LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 6/1 pp. 26-30
  • Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien—Barka għaż-Żgħażagħ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien—Barka għaż-Żgħażagħ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Fidi b’Effetti Tassew Kbar
  • Influwenza fuq il-​Familja
  • Influwenza fuq Sħabhom fit-​Twemmin
  • Samwel ‘Wettaq il-​Ġustizzja’
  • Jgħallmu lill-​Ġenerazzjoni li Ġejja
  • “Ngħixu bil-Fidi u Mhux bil-Viżjoni”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ġeħova Jieħu Ħsieb b’Mod Teneru l-Qaddejja Tiegħu Mdaħħlin fiż-Żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Qawwu Qalbkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Alla Jbierek lil Abraham u lil Familtu
    Il-Bibbja—X’Inhu l-Messaġġ Tagħha?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 6/1 pp. 26-30

Uħud Imdaħħlin fiż-​Żmien—Barka għaż-​Żgħażagħ

“Mqar meta nixjieħ jibjad xagħri, la tinsinix, o Alla; sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, il-​qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.”​—SALM 71:18.

1, 2. X’għandhom jirrealizzaw il-​qaddejja t’Alla mdaħħlin fiż-​żmien, u issa x’se nikkunsidraw?

ANZJAN Kristjan fl-​Afrika tal-​Punent mar iżur wieħed ħu midluk imdaħħal fiż-​żmien u staqsieh, “Kif int?” Il-​ħu wieġbu, “Nistaʼ niġri, nistaʼ naqbeż, kemm fuq żewġ saqajn, u anki fuq sieq waħda,” waqt li hu u jgħidlu beda jipprova jurih kif. Hu żied, “Imma ma nistax intir.” L-​anzjan fehmu x’ried jgħid. ‘Dak li nistaʼ nagħmel, nagħmlu bil-​qalb kollha, imma dak li ma nistax nagħmel, ma nagħmlux.’ L-​anzjan li kien għamel din iż-​żjara llum għandu fuq it-​80 sena, u jiftakar b’għożża s-​sens t’umoriżmu taʼ dan il-​ħu u l-​lealtà tiegħu.

2 Meta persuna mdaħħla fiż-​żmien taġixxi fi qbil maʼ l-​istruzzjonijiet t’Alla, tistaʼ tħalli impressjoni dejjiema fuq l-​oħrajn. M’għandniex xi ngħidu, l-​età waħedha ma tipproduċix awtomatikament l-​għerf u l-​kwalitajiet bħal taʼ Kristu. (Koħèlet 4:​13) Il-​Bibbja tistqarr: “Ix-​xagħar abjad kuruna taʼ ġieħ, li tinkiseb b’ħajja tajba.” (Proverbji 16:31) Jekk int imdaħħal fiż-​żmien, tirrealizza int kemm il-​kliem u l-​azzjonijiet tiegħek jistgħu jeffettwaw lill-​oħrajn u jkunu taʼ benefiċċju għalihom? Ikkunsidra xi eżempji Bibliċi li juru sa liema punt dawk imdaħħlin fiż-​żmien kienu tassew taʼ benefiċċju għaż-​żgħażagħ.

Fidi b’Effetti Tassew Kbar

3. Il-​lealtà taʼ Noè kif effettwat lil dawk kollha li qed jgħixu llum?

3 Il-​fidi taʼ Noè u l-​fatt li baqaʼ leali ħallew benefiċċji li għadhom jinħassu saħansitra sa llum. Noè kellu kważi 600 sena meta bena l-​arka, ġabar l-​annimali, u ppriedka lill-​ġirien tiegħu. (Ġenesi 7:6; 2 Pietru 2:5) Minħabba li Noè kellu l-​biżaʼ t’Alla, hu u l-​familja tiegħu salvaw mid-​Dilluvju kbir u Noè sar l-​antenat tan-​nies kollha li qed jgħixu fuq l-​art illum. Veru li Noè għex fiż-​żmien meta n-​nies in ġenerali kienu jgħixu iktar. Madankollu, fl-​iktar età avanzata tiegħu, Noè baqaʼ leali, u dan irriżulta f’barkiet sinifikanti. Kif?

4. Il-​qaddejja t’Alla llum kif ibbenefikaw mill-​fatt li Noè baqaʼ leali?

4 Noè kellu kważi 800 sena meta Nimrod beda jippjana li jibni t-​Torri taʼ Babel bi sfida għall-​kmand taʼ Ġeħova biex ‘jimlew l-​art.’ (Ġenesi 9:​1; 11:​1-9) Però, Noè ma ħax sehem fir-​ribelljoni taʼ Nimrod. Għalhekk, huwa probabbli li l-​lingwa tiegħu ma nbidlitx meta tħawdu l-​lingwi tar-​ribelli. Il-​fidi u l-​lealtà taʼ Noè, li stajt tarahom mhux biss fi xjuħitu imma anki tul il-​ħajja twila tiegħu, tassew jistħoqqilhom li jiġu imitati mill-​qaddejja t’Alla taʼ kull età.​—Ebrej 11:7.

Influwenza fuq il-​Familja

5, 6. (a) Meta Abraham kellu 75 sena, Ġeħova x’qallu jagħmel? (b) Abraham kif wieġeb għall-​kmand t’Alla?

5 L-​influwenza li jistgħu jħallu wħud imdaħħlin fiż-​żmien fuq il-​fidi tal-​membri tal-​familja tagħhom tistaʼ tidher mill-​ħajjiet tal-​patrijarki li ġew wara Noè. Abraham kellu kważi 75 sena meta Alla qallu: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-​art li jien nurik. U jien nagħmlek ġens kbir, nbierkek.”​—Ġenesi 12:​1, 2.

6 Immaġina xi ħadd jgħidlek biex titlaq darek, lill-​ħbieb tiegħek, il-​pajjiż fejn twilidt, u s-​sigurtà tal-​familja kbira tiegħek biex tmur f’pajjiż li ma tafux. Abraham hekk intqallu jagħmel. Hu ‘telaq kif kien qallu l-​Mulej,’ u għall-​bqija taʼ ħajtu, hu għex fit-​tined bħala barrani u resident emigrat fl-​art taʼ Kangħan. (Ġenesi 12:4; Ebrej 11:​8, 9) Għalkemm Ġeħova kien qal li Abraham kellu jsir “ġens kbir,” hu miet ħafna qabel ma ra n-​nisel tiegħu jsir numeruż. Martu Sara, wilditlu iben wieħed biss, lil Iżakk, wara li Abraham kien ilu 25 sena jgħix bħala resident temporanju fl-​Art Imwiegħda. (Ġenesi 21:​2, 5) Madankollu, Abraham m’għejiex u ma reġax lura lejn il-​belt minfejn kien ġie. X’eżempju taʼ fidi u sabar!

7. X’effett kellu s-​sabar t’Abraham fuq ibnu Iżakk, u b’liema riżultat għall-​bnedmin?

7 Is-​sabar t’Abraham ħalla effett qawwi fuq ibnu Iżakk, li qattaʼ ħajtu kollha​—180 sena—bħala resident barrani fl-​art taʼ Kangħan. Is-​sabar taʼ Iżakk kien ibbażat fuq il-​fidi fil-​wegħda t’Alla, fidi li ġiet imnaqqxa fih mill-​ġenituri tiegħu li kienu mdaħħlin fiż-​żmien u li iktar tard ġiet imsaħħa mill-​kliem li Ġeħova stess kien qallu. (Ġenesi 26:​2-5) Il-​fatt li Iżakk baqaʼ leali kien fundamentali għat-​twettiq tal-​wegħda taʼ Ġeħova li kellu jiġi ‘nisel’ biex ibierek lill-​bnedmin kollha permezz tal-​familja t’Abraham. Mijiet taʼ snin wara, Ġesù Kristu, il-​parti primarja taʼ dan in-​‘nisel,’ għamilha possibbli għal dawk kollha li jeżerċitaw fidi fih biex jitħabbu m’Alla u jgawdu ħajja taʼ dejjem.​—Galatin 3:​16; Ġwanni 3:​16.

8. Ġakobb kif wera fidi soda, u b’liema effett?

8 Iżakk, mill-​banda l-​oħra, għen lil ibnu Ġakobb biex jikkultiva fidi soda li sostnietu anki meta kien imdaħħal fiż-​żmien. Ġakobb kellu 97 sena meta ssielet m’anġlu lejl sħiħ biex ibierku. (Ġenesi 32:​24-​28) Qabel ma miet fl-​età taʼ 147 sena, Ġakobb kellu biżżejjed saħħa biex ibierek lil kull wieħed mit-​12-il tifel li kellu. (Ġenesi 47:28) Il-​kliem profetiku li lissen u li issa nsibuh dokumentat f’Ġenesi 49:​1-​28 huwa minnu u għadu qed iseħħ illum.

9. X’jistaʼ jingħad dwar l-​influwenza li jħallu dawk imdaħħlin fiż-​żmien li huma maturi spiritwalment fuq il-​familja tagħhom?

9 B’mod ċar, il-​qaddejja leali t’Alla mdaħħlin fiż-​żmien jistgħu jħallu influwenza li tibni fuq il-​membri tal-​familja tagħhom. Permezz taʼ istruzzjoni Skritturali flimkien maʼ pariri għaqlin u eżempju taʼ sabar, huma jistgħu jgħinu ħafna lil żagħżugħ biex meta jikber ikollu fidi soda. (Proverbji 22:6) Dawk imdaħħlin fiż-​żmien qatt m’għandhom jaħsbu li l-​influwenza tajba li jħallu fuq il-​familja tagħhom m’hijiex taʼ benefiċċju.

Influwenza fuq Sħabhom fit-​Twemmin

10. Ġużeppi liema “ordni dwar l-​għadam tiegħu” ta, u din x’effett ħalliet?

10 Dawk imdaħħlin fiż-​żmien jistgħu jħallu influwenza tajba wkoll fuq sħabhom fit-​twemmin. Fi xjuħitu, Ġużeppi, bin Ġakobb, wettaq att sempliċi taʼ fidi li ħalla effett profond fuq miljuni t’aduraturi veri li għexu warajh. Hu kellu 110 snin meta “ta ordni dwar l-​għadam tiegħu,” jiġifieri, li meta l-​Iżraelin fl-​aħħar kellhom jitilqu mill-​Eġittu, huma kellhom jieħdu l-​għadam tiegħu magħhom. (Ebrej 11:22; Ġenesi 50:25) Dan il-​kmand kellu jservi bħala indikazzjoni li l-​Iżraelin kellhom fiex jittamaw matul is-​snin twal taʼ jasar iebes li għaddew minnhom wara l-​mewt taʼ Ġużeppi, u dan tahom assiguranza li l-​ħelsien tagħhom kellu jiġi.

11. Liema influwenza x’aktarx li ħalla Mosè, li kien imdaħħal fiż-​żmien, fuq Ġożwè?

11 Fost dawk imsaħħin mill-​espressjoni taʼ fidi li wera Ġużeppi kien hemm Mosè. Meta Mosè kellu 80 sena, hu kellu l-​privileġġ li jġorr l-​għadam taʼ Ġużeppi ’l barra mill-​art taʼ l-​Eġittu. (Eżodu 13:19) F’dak iż-​żmien, hu sar jaf lil Ġożwè, li kien ħafna iżgħar minnu. Għall-​40 sena taʼ wara, Ġożwè qeda bħala l-​qaddej persunali taʼ Mosè. (Numri 11:28) Hu akkumpanja lil Mosè fuq il-​Muntanja Sinaj u kien preżenti biex jiltaqaʼ maʼ Mosè meta niżel mill-​muntanja bit-​twavel tax-​xiehda, jew tat-​Testimonjanza. (Eżodu 24:​12-​18; 32:​15-​17) X’sors abbundanti taʼ pariri maturi u għerf kien Mosè, li kien imdaħħal fiż-​żmien, għal Ġożwè!

12. Ġożwè kif ta prova li kien influwenza tajba għall-​ġens taʼ Iżrael tul ħajtu kollha?

12 Mill-​banda l-​oħra, Ġożwè tul ħajtu kien taʼ inkuraġġiment għall-​ġens taʼ Iżrael. Imħallfin 2:​7 jgħidilna: “Il-​poplu serva lill-​Mulej il-​jiem kollha taʼ Ġożwè u l-​jiem kollha tax-​xjuħ li baqgħu ħajjin wara Ġożwè, u li kienu raw kull ma kien għamel il-​Mulej, l-​opri kbar kollha li għamel għal Iżrael.” Madankollu, mal-​mewt taʼ Ġożwè u l-​irġiel xjuħ l-​oħrajn beda perijodu taʼ 300 sena taʼ indeċiżjoni bejn il-​qima vera u dik falza, li wassal sa żmien il-​profeta Samwel.

Samwel ‘Wettaq il-​Ġustizzja’

13. X’għamel Samwel biex ‘wettaq il-​ġustizzja’?

13 Il-​Bibbja ma tgħidx kemm kellu żmien Samwel meta miet, imma l-​ġrajjiet fil-​ktieb taʼ l-​Ewwel Samwel ikopru madwar mija u sentejn, u Samwel kien preżenti fil-​biċċa l-​kbira minnhom. F’Ebrej 11:​32, 33, naqraw li mħallfin u profeti ġusti “wettqu l-​ġustizzja.” Iva, xi wħud li kienu jgħixu fi żmien Samwel ġew influwenzati minnu biex jevitaw jew jabbandunaw il-​ħażin. (1 Samwel 7:​2-4) F’liema sens? Hu kien leali lejn Ġeħova matul ħajtu kollha. (1 Samwel 12:​2-5) Hu ma beżax jagħtiparir qawwi saħansitra lis-​sultan. (1 Samwel 15:​16-​29) Iżjed minn hekk, Samwel, li kien ‘xjaħ u xagħru bjad,’ wera li kien eżemplari f’li jitlob għan-​nom t’oħrajn. Hu ddikjara li ‘ma jkun qatt li jidneb u ma jitlobx quddiem il-​Mulej’ għan-​nom taʼ sħabu l-​Iżraelin.​—1 Samwel 12:​2, 23.

14, 15. Dawk imdaħħlin fiż-​żmien illum kif jistgħu jimitaw lil Samwel fil-​kwistjoni tat-​talb?

14 Dan kollu jenfasizza mod essenzjali kif dawk imdaħħlin fiż-​żmien jistgħu jħallu influwenza tajba fuq il-​qaddejja taʼ Ġeħova sħabhom. Minkejja l-​limitazzjonijiet minħabba s-​saħħa jew ċirkustanzi oħrajn, dawk imdaħħlin fiż-​żmien jistgħu jitolbu għan-​nom t’oħrajn. Intom li mdaħħlin fiż-​żmien, tirrealizzaw kemm it-​talb tagħkom huwa taʼ benefiċċju għall-​kongregazzjoni? Minħabba l-​fidi tagħkom fid-​demm li xerred Ġesù, intom tgawdu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, u minħabba r-​rekord taʼ sabar tagħkom, il-​fidi tagħkom ‘għaddiet mill-​provi.’ (Ġakbu 1:3; 1 Pietru 1:7) Qatt tinsew: “It-​talb bil-​ħerqa tal-​ġust għandu qawwa kbira f’dak li jistaʼ jwettaq.”​—Ġakbu 5:​16.

15 It-​talb tagħkom biex tappoġġaw ix-​xogħol tas-​Saltna taʼ Ġeħova huwa bżonnjuż. Xi wħud minn ħutna jinsabu l-​ħabs minħabba n-​newtralità Kristjana tagħhom. Oħrajn sofrew minn diżastri naturali, gwerer, u ġlied ċivili. Jerġaʼ oħrajn, fil-​kongregazzjonijiet tagħna stess, qed jiffaċċjaw tentazzjonijiet jew oppożizzjoni. (Mattew 10:​35, 36) Dawk li qed jieħdu t-​tmexxija fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u fl-​indokrar tal-​kongregazzjonijiet ukoll għandhom bżonn it-​talb regulari tagħkom għan-​nom tagħhom. (Efesin 6:​18, 19; Kolossin 4:​2, 3) Kemm hu tajjeb li ssemmu lil sħabkom fit-​twemmin fit-​talb tagħkom, bħalma għamel Epafra!​—Kolossin 4:​12.

Jgħallmu lill-​Ġenerazzjoni li Ġejja

16, 17. X’ġie mbassar f’Salm 71:​18, u dan kif twettaq?

16 Is-​sħubija maʼ wħud leali tal-​“merħla żgħira,” dawk bis-​sejħa għas-​sema, ipprovdiet taħriġ essenzjali għal dawk tan-​“nagħaġ oħrajn,” li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (Luqa 12:32; Ġwanni 10:16) Dan kien imbassar f’Salm 71:​18, li jgħid: “Mqar meta nixjieħ jibjad xagħri, la tinsinix, o Alla; sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, il-​qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.” L-​uħud midlukin bl-​ispirtu kienu u għadhom ħerqanin biex iħarrġu lil sħabhom min-​nagħaġ oħrajn għal iktar responsabbiltajiet qabel ma jħalluhom biex imorru fis-​sema ħalli jiġu glorifikati maʼ Ġesù Kristu.

17 Bażikament, dak li jgħid Salm 71:18 dwar li jiġu istruwiti dawk li ‘għadhom ġejjin’ jistaʼ japplika wkoll għan-​nagħaġ oħrajn, li rċivew istruzzjoni mill-​uħud midlukin t’Alla. L-​uħud ixjeħ ġew fdati minn Ġeħova bil-​privileġġ li jagħtu xiehda dwaru lil dawk li issa qed iħaddnu l-​qima vera. (Ġoel 1:​2, 3) In-​nagħaġ oħrajn iħossuhom imberkin għal dak li tgħallmu mingħand l-​uħud midlukin u huma mħeġġin biex jaqsmu l-​edukazzjoni Skritturali tagħhom m’oħrajn li jixtiequ jaqdu lil Ġeħova.​—Rivelazzjoni 7:​9, 10.

18, 19. (a) Liema informazzjoni prezzjuża jistgħu jagħtu ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova mdaħħlin fiż-​żmien? (b) Dwar xiex jistgħu jkunu fiduċjużi l-​Kristjani mdaħħlin fiż-​żmien?

18 Qaddejja taʼ Ġeħova mdaħħlin fiż-​żmien, kemm uħud midlukin kif ukoll dawk tan-​nagħaġ oħrajn, ħadu sehem fi ġrajjiet storiċi importanti. Xi ftit li għadhom ħajjin kienu preżenti għat-​turijiet oriġinali tal-​“Photo-Drama of Creation.” Xi wħud kienu jafu personalment lill-​aħwa rġiel li kienu jieħdu t-​tmexxija u li ntefgħu l-​ħabs fl-​1918. Oħrajn ipparteċipaw fix-​xandir taʼ l-​istazzjon tar-​radju tal-​Watchtower, WBBR. Ħafna jistgħu jirrakkontaw dwar iż-​żmien meta każijiet legali li jinvolvu l-​libertà reliġjuża tax-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew miġġildin fl-​ogħla qrati. Jerġaʼ oħrajn baqgħu sodi fil-​qima vera filwaqt li kienu qed jgħixu taħt reġimi dittatorjali. Iva, dawk imdaħħlin fiż-​żmien jistgħu jirrakkontaw kif il-​fehma tal-​verità ġiet rivelata bil-​mod il-​mod. Il-​Bibbja tinkuraġġina biex nibbenefikaw minn din l-​abbundanza t’esperjenza.​—Dewteronomju 32:7.

19 Il-​Kristjani mdaħħlin fiż-​żmien huma mħeġġin biex ikunu t’eżempju tajjeb għaż-​żgħażagħ. (Titu 2:​2-4) Forsi issa ma tarax l-​effett li s-​sabar, it-​talb, u l-​pariri tiegħek iħallu fuq oħrajn. Noè, Abraham, Ġużeppi, Mosè, u oħrajn żgur li ma setgħux jaraw l-​impatt qawwi li ħallew fuq il-​ġenerazzjonijiet li kellhom jiġu warajhom minħabba l-​lealtà li wrew. Madankollu, ir-​rekord taʼ fidi u integrità li ħallew warajhom ħalla impatt qawwi; l-​eżempju tiegħek ukoll jistaʼ jħalli impatt simili fuq il-​ġenerazzjoni żagħżugħa taʼ llum.

20. Liema barkiet qed jistennew lil dawk li jżommu t-​tama tagħhom soda sat-​tmiem?

20 Kemm jekk issalva mit-​“tribulazzjoni l-​kbira” u kemm jekk tiġi rxoxtat, kemm se jkun taʼ ferħ li tesperjenza l-​“ħajja vera”! (Mattew 24:21; 1 Timotju 6:​19) Immaġina ż-​żmien matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu meta Ġeħova se jreġġaʼ lura l-​effetti tax-​xjuħija. Minflok ma ġisimna jibqaʼ dejjem jiddgħajjef, kuljum se nqumu aħjar fiżikament b’mod progressiv​—b’iktar enerġija, b’titjib fil-​vista u fis-​smigħ, b’dehra aħjar! (Ġob 33:25; Isaija 35:​5, 6) Dawk li se jkollhom il-​barka li jgħixu fid-​dinja l-​ġdida t’Alla dejjem se jkunu żgħar meta tqabbilhom maʼ l-​eternità li se jesperjenzaw. (Isaija 65:22) Għalhekk, jalla lkoll kemm aħna nżommu t-​tama tagħna soda sat-​tmiem u nibqgħu naqdu lil Ġeħova b’ruħna kollha. Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jwettaq dak kollu li wiegħed u kulma se jagħmel se jisboq dak kollu li nistgħu nistennew.​—Salm 37:4; 145:16.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​fatt li Noè, li kien imdaħħal fiż-​żmien, baqaʼ leali kif irriżulta f’barkiet għall-​bnedmin kollha?

• Liema effett kellha l-​fidi tal-​patrijarki fuq id-​dixxendenti tagħhom?

• Fl-​età avanzata tagħhom, Ġużeppi, Mosè, Ġożwè, u Samwel kif saħħew lil sħabhom fit-​twemmin?

• Liema rekord jistgħu jħallu dawk imdaħħlin fiż-​żmien?

[Stampa f’paġna 26]

Is-​sabar t’Abraham ħalla effett qawwi fuq Iżakk

[Stampa f’paġna 28]

Il-​pariri maturi taʼ Mosè inkuraġġew lil Ġożwè

[Stampa f’paġna 29]

It-​talb tiegħek għan-​nom t’oħrajn jistaʼ jagħmel ħafna ġid

[Stampa f’paġna 30]

Iż-​żgħażagħ jibbenefikaw billi jagħtu widen lil dawk leali mdaħħlin fiż-​żmien

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja