1 Slaten
18 U ġara wara ħafna jiem+ li kelmet Ġeħova ġiet għand Elija fit-tielet sena, tgħid: “Mur, idher quddiem Aħab, għax jien determinat li nibgħat ix-xita fuq wiċċ l-art.”+ 2 Għaldaqstant, Elija mar biex jidher quddiem Aħab, waqt li fis-Samarija kien hemm ġuħ kbir.+
3 Sadanittant, Aħab sejjaħ lil Għobadija, li kien jiħodlu ħsieb id-dar.+ (Issa Għobadija kien wera li jibżaʼ ħafna+ minn Ġeħova. 4 Meta Ġeżabel+ kienet qiegħda teqred lill-profeti taʼ Ġeħova,+ Għobadija ħa mitt profeta u żammhom moħbijin fl-għerien ħamsin, ħamsin, u pprovdielhom il-ħobż u l-ilma.)+ 5 U Aħab qal lil Għobadija: “Dur mal-pajjiż u mur ħdejn kull għajn taʼ l-ilma u f’kull wied.* Forsi nsibu daqsxejn ħaxix aħdar+ u nżommu ż-żwiemel u l-bgħula ħajjin u ma jinqerdux iktar bhejjem.”+ 6 Għalhekk, qasmu l-art li kellhom jgħaddu minnha bejniethom. Aħab mar minn triq, u Għobadija mar minn triq oħra.+
7 Waqt li Għobadija kien għaddej fi triqtu, ara, Elija kien hemm biex jiltaqaʼ miegħu.+ Hu mill-ewwel għarfu u nxteħet wiċċu fl-art+ u qallu: “Dan int, sidi+ Elija?” 8 Għal dan, hu qallu: “Jien hu. Mur u għid lil sidek,+ ‘Hawn hu Elija.’” 9 Imma hu qallu: “Xi dnub+ għamilt biex se terħi lill-qaddej tiegħek f’id Aħab ħalli joqtolni? 10 Daqskemm Ġeħova Alla tiegħek hu ħaj,+ m’hemmx ġens jew saltna li sidi ma bagħatx ifittxek fiha. U wara li qalulu, ‘M’huwiex hawn,’ hu ġiegħel lis-saltna u l-ġens jaħilfu li ma setgħux isibuk.+ 11 U issa int qed tgħidli, ‘Mur, għid lil sidek: “Hawn hu Elija.”’ 12 Imbagħad meta nħallik l-ispirtu+ taʼ Ġeħova żgur iġorrok lejn ma nafx fejn; u jien inkun għedt lil Aħab, u hu ma jsibekx u żgur joqtolni,+ għax il-qaddej tiegħek ilu jibżaʼ minn Ġeħova mindu kien żgħir.+ 13 Jaqaw lil sidi ma qalulux x’għamilt meta Ġeżabel qatlet lill-profeti taʼ Ġeħova, kif żammejt lil xi profeti taʼ Ġeħova moħbijin, mitt raġel, ħamsin f’kull għar,+ u bqajt nipprovdilhom il-ħobż u l-ilma?+ 14 U issa int qed tgħidli, ‘Mur, għid lil sidek: “Hawn hu Elija.”’ U żgur joqtolni.”+ 15 Madankollu, Elija qallu: “Daqskemm hu ħaj+ Ġeħova taʼ l-armati+ li ninsab wieqaf quddiemu,* illum se nidher quddiem is-sultan.”
16 Għalhekk, Għobadija telaq biex jiltaqaʼ m’Aħab u qallu. U Aħab mar jiltaqaʼ m’Elija.
17 U ġara li, malli Aħab ra lil Elija, Aħab mill-ewwel qallu: “Dan int, il-bniedem li ġiegħel lil Israel jiġi mwarrab?”+
18 Għal dan qallu: “Mhux jien ġegħelt lil Israel jiġi mwarrab,+ imma int u dar missierek,+ għax tlaqtu l-kmandamenti taʼ Ġeħova,+ u mortu timxu wara l-Bagħalim.+ 19 U issa ibgħat messaġġ u iġbor lil Israel kollu quddiemi fuq il-Muntanja Karmel+ flimkien maʼ l-erbaʼ mija u ħamsin profeta taʼ Bagħal+ u l-erbaʼ mitt profeta taʼ l-arblu sagru,+ li jieklu mill-mejda taʼ Ġeżabel.”+ 20 U Aħab bagħat għal ulied Israel kollha u ġabar flimkien lill-profeti+ fuq il-Muntanja Karmel.
21 Imbagħad Elija resaq lejn in-nies kollha u qal: “Kemm se ddumu zzappu fuq żewġ opinjonijiet differenti?+ Jekk Ġeħova hu l-Alla l-veru, morru warajh;+ imma jekk hu Bagħal il-wieħed veru, morru warajh.” U n-nies ma qalux kelma waħda biex iwiġbuh. 22 U Elija kompla jgħid lin-nies: “Jien baqaʼ bħala profeta taʼ Ġeħova,+ jien biss, waqt li profeti taʼ Bagħal hemm erbaʼ mija u ħamsin. 23 Issa ħa jagħtuna żewġ barrin żgħar, u ħa jagħżlu għalihom barri żgħir u jqattgħuh biċċiet u jqegħduh fuq il-ħatab, imma ma jagħtuhx in-nar. U jien inħejji l-barri ż-żgħir l-ieħor, u nqiegħdu fuq il-ħatab, imma ma nagħtihx in-nar. 24 U intom sejħu l-isem taʼ l-alla tagħkom,+ u jien, min-naħa tiegħi, insejjaħ isem Ġeħova; u l-Alla l-veru li jwieġeb bin-nar+ ikun hu l-Alla l-veru.”+ Għal dan, il-poplu kollu wieġeb u qal: “Tajjeb.”
25 Imbagħad Elija qal lill-profeti taʼ Bagħal: “Agħżlu barri żgħir għalikom u ħejjuh intom l-ewwel, għax intom qegħdin fil-maġġuranza; u sejħu isem l-alla tagħkom, imma tagħtuhx in-nar.” 26 Għaldaqstant ħadu l-barri ż-żgħir li tahom. Imbagħad ħejjewh u qagħdu jsejħu isem Bagħal minn fil-għodu sa nofsinhar, u jgħidu: “O Bagħal, wiġibna!” Imma ma nstemaʼ l-ebda leħen,+ u ħadd ma wiġibhom.+ U baqgħu jzappu madwar l-artal li kienu għamlu. 27 U f’nofsinhar Elija beda jidħaq bihom+ u jgħidilhom: “Għajtulu kemm tifilħu, għax hu alla;+ żgur ħsiebu f’ħaġa oħra, u jrid imur il-latrina+ għax għandu bżonn jagħmel.+ Jew forsi rieqed u jeħtieġ iqum!”+ 28 U bdew jgħajtulu kemm jifilħu u jqattgħu+ ġisimhom stess skond id-drawwa tagħhom bl-istalletti u l-lanez, sakemm ħarġu d-demm li beda jċarċar fuqhom. 29 U ġara li għadda nofsinhar u huma komplew iġibu ruħhom taʼ profeti+ sal-ħin li tiġi preżentata l-offerta tal-qmuħ, imma baqaʼ ma nstemaʼ l-ebda leħen, u ħadd ma wiġibhom, u ħadd ma ta kashom.+
30 Fl-aħħar, Elija qal lin-nies kollha: “Ersqu lejja.” U n-nies kollha resqu lejh. U beda jsewwi l-artal taʼ Ġeħova li kien imġarraf.+ 31 Għalhekk, Elija ħa tnax-il ġebla, skond l-għadd tat-tribujiet taʼ wlied Ġakobb, li l-kelma taʼ Ġeħova kienet ġiet għandu,+ tgħid: “Ismek isir Israel.”+ 32 U mill-ġebel bena artal+ f’isem Ġeħova+ u madwar l-artal kollu għamel gandott, bejn wieħed u ieħor daqs l-art li tinżeraʼ b’żewġ seat żerriegħa. 33 Wara dan, poġġa l-ħatab+ f’ordni u qattaʼ l-barri żgħir u qiegħdu fuq il-ħatab. U qal: “Imlew erbaʼ ġarar kbar bl-ilma u ferrgħu l-ilma fuq l-offerta tal-ħruq u fuq il-ħatab.” 34 Imbagħad qal: “Erġgħu agħmlu hekk.” U reġgħu għamlu hekk. U qal: “Erġgħu agħmlu hekk għat-tielet darba.” Għalhekk, reġgħu għamlu hekk għat-tielet darba. 35 B’hekk, l-ilma ġera madwar l-artal kollu, u l-gandott imtela bl-ilma.
36 U ġara fil-ħin+ li tiġi preżentata l-offerta tal-qmuħ li l-profeta Elija resaq u qal: “O Ġeħova, l-Alla t’Abraham,+ Iżakk,+ u Israel,+ għarraf illum li int Alla f’Israel+ u li jien il-qaddej tiegħek u li skond kelmtek+ għamilt dawn l-affarijiet kollha. 37 Wiġibni, O Ġeħova, wiġibni, ħalli dawn in-nies ikunu jafu li int, Ġeħova,+ int l-Alla l-veru u int innifsek reġġajtilhom qalbhom lura.”+
38 Għal dan, in-nar+ taʼ Ġeħova niżel u ħataf l-offerta tal-ħruq+ u l-ħatab u l-ġebel u t-trab, u xorob l-ilma tal-gandott.+ 39 Hekk kif in-nies kollha raw dan, huma nxteħtu wiċċhom fl-art+ u qalu: “Ġeħova hu l-Alla l-veru! Ġeħova hu l-Alla l-veru!” 40 Imbagħad Elija qalilhom: “Aqbdu ’l-profeti taʼ Bagħal! Tħallu ’l ħadd minnhom jaħrab!” Minnufih qabduhom, u Elija niżżilhom fil-wied taʼ Kison+ u qatilhom hemmhekk.+
41 Imbagħad Elija qal lil Aħab: “Itlaʼ, kul u ixrob;+ għax jinstemaʼ jidwi l-ħoss taʼ xita bil-qliel.”+ 42 U Aħab telaʼ jiekol u jixrob. U Elija telaʼ fuq il-quċċata tal-Karmel u niżel kobba maʼ l-art+ u żamm wiċċu bejn irkopptejh.+ 43 Imbagħad qal lill-qaddej tiegħu: “Itlaʼ, jekk jogħġbok, u ħares lejn id-direzzjoni tal-baħar.” Għalhekk, dak telaʼ u ħares u mbagħad qal: “M’hemm xejn.” U għal sebaʼ darbiet issokta jgħidlu, “Erġaʼ mur.”+ 44 U mas-sebaʼ darba dak qal: “Ara! Hemm sħaba ċkejkna daqs il-pala taʼ id raġel tielgħa mill-baħar.”+ Issa hu qal: “Itlaʼ, għid lil Aħab, ‘Arma l-karru!+ U inżel ħalli ma tinqabadx fix-xita qalila!’” 45 U ġara sadanittant li s-smewwiet iddallmu bis-sħab u qam ir-riħ+ u bdiet nieżla xita bil-qliel.+ U Aħab baqaʼ għaddej riekeb fi triqtu lejn Ġeżragħel.+ 46 U id Ġeħova kienet fuq Elija,+ u b’hekk hu xammar il-libsa*+ u telaq jiġri qabel Aħab it-triq kollha sa Ġeżragħel.+