Atti
9 Imma Sawl, li kien għadu jhedded lid-dixxipli+ tal-Mulej u kellu xewqa kbira li joqtolhom,+ mar għand il-qassis il-kbir 2 u talbu jikteb xi ittri għas-sinagogi f’Damasku, sabiex ikun jistaʼ jġib marbut lejn Ġerusalemm lil kulmin isib jagħmel parti mit-Triq,+ kemm irġiel u kemm nisa.
3 Issa hu u jivvjaġġa qorob lejn Damasku, meta f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema,+ 4 u waqaʼ fl-art u semaʼ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?”+ 5 Wieġeb: “Min int, Mulej?” Qallu: “Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.+ 6 Iżda, qum+ u idħol il-belt, u jintqallek xi trid tagħmel.” 7 Issa l-irġiel li kienu qed jivvjaġġaw miegħu+ baqgħu mbikkmin,+ għax fil-fatt semgħu l-ħoss taʼ leħen,+ imma ma raw lil ħadd. 8 Sawl qam mill-art u, għalkemm għajnejh kienu miftuħin, ma beda jara xejn.+ Għalhekk, mexxewh minn idu u ħaduh Damasku. 9 U għal tlett ijiem ma ra xejn,+ u la kiel u lanqas xorob.
10 F’Damasku kien hemm wieħed dixxiplu jismu Ananija,+ u l-Mulej qallu f’viżjoni: “Ananija!” Wieġbu: “Hawn jien, Mulej.” 11 Qallu l-Mulej: “Qum, mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta, u fid-dar taʼ Ġuda staqsi għal raġel jismu Sawl, minn Tarsu.+ Għax, ara, qed jitlob, 12 u f’viżjoni ra raġel jismu Ananija dieħel u jqiegħed idejh fuqu biex jerġaʼ jieħu d-dawl.”+ 13 Imma Ananija wieġeb: “Mulej, smajt mingħand ħafna dwar dan ir-raġel, kemm għamel ħsara lill-qaddisin tiegħek f’Ġerusalemm. 14 U hawnhekk għandu l-awtorità mingħand il-qassisin ewlenin biex jorbot lil kulmin isejjaħ ismek.”+ 15 Imma l-Mulej qallu: “Mur, għax għalija dan ir-raġel hu strument magħżul+ biex iwassal ismi quddiem il-ġnus+ kif ukoll quddiem slaten+ u wlied Israel. 16 Għax se nurih ċar kemm irid isofri minħabba ismi.”+
17 Għalhekk, Ananija telaq u daħal fid-dar, u qiegħed idejh fuqu u qallu: “Sawl, ħija, il-Mulej, l-istess Ġesù li deherlek fit-triq minfejn kont ġej, bagħatni sabiex int terġaʼ tieħu d-dawl u timtela bl-ispirtu qaddis.”+ 18 U minnufih waqaʼ bħal qxur minn għajnejh, u reġaʼ ħa d-dawl; u qam u tgħammed, 19 u kiel u ssaħħaħ.+
Għal xi jiem qagħad mad-dixxipli f’Damasku,+ 20 u minnufih beda jippriedka fis-sinagogi dwar Ġesù,+ li Dan hu l-Iben t’Alla. 21 Imma dawk kollha li semgħuh baqgħu mistagħġbin u kienu jgħidu: “Dan mhux ir-raġel li f’Ġerusalemm ħarbat+ lil dawk li jsejħu dan l-isem, u li kien ġie hawnhekk bl-għan li jiħodhom marbutin għand il-qassisin ewlenin?”+ 22 Imma Sawl baqaʼ jiżdied fil-qawwa u, bil-loġika li kien juża biex juri li dan hu l-Kristu, kien ibellah lil-Lhud li kienu joqogħdu Damasku.+
23 Issa, wara ħafna jiem, il-Lhud ftiehmu bejniethom biex jeħilsu minnu.+ 24 Madankollu, Sawl sar jaf bil-komplott tagħhom kontrih. Imma, sabiex jeħilsu minnu, anki mal-bibien tal-belt kienu qed jagħmlu għassa stretta, kemm bi nhar u kemm bil-lejl.+ 25 Għalhekk, id-dixxipli tiegħu ħaduh u bil-lejl niżżluh f’qoffa minn ġo tieqa fis-sur.+
26 Malli wasal Ġerusalemm+ beda jipprova jingħaqad mad-dixxipli; imma kollha kienu jibżgħu minnu, għax m’emmnux li kien dixxiplu. 27 Għalhekk, Barnaba qabeż għalih+ u ħadu għand l-appostli, u qalilhom bid-dettall kif fit-triq kien ra lill-Mulej+ u kien kellmu,+ u kif f’Damasku+ kien tkellem bil-qlubija f’isem Ġesù. 28 U baqaʼ magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, jitkellem bil-qlubija f’isem il-Mulej;+ 29 u kien jitkellem u jiddibatti mal-Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg. Imma dawn għamlu attentati biex jeħilsu minnu.+ 30 Meta l-aħwa indunaw b’dan, niżżluh Ċesarija u bagħtuh lejn Tarsu.+
31 Imbagħad, tabilħaqq, il-kongregazzjoni+ fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha ssaħħet u daħlet f’perijodu taʼ paċi; u baqgħet tiżdied waqt li mxiet fil-biżaʼ taʼ Ġeħova+ u fil-faraġ taʼ l-ispirtu qaddis.+
32 Issa hekk kif Pietru kien qed idur l-inħawi kollha niżel ukoll għand il-qaddisin li kienu joqogħdu Lidda.+ 33 Hemmhekk sab wieħed raġel li kien jismu Enea, li kien ilu tmien snin mixħut fuq sodda, għax kien paralizzat. 34 U Pietru qallu:+ “Enea, Ġesù Kristu jfejqek.+ Qum u ifrex soddtok.” U dak qam minnufih. 35 U dawk kollha li kienu jgħixu Lidda u fil-pjanura tas-Saron+ rawh u daru lejn il-Mulej.+
36 F’Ġaffa+ kien hemm waħda mid-dixxipli jisimha Tabita, isem li meta jiġi tradott bil-Grieg hu Dorka.* Hi kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin+ u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena. 37 Imma inzerta li f’dawk il-jiem mardet u mietet. Għalhekk, ħasluha u meddewha fil-kamra taʼ fuq. 38 Peress li Lidda kienet qrib Ġaffa,+ meta d-dixxipli semgħu li Pietru kien f’din il-belt bagħtulu żewġt irġiel biex jitolbuh bil-ħrara: “Jekk jogħġbok iddumx ma tiġi sa ħdejna.” 39 Għal dan il-kliem, Pietru qam u mar magħhom. U meta wasal, tellgħuh fil-kamra taʼ fuq; u r-romol kollha ġew quddiemu jibku u juruh il-ħafna lbiesi u mnatar+ li Dorka kienet tagħmel meta kienet magħhom.+ 40 Imbagħad Pietru ħareġ lil kulħadd ’il barra,+ niżel għarkopptejh, talab, dar lejn il-ġisem, u qal: “Tabita, qum!” Hi fetħet għajnejha u, hekk kif lemħet lil Pietru, qamet bil-qiegħda.+ 41 Hu taha idu, qajjimha,+ u sejjaħ lill-qaddisin u lir-romol u tahielhom ħajja.+ 42 Dan sar magħruf maʼ Ġaffa kollha, u ħafna saru jemmnu fil-Mulej.+ 43 U baqaʼ Ġaffa+ għal ftit jiem mhux ħażin maʼ ċertu Xmun, li kien konzatur.+