Atti
11 Issa l-appostli u l-aħwa li kienu fil-Lhudija semgħu li n-nies tal-ġnus+ ukoll kienu laqgħu l-kelma t’Alla. 2 Għalhekk, meta Pietru telaʼ Ġerusalemm, dawk li kienu jappoġġaw iċ-ċirkonċiżjoni+ bdew jargumentaw miegħu 3 u jgħidulu li kien daħal għand irġiel mhux ċirkonċiżi u kiel magħhom. 4 Għal dan, Pietru beda jispjegalhom x’kien ġara bid-dettall u qalilhom:
5 “Kont qed nitlob fil-belt taʼ Ġaffa, u f’estasi rajt viżjoni, xi ħaġa nieżla qisha liżar kbir taʼ l-għażel li kien qed jitniżżel mill-erbat itruf tiegħu mis-sema, u ġie eżatt ħdejja. 6 Meta ħarist fiss fih, innotajt u rajt ħlejjaq taʼ l-art b’erbaʼ saqajn u bhejjem salvaġġi u annimali li jitkaxkru u għasafar tas-sema.+ 7 Smajt ukoll leħen jgħidli, ‘Qum, Pietru, oqtol u kul!’+ 8 Imma jien għedt, ‘Żgur li le, Mulej, għax qatt ma daħlet f’ħalqi xi ħaġa mniġġsa jew mhix nadifa.’+ 9 It-tieni darba l-leħen mis-sema wieġeb, ‘Tibqax issejjaħ imniġġes dak li naddaf Alla.’+ 10 Dan seħħ għat-tielet darba, u kollox ittellaʼ mill-ġdid fis-sema.+ 11 Ukoll, ara! F’dak il-waqt, fid-dar fejn konna, ġew tlett irġiel li kienu ntbagħtu għandi minn Ċesarija.+ 12 Għalhekk, l-ispirtu+ qalli biex immur magħhom bla ma niddubita xejn. U dawn is-sitt aħwa ġew miegħi wkoll, u dħalna fid-dar taʼ dak ir-raġel.+
13 “Dan qalilna kif f’daru kien ra quddiemu l-anġlu li qallu, ‘Ibgħat xi rġiel Ġaffa biex iġibu lil Xmun, li jismu wkoll Pietru,+ 14 u b’dak li jgħidlek tiġi salvat, int u n-nies kollha taʼ darek.’+ 15 Imma meta bdejt nitkellem, l-ispirtu qaddis niżel fuqhom kif kien niżel fuqna fil-bidu.+ 16 Għal dan, ftakart fil-kliem li kien jgħid il-Mulej, ‘Ġwanni, min-naħa tiegħu, għammed bl-ilma,+ imma intom titgħammdu bl-ispirtu qaddis.’+ 17 Għalhekk, jekk Alla tahom l-istess għotja b’xejn bħalma ta lilna li emminna fil-Mulej Ġesù Kristu,+ jien min jien biex nistaʼ nfixkel lil Alla?”+
18 Issa, meta semgħu dan, siktu,+ u gglorifikaw lil Alla+ u qalu: “Tabilħaqq, Alla ta l-indiema li twassal għall-ħajja lin-nies tal-ġnus ukoll.”+
19 Dawk li kienu xterdu+ minħabba t-tribulazzjoni li qamet minħabba Stiefnu baqgħu sejrin sal-Feniċja+ u Ċipru+ u Antjokja, imma ma xandru l-kelma lil ħadd ħlief lil-Lhud.+ 20 Madankollu, fosthom kien hemm xi rġiel minn Ċipru u Ċirene li ġew Antjokja u bdew ikellmu lin-nies+ li kienu jitkellmu bil-Grieg u jxandrulhom l-aħbar tajba tal-Mulej Ġesù.+ 21 U id Ġeħova+ kienet magħhom, u għadd kbir li emmnu daru lejn il-Mulej.+
22 L-aħbar dwarhom waslet f’widnejn il-kongregazzjoni li kien hemm Ġerusalemm, u bagħtu lil Barnaba+ saħansitra sa Antjokja. 23 Meta wasal u ra l-qalb tajba mhix mistħoqqa+ t’Alla, feraħ+ u beda jinkuraġġihom ilkoll biex ikomplu fil-Mulej b’qalb deċiża;+ 24 għax kien raġel tajjeb mimli bl-ispirtu qaddis u l-fidi. U kotra mdaqqsa żdiedet mal-Mulej.+ 25 Imbagħad telaq lejn Tarsu+ biex ifittex bir-reqqa lil Sawl+ 26 u, meta sabu, ġabu Antjokja. B’hekk ġara li għal sena sħiħa kienu jiltaqgħu flimkien fil-kongregazzjoni, u għallmu folla ġmielha, u kien f’Antjokja li għall-ewwel darba d-dixxipli, bid-direzzjoni divina, bdew jissejħu Kristjani.+
27 Issa, f’dawn il-jiem, xi profeti+ minn Ġerusalemm niżlu Antjokja. 28 Wieħed minnhom, jismu Agabu,+ qam u wera permezz taʼ l-ispirtu li dalwaqt kien se jaqaʼ ġuħ kbir fuq l-art abitata kollha;+ li, fil-fatt, seħħ fi żmien Klawdju. 29 Għalhekk, id-dixxipli ddeċidew li jibagħtu l-għajnuna,+ kull wieħed skond ma kien jistaʼ,+ lill-aħwa li kienu joqogħdu l-Lhudija, 30 u dan għamluh, billi bagħtuha lill-anzjani permezz taʼ Barnaba u Sawl.+