta Ġakobb ra lil Rakele, bint Laban, ħu ommu, u n-nagħaġ taʼ Laban, Ġakobb minnufih resaq u gerbeb il-ġebla minn fuq il-bokka tal-bir u seqa lin-nagħaġ taʼ Laban.+ 11 Imbagħad Ġakobb bies+ lil Rakele u għolla leħnu u nfaqaʼ jibki.+ 12 U Ġakobb beda jgħid lil Rakele li hu kien qarib+ missierha u li kien bin Rebekka. U hi telqet tiġri tgħid lil missierha.+
13 Issa ġara li, malli Laban semaʼ l-aħbar dwar Ġakobb, bin oħtu, telaq jiġri biex jiltaqaʼ miegħu.+ Imbagħad ħaddnu miegħu u biesu u ħadu d-dar tiegħu.+ U Ġakobb beda jirrakkonta dawn l-affarijiet kollha lil Laban. 14 Imbagħad Laban qallu: “Tabilħaqq, int għadmi u laħmi.”+ Għalhekk, qagħad miegħu xahar sħiħ.
15 Imbagħad Laban qal lil Ġakobb: “Int il-qarib tiegħi,+ u se taqdini b’xejn?+ Għidli, X’għandu jkun ħlasek?”+ 16 Issa Laban kellu żewġt ibniet. Il-kbira kien jisimha Lea+ u ż-żgħira kien jisimha Rakele. 17 Imma għajnejn Lea kienu mitfijin, filwaqt li Rakele+ kienet saret sabiħa f’suritha u kellha wiċċha ħelu.+ 18 U Ġakobb kien iħobb lil Rakele. Għalhekk, qal: “Jien lest li naqdik sebaʼ snin għal bintek iż-żgħira Rakele.”+ 19 U Laban qallu: “Aħjar nagħtiha lilek milli nagħtiha lil xi raġel ieħor.+ Ibqaʼ għammar miegħi.” 20 U Ġakobb qeda sebaʼ snin għal Rakele,+ imma għalih dawn kienu qishom ftit jiem daqskemm kien iħobbha.+
21 Imbagħad Ġakobb qal lil Laban: “Agħtini lil marti, għaliex għalaqli ż-żmien, sabiex inkun nistaʼ jkolli x’naqsam magħha.”+ 22 U Laban ġabar lin-nies kollha tal-post u għamel festa.+ 23 Imma ġara li tard fil-għaxija hu ħa lil bintu Lea u ġabhielu biex ikollu x’jaqsam magħha. 24 U barra minn hekk, Laban taha lil Żilfa,+ il-qaddejja tiegħu, biex tkun il-qaddejja taʼ bintu Lea. 25 U ġara li fil-għodu ra li kienet Lea! Għalhekk, qal lil Laban: “X’inhu dan li għamiltli? Jien mhux għal Rakele qdejtek? Allura għala dħaqt bija?”+ 26 U Laban qallu: “M’hijiex id-drawwa li nagħmlu hekk fostna, li nagħtu ż-żgħira qabel il-kbira. 27 Iċċelebra+ din il-ġimgħa kollha maʼ din il-mara. Wara tingħatalek ukoll din il-mara l-oħra għas-servizz li int tistaʼ tagħtini għal sebaʼ snin oħra.”+ 28 B’hekk, Ġakobb għamel hekk u ċċelebra l-ġimgħa kollha maʼ din il-mara, u wara Laban tah lil bintu Rakele b’martu. 29 Barra minn hekk, Laban ta l-qaddejja tiegħu Bilħa+ lil bintu Rakele bħala l-qaddejja tagħha.
30 Imbagħad Ġakobb kellu x’jaqsam ukoll maʼ Rakele u anki wera iktar imħabba lejn Rakele milli lejn Lea,+ u baqaʼ jaqdih għal sebaʼ snin oħra.+ 31 Meta Ġeħova ra li Lea ma kinitx maħbuba,* fetħilha ġufha,+ imma Rakele ma setax ikollha tfal.+ 32 U Lea ħarġet tqila u wildet iben u semmietu Ruben,*+ għax qalet: “Huwa għaliex Ġeħova ħares lejn il-miżerja tiegħi,+ u issa żewġi jibda jħobbni.” 33 U hi reġgħet ħarġet tqila u wildet iben, u qalet: “Huwa għaliex Ġeħova semagħni,+ peress li ma kontx maħbuba,* u b’hekk tani lil dan ukoll.” Għalhekk, semmietu Simegħon.*+ 34 U reġgħet ħarġet tqila u wildet iben u mbagħad qalet: “Issa din id-darba żewġi jinġibed lejja, għaliex ulidtlu tliet subien.” Għalhekk, semmietu Levi.*+ 35 U għal darb’oħra ħarġet tqila u wildet iben u mbagħad qalet: “Din id-darba se nfaħħar lil Ġeħova.” Għalhekk, semmietu Ġuda.*+ Imbagħad waqfet tiled.