Ġenesi
49 Imbagħad Ġakobb sejjaħ lil uliedu u qalilhom: “Inġabru flimkien sabiex ngħidilkom x’se jiġrilkom fl-aħħar parti tal-jiem. 2 Inġemgħu u isimgħu, ulied Ġakobb, iva, isimgħu lil missierkom Israel.+
3 “Ruben, int l-ewwel imwieled tiegħi,+ il-ħeġġa tiegħi u l-bidu tal-qawwa riproduttiva tiegħi,+ l-eċċellenza tad-dinjità u l-eċċellenza tas-saħħa. 4 Togħliex bla rażan bħall-ilmijiet,+ għaliex int tlajt fuq is-sodda taʼ missierek.+ Dakinhar kasbart friexi.+ Fuqu telaʼ!
5 “Simegħon u Levi huma aħwa.+ Għodod tal-vjolenza huma l-armi qattilin tagħhom.+ 6 Toqgħodx fil-kumpanija tagħhom,+ O ruħi. Tingħaqadx mal-ġemgħa tagħhom,+ għaliex fir-rabja tagħhom qatlu n-nies,+ u b’kapriċċhom qatgħu l-għerq taʼ l-għarqub tal-barrin. 7 Misħuta tkun ir-rabja tagħhom,+ għaliex hi kiefra,+ u l-qilla tagħhom, għaliex hi ħarxa.+ Ħa nqassamhom f’Ġakobb u ħa nxerridhom f’Israel.+
8 “Inkwantu għalik, Ġuda,+ ħutek se jfaħħruk.+ Idek se tkun fuq għonq l-għedewwa tiegħek.+ Ulied missierek se jinxteħtu fl-art quddiemek.+ 9 Ferħ taʼ ljun hu Ġuda.+ Ibni, int żgur li se tiekol il-priża u titlaʼ. Hu miel; hu mtedd bħal iljun u, bħal iljun, min jissogra jqajmu?+ 10 Ix-xettru ma jitwarrabx minn Ġuda,+ lanqas il-ħatar taʼ kmandant minn bejn riġlejh, sakemm jiġi Silo;*+ u l-popli se jobdu lilu.+ 11 Jorbot il-ħmar tiegħu maʼ dielja u l-ferħ tal-ħmara tiegħu maʼ dielja prima, u jaħsel ħwejġu fl-inbid u l-libsa tiegħu fid-demm taʼ l-għeneb.+ 12 Ħomor nar huma għajnejh bl-inbid, u l-bjuda taʼ snienu hi mill-ħalib.
13 “Żebulun jgħammar ħdejn xatt il-baħar,+ u se jkun ħdejn ix-xatt fejn huma ankrati l-bastimenti;+ u n-naħa mbiegħda tiegħu tkun lejn Sidon.+
14 “Issakar+ hu ħmar b’saħħtu, mimdud bejn iż-żewġ xkejjer taʼ mas-sarġ. 15 U jara li l-post taʼ mistrieħ hu tajjeb u li l-art hi pjaċevoli; u jniżżel spalltu biex iġorr it-tagħbijiet u jsir ilsir tax-xogħol forzat.
16 “Dan se jiġġudika lill-poplu tiegħu bħala wieħed mit-tribujiet taʼ Israel.+ 17 Ħa juri Dan li hu serpent mal-ġenb tat-triq, serp bil-qrun mal-ġenb tal-mogħdija, li jigdem għarqub iż-żiemel, u b’hekk ir-rikkieb tiegħu jinqaleb lura.+ 18 Jien tabilħaqq se nistenna s-salvazzjoni mingħandek, O Ġeħova.+
19 “Inkwantu għal Gad, qatgħa ħallelin se taħbat għalih, imma hu se jaħbat għal għarqubhom.+
20 “Aser, ħobżu se jkun bnin,+ u jagħti l-ikel delizzjuż taʼ sultan.+
21 “Naftali+ hu ċerva ħafifa. Qed jagħti kliem grazzjuż.+
22 “Ġużeppi hu r-rimja taʼ siġra għammiela,+ rimja taʼ siġra għammiela ħdejn l-għajn,+ li xxeblek il-friegħi tagħha għal fuq ħajt.+ 23 Imma l-arċieri baqgħu jattakkawh u waddbulu l-vleġeġ u baqgħu jobogħduh.+ 24 U madankollu l-qaws tiegħu baqaʼ sod,+ u idejh kienu b’saħħithom u ħfief.+ Minn idejn l-Alla l-Qawwi taʼ Ġakobb,+ minn hemmhekk hu r-Ragħaj, il-Ġebla taʼ Israel.+ 25 Hu mill-Alla taʼ missierek,+ u se jgħinek;+ u qiegħed maʼ Dak li Jistaʼ Kollox,+ u se jbierkek bil-barkiet tas-smewwiet minn fuq,+ bil-barkiet taʼ l-abbiss taʼ l-ilma li jinsab taħt,+ bil-barkiet tas-sider u tal-ġuf.+ 26 Il-barkiet taʼ missierek se jkunu tabilħaqq superjuri għall-barkiet tal-muntanji eterni,+ għat-tiżjin taʼ l-għoljiet li jibqgħu għal żmien indefinit.+ Se jibqgħu fuq ras Ġużeppi, fuq il-qorriegħa taʼ ras il-magħżul minn fost ħutu.+
27 “Benjamin se jibqaʼ jċarrat bħal lupu.+ Fil-għodu jiekol l-annimal maħtuf u fil-għaxija jqassam il-priża.”+
28 Dawn kollha huma t-tnax-il tribù taʼ Israel, u dan hu li qalilhom missierhom meta kien qed iberikhom. Berikhom kull wieħed skond il-barka li kienet tixraqlu.+
29 Imbagħad ordnalhom u qalilhom: “Jien se ninġabar maʼ niesi.+ Idfnuni maʼ missirijieti fl-għar li jinsab fl-għalqa t’Għefron il-Ħitti,+ 30 fl-għar li jinsab fl-għalqa taʼ Makfela li tinsab quddiem Mamre fl-art taʼ Kangħan, l-għalqa li Abraham xtara mingħand Għefron il-Ħitti biex ikollu post għad-dfin.+ 31 Hemmhekk difnuhom lil Abraham u lil martu Sara.+ Hemmhekk difnuhom lil Iżakk u lil martu Rebekka,+ u hemmhekk jien dfint lil Lea. 32 L-għalqa u l-għar li hemm fiha nxtraw mingħand ulied Ħet.”+
33 B’hekk, Ġakobb temm jagħti l-ordnijiet lil uliedu. Imbagħad imtedd fuq is-sodda u ħa l-aħħar nifs u nġabar maʼ niesu.+