Ġenesi
50 Imbagħad Ġużeppi nxteħet fuq wiċċ missieru+ u nfaqaʼ jibki fuqu u biesu.+ 2 U Ġużeppi ordna lill-qaddejja tiegħu, it-tobba, biex jibbalzmaw+ lil missieru. Għalhekk, it-tobba bbalzmaw lil Israel, 3 u ħadu erbgħin jum sħaħ għalih, għax daqshekk kienu jieħdu jiem biex jibbalzmaw, u l-Eġizzjani damu sebgħin jum+ jibkuh.
4 Fl-aħħar, jiem il-biki għalih għaddew, u Ġużeppi kellem lin-nies taʼ dar il-Fargħun u qalilhom: “Jekk, issa, sibt il-ħniena f’għajnejkom,+ tkellmu, jekk jogħġobkom, biex jismagħkom il-Fargħun, u għidu, 5 ‘Missieri ġegħelni naħlef,+ u qalli: “Ara! Jien se mmut.+ Int trid tidfinni+ fil-post għad-dfin li jien ħaffirt għalija fl-art taʼ Kangħan.”+ U issa, jekk jogħġbok, ħallini nitlaʼ nidfen lil missieri, u wara nkun lest li niġi lura.’” 6 U l-Fargħun wieġbu: “Itlaʼ idfen lil missierek bħalma ġiegħlek taħlef.”+
7 Għalhekk, Ġużeppi telaʼ jidfen lil missieru, u miegħu telgħu l-qaddejja kollha tal-Fargħun, ix-xjuħ+ taʼ daru, u x-xjuħ kollha taʼ l-art taʼ l-Eġittu, 8 u n-nies kollha taʼ dar Ġużeppi u ħutu u n-nies taʼ dar missieru.+ Fl-art taʼ Gosen ħallew biss it-tfal ċkejknin tagħhom u l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar tagħhom. 9 Telgħu miegħu wkoll kemm il-karrijiet+ u kemm ir-rikkieba taż-żwiemel, u l-grupp kien kbir ħafna. 10 Imbagħad waslu ħdejn il-qiegħa tad-dris+ t’Atad, li hemm fir-reġjun tal-Ġordan,+ u hemmhekk bkew biki kbir u qawwi ħafna, u hu żamm ir-riti tal-vistu għal missieru għal sebat ijiem.+ 11 U l-abitanti tal-pajjiż, il-Kangħanin, raw ir-riti tal-vistu fil-qiegħa tad-dris t’Atad, u qalu: “Dan luttu kbir għall-Eġizzjani!” Huwa għalhekk li semmew il-post Abel-misrajm,* li qiegħed fir-reġjun tal-Ġordan.+
12 U wliedu għamlulu eżatt kif kien ordnalhom.+ 13 Għalhekk, uliedu ġarrewh lejn l-art taʼ Kangħan u difnuh fl-għar taʼ l-għalqa taʼ Makfela, quddiem Mamre,+ l-għalqa li Abraham kien xtara mingħand Għefron il-Ħitti biex ikollu post għad-dfin. 14 U wara li kien difen lil missieru, Ġużeppi mar lura l-Eġittu, hu, ħutu, u kulmin telaʼ miegħu biex jidfen lil missieru.
15 Meta ħut Ġużeppi raw li missierhom kien miet, bdew jgħidu: “Għandu mnejn li Ġużeppi jobgħodna+ u żgur li jpattilna għad-deni kollu li għamilnielu.”+ 16 Għalhekk, huma wasslu kmand lil Ġużeppi b’dan il-kliem: “Missierek qabel ma miet ordna u qal, 17 ‘Dan għandkom tgħidulu lil Ġużeppi: “Nitolbok, aħfer,+ jekk jogħġbok, l-irvell taʼ ħutek u dnubhom minħabba d-deni li għamlulek.”’+ U issa aħfer, jekk jogħġbok, l-irvell tal-qaddejja taʼ l-Alla taʼ missierek.”+ U Ġużeppi nfaqaʼ jibki meta kellmuh. 18 U ħutu ġew ukoll u nxteħtu fl-art quddiemu u qalulu: “Ara! Aħna lsiera tiegħek!”+ 19 Imbagħad Ġużeppi qalilhom: “Tibżgħux, jaqaw jien qiegħed flok Alla?+ 20 Intom kellkom f’moħħkom li tagħmluli d-deni. Alla kellu f’moħħu li jagħmel il-ġid bl-iskop li jaġixxi, bħal f’dan il-jum, biex iżomm ħajjin ħafna nies.+ 21 Mela issa tibżgħux. Jien nibqaʼ nagħti l-ikel lilkom u lit-tfal ċkejknin tagħkom.”+ B’hekk, hu farraġhom u bi kliemu serrħilhom moħħhom.
22 U Ġużeppi baqaʼ jgħix fl-Eġittu, hu u dar missieru; u Ġużeppi għex mija u għaxar snin. 23 U Ġużeppi ra lil ulied Efrajm tat-tielet ġenerazzjoni,+ kif ukoll lil ulied Makir,+ bin Manasse. Dawn twieldu fuq irkopptejn Ġużeppi.+ 24 Fl-aħħar, Ġużeppi qal lil ħutu: “Jien se mmut; imma Alla żgur li se jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejkom,+ u ċertament li joħroġkom minn din l-art u jtellagħkom lejn l-art li dwarha ħalef lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb.”+ 25 Għaldaqstant, Ġużeppi ġiegħel lil ulied Israel jaħilfu, u qalilhom: “Alla żgur li se jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejkom. Għalhekk, tridu ttellgħu l-għadam tiegħi minn hawnhekk.”+ 26 Imbagħad Ġużeppi miet fl-età taʼ mija u għaxar snin; u bbalzmawh+ u poġġewh f’tebut fl-Eġittu.