Ester
2 Wara dan, meta r-rabja tas-Sultan Aħasweru+ birdet, hu ftakar f’Vasti+ u f’dak li kienet għamlet+ u x’kien ġie deċiż kontriha.+ 2 Imbagħad il-qaddejja tas-sultan, il-ministri+ tiegħu, qalu: “Ħa jfittxu+ għas-sultan tfajliet verġni,+ sbieħ fl-għajn, 3 u ħa jaħtar is-sultan uffiċjali fil-provinċji+ kollha tar-renju tiegħu, u jiġbru flimkien it-tfajliet verġni kollha, sbieħ fl-għajn, fil-kastell+ taʼ Susan, fid-dar tan-nisa u jiġu fdati f’idejn Ħegaj,+ l-ewnuku+ tas-sultan li kien jieħu ħsieb in-nisa; u ħa jagħmlulhom il-massaġġi. 4 U dik it-tfajla li tingħoġob mis-sultan tkun sultana minflok Vasti.”+ U din il-ħaġa għoġbitu lis-sultan, u hekk għamel.
5 Fil-kastell taʼ Susan+ kien hemm ċertu raġel Lhudi, jismu Mordekaj,+ bin Ġajir, bin Simgħi, bin Kis, mit-tribù taʼ Benjamin,+ 6 li minn Ġerusalemm ittieħed fl-eżilju+ man-nies li ġew eżiljati maʼ Ġekonija,+ is-sultan taʼ Ġuda li ttieħed fl-eżilju minn Nebukadnessar,+ is-sultan taʼ Babilonja. 7 U beda jieħu ħsieb+ lil Ħadassa,* jiġifieri, Ester, it-tifla taʼ ħu missieru,+ għax la kellha missier u lanqas omm; u t-tfajla kienet sabiħa f’suritha u wiċċha ħelu,+ u mal-mewt taʼ missierha u ommha Mordekaj ħadha b’bintu. 8 U ġara li, meta nstemgħu l-kelma u l-liġi tas-sultan, u meta fil-kastell taʼ Susan+ ġabru flimkien ħafna tfajliet li ġew fdati f’idejn Ħegaj,+ Ester ittieħdet fid-dar tas-sultan u ġiet fdata f’idejn Ħegaj li kien jieħu ħsieb in-nisa.
9 Issa t-tfajla għoġbitu, u għalhekk urieha qalb tajba bl-imħabba+ u ra li malajr jinbdewlha l-massaġġi+ u jingħatalha l-ikel adattat għaliha, u jingħatawlha sebaʼ tfajliet magħżulin minn dar is-sultan, u lilha u lit-tfajliet tagħha ħadhom fl-aħjar post li kien hemm f’dar in-nisa. 10 Ester ma kienet qalet xejn dwar il-poplu tagħha+ u qrabatha, għax Mordekaj stess kien ikkmandaha biex ma titkellimx.+ 11 U jum wara l-ieħor Mordekaj kien jgħaddi quddiem il-bitħa taʼ dar in-nisa biex ikun jaf kif inhi Ester u x’kienu qed jagħmlulha.
12 U meta kien imiss lil kull waħda mit-tfajliet biex tidħol għand is-Sultan Aħasweru wara li jkun sarilha skond ir-regolament tan-nisa għal tnax-il xahar, għax hekk kien isir fiż-żmien tal-proċedura tal-massaġġi tagħhom, sitt xhur biż-żejt tal-mirra+ u sitt xhur biż-żejt tal-balzmu+ flimkien mal-massaġġi tan-nisa; 13 imbagħad wara dan kollu t-tfajla tidħol għand is-sultan. Kulma kienet titlob kien jingħatalha, biex tieħdu magħha mid-dar tan-nisa għad-dar tas-sultan.+ 14 Fil-għaxija kienet tidħol, u fil-għodu tmur lura fit-tieni dar tan-nisa fdata f’idejn Sagħasgaż, l-ewnuku+ tas-sultan li kien jieħu ħsieb il-konkubini. Ma kinitx terġaʼ tidħol għand is-sultan ħlief jekk hu jkollu pjaċir biha u jkun sejħilha b’isimha.+
15 U meta mess lil Ester, bint Abiħajl iz-ziju taʼ Mordekaj li kien ħadha b’bintu,+ biex tidħol għand is-sultan, hi ma talbet xejn+ ħlief dak li qalilha Ħegaj,+ l-ewnuku tas-sultan li kien jieħu ħsieb in-nisa (sadanittant Ester baqgħet tingħoġob minn kulmin kien jaraha).+ 16 Imbagħad Ester ittieħdet għand is-Sultan Aħasweru fid-dar irjali tiegħu fl-għaxar xahar, jiġifieri, fix-xahar taʼ Tebet, fis-sebaʼ sena+ tar-renju tiegħu. 17 U s-sultan sar iħobb lil Ester iżjed min-nisa l-oħrajn kollha, u b’hekk inġibed lejha u wrieha qalb tajba bl-imħabba iktar mill-verġni l-oħrajn kollha.+ U hu poġġa l-velu rjali fuq rasha u għamilha sultana+ minflok Vasti. 18 U s-sultan għamel ikla kbira għall-prinċpijiet u l-qaddejja tiegħu kollha, l-ikla t’Ester; u hu ta maħfra ġenerali+ lill-provinċji kollha, u kompla jagħti rigali skond il-mezzi tas-sultan.
19 Issa meta ġabru flimkien għat-tieni darba lit-tfajliet verġni,+ Mordekaj kien bil-qiegħda f’bieb is-sultan.+ 20 Ester ma kienet qed tgħid xejn dwar qrabatha u l-poplu tagħha,+ bħalma kien ikkmandaha+ Mordekaj;+ u Ester kienet qed tagħmel kulma qalilha Mordekaj, kif kienet tagħmel meta kien jieħu ħsiebha hu.+
21 F’dawk il-jiem meta Mordekaj kien bil-qiegħda f’bieb is-sultan, Bigtan u Teres, żewġ uffiċjali tal-palazz tas-sultan, għassiesa tal-bibien, irrabjaw u bdew jaraw kif se jagħmlu l-ħsara+ lis-Sultan Aħasweru. 22 U Mordekaj sar jaf b’dan, u qal+ mill-ewwel lis-Sultana Ester. Min-naħa tagħha Ester tkellmet mas-sultan f’isem Mordekaj.+ 23 Allura meta sar stħarriġ dwar din il-kwistjoni u nstab li kienet minnha, it-tnejn li huma ġew imdendlin+ maʼ zokk;+ imbagħad dan inkiteb quddiem is-sultan fi ktieb il-ġrajjiet+ taż-żminijiet.