Isaija
29 “Gwaj għal Arjel,*+ għal Arjel, il-belt fejn ikkampja David!+ Żidu sena maʼ sena; ħa jsiru l-festi+ kollha. 2 U lil Arjel nagħlaqha minn kullimkien,+ u jkun hemm niket u tinwiħ,+ u ssir għalija bħall-fuklar taʼ l-artal t’Alla.+ 3 U se nikkampja fuq kull naħa tiegħek, u nassedjak b’ħajt taʼ zkuk ippontati u ntellaʼ kontrik strutturi taʼ l-assedju.+ 4 U titbaxxa, u b’hekk titkellem minn maʼ l-art, u mit-trab kliemek jinstemaʼ fil-baxx.+ U leħnek jiġi minn maʼ l-art bħal taʼ medjum taʼ l-ispirti, u mit-trab tfesfes kliemek.+ 5 U l-folla taʼ dawk li huma stranġieri għalik se ssir bħal trab fin,+ u l-folla tat-tiranni+ ssir bħall-karfa li ttir.+ U dan iseħħ f’mument, f’daqqa waħda.+ 6 Ġeħova taʼ l-armati se jagħtik l-attenzjoni tiegħu bir-ragħad u bit-theżżiż u b’ħoss kbir, b’riefnu u tempesta, u l-fjamma taʼ nar li jiblaʼ.”+
7 U lill-folla tal-ġnus kollha li qed jiggwerraw kontra Arjel,+ iva, dawk kollha li qed jiggwerraw kontriha, u t-torrijiet taʼ l-assedju weqfin kontriha u dawk li jagħlquha minn kullimkien+ jiġrilhom bħal f’ħolma, f’viżjoni taʼ bil-lejl. 8 Iva, jiġrilhom bħal meta xi ħadd bil-ġuħ joħlom li qed jiekol, u jqum u jħossu vojt;+ u bħal meta xi ħadd bil-għatx joħlom li qed jixrob, u jqum u jkun għajjien u jħossu xott; hekk se jiġrilha l-folla tal-ġnus kollha li qed jiggwerraw kontra l-Muntanja Sijon.+
9 Iċċassaw, u ibqgħu mgħaġġbin;+ agħmu lilkom infuskom, u kunu mogħmijin.+ Huma sikru,+ imma mhux bl-inbid; ixxenglu, imma mhux bix-xorb li jsakkar.+
10 Għax Ġeħova ferraʼ fuqkom spirtu taʼ rqad fil-fond;+ u għalqilkom għajnejkom, il-profeti,+ u għattielkom raskom,+ il-viżjonarji.+ 11 U għalikom il-viżjoni taʼ kollox issir bħall-kliem taʼ ktieb li ġie siġillat,+ li jagħtuh lil xi ħadd li jaf jaqra, u jgħidulu: “Aqrah għajjat, jekk jogħġbok,” u hu jkollu jgħid: “Ma nistax, għax siġillat”;+ 12 u l-ktieb ikollu jingħata lil xi ħadd li ma jafx jaqra, u xi ħadd jgħidlu: “Aqrah għajjat, jekk jogħġbok,” u hu jkollu jgħid: “Jien lanqas biss naf naqra.”
13 U Ġeħova jgħid: “Talli dan il-poplu resaq qrib b’fommu, u gglorifikani biss b’xofftejh,+ u biegħed qalbu minni,+ u jitgħallem il-kmandi tal-bnedmin u jqishom bħala l-biżaʼ minni,+ 14 għalhekk, hawn jien, se nerġaʼ naġixxi b’mod taʼ l-għaġeb maʼ dan il-poplu,+ b’mod taʼ l-għaġeb u b’xi ħaġa taʼ l-għaġeb; u l-għerf taʼ l-għorrief tagħhom jgħib, u l-abbiltà li għandhom l-għaqlin tagħhom biex jifhmu tinħeba.”+
15 Gwaj għal dawk li qed jaħbu fil-fond ħafna l-iskop minn Ġeħova,+ u li l-għemejjel tagħhom saru f’post mudlam,+ waqt li jgħidu: “Min qed jarana, min jaf bina?”+ 16 Kemm intom imħassrin! Għandu l-fuħħari jitqies bħat-tafal?+ Għax, għandha l-ħaġa magħmula tgħid dwar dak li għamilha: “M’għamilnix hu”?+ U sejra l-ħaġa msawra tgħid dwar dak li sawwarha: “Ma fehem xejn”?+
17 Mhux ftit żmien ieħor fadal biex il-Libanu jinbidel fi ġnien tal-frott+ u l-ġnien tal-frott jitqies bħala foresta?+ 18 U dakinhar it-torox jisimgħu kliem il-ktieb,+ u mis-swidija u mid-dlam għajnejn l-għomja jaraw.+ 19 U l-ġwejdin+ se jżidu l-ferħ tagħhom b’Ġeħova, u anki l-foqra tal-bnedmin jifirħu bil-Qaddis taʼ Israel,+ 20 għax it-tirann irid jersaq lejn tmiemu,+ u l-fanfarun irid jispiċċa,+ u dawk kollha li qegħdin għassa biex jagħmlu l-ħsara+ jridu jinqerdu, 21 dawk li jġiegħlu lill-bniedem jidher midneb b’kelmtu,+ u dawk li jqiegħdu l-lixka għal dak li jwiddeb f’bieb il-belt,+ u dawk li jwarrbu lill-ġust b’argumenti vojta.+
22 Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova lil dar Ġakobb, hu li feda lil Abraham:+ “Ġakobb issa mhux se jistħi, u wiċċu mhux se jisfar;+ 23 għax meta jara lil uliedu, xogħol idejja, f’nofsu,+ huma se jqaddsu lil ismi,+ u jqaddsu lill-Qaddis taʼ Ġakobb,+ u l-Alla taʼ Israel se jqisuh b’rispett profond.+ 24 U dawk li qed jiżbaljaw fl-ispirtu tagħhom se jifhmu, u anki dawk li qed igergru se jitgħallmu.”+