Imħallfin
15 U ġara wara ftit taż-żmien, fi żmien il-ħsad tal-qamħ, li Sansun mar iżur lil martu b’gidi.+ U qal: “Se nidħol għand marti fil-kamra taʼ ġewwa.”+ U missierha ma ħalliehx jidħol. 2 Imma missierha qallu: “Jien tabilħaqq għedt f’qalbi, ‘Int bilfors li tobgħodha.’+ Għalhekk, tajtha lil wieħed minn dawk li kienu ssieħbu miegħek bħala l-għarus.+ Oħtha ż-żgħira mhix aħjar minnha? Jekk jogħġbok, ħa ssir tiegħek hi minflok l-oħra.” 3 Madankollu, Sansun qalilhom: “Did-darba nkun ħieles mill-ħtija kontra l-Filistin jekk nagħmlilhom il-ħsara.”+
4 U Sansun mar u qabad tliet mitt volpi+ u dawwarhom denb maʼ denb u qabad xi torċi u qiegħed torċa bejn żewġt idnieb, eżatt fin-nofs. 5 Imbagħad hu ta n-nar lit-torċi u bagħat lill-volpijiet fl-għelieqi tal-Filistin fejn kien hemm iż-żaraʼ wieqaf. B’hekk, qabbad kollox bin-nar, mill-qatta saż-żaraʼ wieqaf u l-għelieqi tad-dwieli u l-imsaġar taż-żebbuġ.+
6 U l-Filistin bdew jgħidu: “Min għamel dan?” Imbagħad qalu: “Sansun, ir-raġel taʼ bint it-Timni, għax ħadlu lil martu u taha lil wieħed minn dawk li kienu ssieħbu miegħu bħala l-għarus.”+ Għal dan, il-Filistin telgħu u ħarqu lilha u lil missierha bin-nar.+ 7 Mill-banda l-oħra, Sansun qalilhom: “Jekk qed tagħmlu hekk, m’hemm xejn x’nagħmel ħlief li nivvendika ruħi minnkom,+ u mbagħad nieqaf.” 8 U ħabat għalihom wieħed wara l-ieħor u l-qatla kienet kbira, u mbagħad niżel u beda jgħammar f’għar tal-blata t’Għetam.+
9 Iktar tard il-Filistin+ telgħu u kkampjaw f’Ġuda+ u qagħdu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn f’Leħi biex jisirqu.+ 10 Imbagħad l-irġiel taʼ Ġuda qalu: “Għala tlajtu kontrina?” u dawk qalulhom: “Tlajna norbtu lil Sansun, biex nagħmlulu kif għamlilna.” 11 Għalhekk, niżlu tlett elef raġel taʼ Ġuda lejn l-għar tal-blata t’Għetam+ u qalu lil Sansun: “Ma tafx li l-Filistin qed jaħkmu fuqna?+ Allura, xi jfisser dan li għamiltilna?” Imbagħad hu qalilhom: “Kif għamluli għamiltilhom.”+ 12 Imma qalulu: “Inżilna biex norbtuk, ħalli nagħtuk f’idejn il-Filistin.” Għal dan, Sansun qalilhom: “Aħilfuli li m’intomx se tmiddu idejkom fuqi.” 13 U huma qalulu: “Le, imma aħna sempliċement se norbtuk, u nerħuk f’idejhom; żgur m’aħniex se nagħtuk il-mewt.”
Fi qbil maʼ dan, rabtuh b’żewġ ħbula ġodda+ u tellgħuh mill-blata. 14 Hu wasal Leħi, u l-Filistin, min-naħa tagħhom, għajtu bil-ferħ malli rawh.+ U l-ispirtu taʼ Ġeħova+ beda jaħdem fuqu, u l-ħbula li kienu maʼ dirgħajh saru bħal ħjut taʼ l-għażel maħruqin bin-nar,+ u b’hekk l-irbit tiegħu dab minn maʼ idejh. 15 Imbagħad sab għadma tarija taʼ xedaq taʼ ħmar u medd idu u ħadha u biha qatel elf raġel.+ 16 Imbagħad Sansun qal:
“Bl-għadma tax-xedaq taʼ ħmar—gozz, żewġt igzuz!
Bl-għadma tax-xedaq taʼ ħmar qtilt elf raġel.”+
17 U ġara li meta spiċċa jitkellem, hu minnufih rema l-għadma tax-xedaq minn idu u sejjaħ dak il-post Ramat-leħi.*+ 18 U qabdu għatx kbir, u beda jsejjaħ lil Ġeħova u jgħid: “Kont int li tajt din is-salvazzjoni kbira f’id il-qaddej tiegħek;+ u issa sejjer jien immut bl-għatx u naqaʼ f’idejn dawk li m’humiex ċirkonċiżi?”+ 19 Għaldaqstant, Alla fetaħ il-ħofra forma taʼ mehrież li kien hemm f’Leħi, u beda ħiereġ l-ilma+ minnha, u hu xorob, u reġaʼ ħa r-ruħ+ u stejqer.+ Huwa għalhekk li semmieha Għajn-ħakkore,* li għadha f’Leħi sa llum.
20 U dam jiġġudika lil Israel fi żmien il-Filistin għoxrin sena.+