Ġeremija
30 Il-kelma li ġiet għand Ġeremija mingħand Ġeħova, tgħid: 2 “Hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, ‘Ikteb fi ktieb dak kollu li se ngħidlek.+ 3 Għax, “ara, ġej żmien,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “meta niġbor lill-imjassrin tal-poplu tiegħi, Israel u Ġuda,”+ qal Ġeħova, “u nġibhom lura lejn l-art li jien tajt lil missirijiethom, u din terġaʼ tkun tagħhom.”’”+
4 U dan hu l-kliem li Ġeħova qal lil Israel u lil Ġuda. 5 Hekk qal Ġeħova: “Smajna l-ħoss tat-tregħid, tal-biżaʼ,+ u m’hemmx paċi. 6 Staqsu, jekk jogħġobkom, u araw jekk hemmx xi raġel jiled. Għala kull raġel b’saħħtu li rajt kellu idejh fuq ġenbejh bħal mara li qed tiled,+ u l-uċuħ kollha sfaru?+ 7 Jaħasra! Għax dak il-jum hu wieħed kbir,+ u m’hemmx ieħor bħalu,+ u dakinhar ikun żmien in-niket taʼ Ġakobb.+ Imma hu se joħroġ salv minnu.”
8 “U jiġri dak iż-żmien,” hija l-kelma taʼ Ġeħova taʼ l-armati, “li nkisser il-madmad minn fuq għonqhom, u naqsam l-irbit tagħhom fi tnejn,+ u l-istranġieri qatt iżjed ma jisfruttawh bħala qaddej. 9 U huma jaqdu lil Ġeħova Alla tagħhom u lil David is-sultan tagħhom,+ li se nqajmilhom fuqhom.”+
10 “U int tibżax, O Ġakobb, qaddej tiegħi,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “u titwerwirx, O Israel.+ Għax, ara, jien insalvak minn art fil-bogħod u lil uliedek mill-art fejn huma mjassrin.+ U Ġakobb jerġaʼ lura u jgħix fil-kwiet u bla tfixkil, u ma jkunx hemm min ibeżżgħu.”+
11 “Għax jien miegħek,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “biex insalvak;+ imma se nġib qerda sħiħa fost il-ġnus kollha fejn xerridtek.+ Iżda lilek m’iniex se neqirdek għalkollox.+ U nikkoreġik kemm ikun jistħoqqlok, għax żgur mhux se nħallik bla kastig.”+
12 Għax hekk qal Ġeħova: “Il-ġerħa tiegħek ma tiddewwiex.+ Il-ferita tiegħek bla fejqan.+ 13 M’hemm ħadd jiddefendi l-kawża tiegħek, sabiex idewwilek il-pjaga.+ Ma tistax tfiq, ma tistax tieħu lura saħħtek.+ 14 Dawk kollha li ħabbewk bil-kbir insewk.+ M’għadhomx ifittxuk. Għax jien sawwattek bis-swat t’għadu,+ bil-kastigi taʼ wieħed kiefer,+ minħabba l-iżbalji kotrana tiegħek;+ għax dnubietek żdiedu ħafna.+ 15 Għala qed tgħajjat minħabba l-ġerħa tiegħek?+ L-uġigħ li għandek mhux se jfiq għax l-iżbalji tiegħek huma kotrana; dnubietek żdiedu ħafna.+ Jien ġibtu fuqek dan. 16 Għaldaqstant, dawk kollha li qed jibilgħuk għad jinbelgħu huma;+ u l-avversarji tiegħek, kollha fil-jasar sejrin.+ U dawk li qed iħarbtuk għad jitħarbtu, u dawk kollha li ħatfuk bħala priża nagħtihom biex jinħatfu huma.”+
17 “Għax nerġaʼ nagħtik saħħtek, u nfejqek mid-daqqiet tiegħek,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. “Għax sejħulek imkeċċija,+ u qalu: ‘Dik Sijon, li ħadd m’hu qed ifittixha.’”+
18 Hekk qal Ġeħova: “Ara, ġej lejn it-tined taʼ Ġakobb, u se niġbor lill-imjassrin taʼ Ġakobb,+ u tiġini ħasra mit-tabernakli tiegħu. U l-belt terġaʼ tinbena fuq l-għolja tagħha;+ u t-torri li kien mgħammar ikun fil-post xieraq tiegħu.+ 19 U minnhom joħroġ ir-radd il-ħajr, u l-ħoss tan-nies jidħqu.+ U jien inkattarhom, u ma jonqsux;+ u nżidhom fl-għadd, u ma jsirux insinifikanti.+ 20 U wliedu jkunu bħal fiż-żminijiet taʼ qabel, u l-ġemgħa tiegħu tkun stabbilita quddiemi fis-sod.+ U nitlob kont minn kulmin jaħqru.+ 21 U l-maestuż tiegħu jkun wieħed minnu,+ u minn ġo nofsu joħroġ il-ħakkiem tiegħu;+ u jien irressqu lejja, u hu jersaq lejja.”+
“Għax min hu dak li jissogra jersaq lejja minn jeddu?”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. 22 “U intom issiru l-poplu tiegħi,+ u jien insir Alla tagħkom.”+
23 Ara! Ħareġ ir-riefnu taʼ Ġeħova, il-korla tiegħu, tempesta li tkaxkar kollox magħha.+ Fuq l-irjus tal-ħżiena se ddur u tagħqad.+ 24 Ir-rabja taħraq taʼ Ġeħova ma terġax lura qabel ma jkun temm u wettaq il-ħsibijiet taʼ qalbu.+ Fl-aħħar parti tal-jiem, dan se tikkunsidrawh.+