Ġeħova Jieħu Ħsieb b’Mod Teneru l-Qaddejja Tiegħu Mdaħħlin fiż-Żmien
“Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.”—EBR. 6:10.
1, 2. (a) Jekk tara lil xi ħadd xagħru abjad fiex jistaʼ jfakkrek? (b) Ġeħova kif iqishom lill-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien?
META fil-kongregazzjoni tara wħud imdaħħlin fiż-żmien li għandhom xagħarhom abjad, ma tiftakarx int fir-rakkont fil-ktieb Bibliku taʼ Danjel? Fil-viżjoni li Alla Ġeħova ta lil Danjel, Hu ta stampa tiegħu nnifsu bħala li għandu xagħru abjad. Danjel kiteb: “Bqajt inħares sakemm tqiegħdu tronijiet u x-Xiħ fil-Jiem qagħad bil-qiegħda. Ħwejġu kienu bojod bħas-silġ, u xagħar rasu kien bħas-suf nadif.”—Dan. 7:9.
2 Fl-istat naturali tiegħu, is-suf hu ġeneralment abjad. Għalhekk, ix-xagħar abjad u t-titlu “Xiħ fil-Jiem” jiġbdulna l-attenzjoni tagħna lejn l-età u l-għerf kbir t’Alla, li t-tnejn li huma jistħoqqilhom ir-rispett profond tagħna. Allura, Ġeħova, ix-Xiħ fil-Jiem, kif iqishom lill-irġiel u n-nisa leali li huma mdaħħlin fiż-żmien? Il-Kelma t’Alla tgħid li “x-xagħar griż hu kuruna taʼ sbuħija meta jkun fit-triq tas-sewwa.” (Prov. 16:31) Iva, id-dehra taʼ Kristjan leali li jkun bjadlu xagħru hija sabiħa f’għajnejn Alla. Tħossok int l-istess bħalma jħossu Ġeħova dwar ħutek li huma mdaħħlin fiż-żmien?
Għala Huma Daqstant Prezzjużi?
3. Sħabna fit-twemmin li huma ixjeħ fl-età għala huma tant prezzjużi għalina?
3 Fost dawn il-qaddejja għeżież t’Alla mdaħħlin fiż-żmien insibu l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, uħud li kienu jew għadhom jaqdu bħala indokraturi li jivvjaġġaw, pijunieri żelużi, u pubblikaturi maturi tas-Saltna—aħwa rġiel u nisa li jaqdu lealment fil-kongregazzjonijiet tagħna. Għandek mnejn taf lil uħud li ppridkaw b’mod żeluż l-aħbar tajba għal għaxriet taʼ snin u li l-eżempji tajbin tagħhom għenu biex jimmotivaw lil uħud iżgħar u jsawrulhom ħajjithom. Xi wħud minn sħabna fit-twemmin li huma ixjeħ fl-età kellhom responsabbiltajiet kbar u ssaportew persekuzzjonijiet minħabba l-aħbar tajba. Ġeħova u “l-ilsir leali u għaqli” japprezzaw profondament il-kontribut kollu li taw u li għadhom qed jagħtu fix-xogħol tas-Saltna.—Mt. 24:45.
4. Għala għandna nirrispettaw lill-Kristjani li huma mdaħħlin fiż-żmien u nitolbu għalihom?
4 Uħud anzjani leali bħal dawn jistħoqqilhom il-gratitudni u r-rispett taʼ qaddejja oħrajn t’Alla Ġeħova. Fil-fatt, il-Liġi t’Alla li ngħatat permezz taʼ Mosè turi li hemm konnessjoni bejn il-konsiderazzjoni u r-rispett lejn l-anzjani u l-biżaʼ taʼ Ġeħova. (Lev. 19:32) Għandna nitolbu regolarment għal dawn l-uħud leali u nirringrazzjaw lil Alla għax-xogħlijiet kollhom imħabba li għamlu. L-appostlu Pawlu talab għall-għeżież ħaddiema sħabu, żgħar u kbar.—Aqra l-1 Tessalonikin 1:2, 3.
5. Kif nistgħu nibbenefikaw mis-sħubija m’aduraturi taʼ Ġeħova mdaħħlin fiż-żmien?
5 Barra minn hekk, kulħadd fil-kongregazzjoni jistaʼ jibbenefika mis-sħubija maʼ Kristjani li huma mdaħħlin fiż-żmien. Permezz taʼ l-istudju, l-osservazzjoni, u l-esperjenza, l-aduraturi leali taʼ Ġeħova li huma mdaħħlin fiż-żmien kisbu għarfien prezzjuż. Huma tgħallmu jkunu paċenzjużi u juru empatija, u jħossu ferħ u sodisfazzjon kbir meta jgħallmu lill-ġenerazzjoni taʼ warajhom dak li tgħallmu huma. (Salm 71:18) Żgħażagħ, kunu għaqlin u bbenefikaw minn dan is-sors t’għarfien bħalma kieku tibbenefikaw mill-ilma li ttellgħu minn xi bir fond.—Prov. 20:5.
6. Kif tistaʼ turi lil uħud li huma mdaħħlin fiż-żmien li tapprezzahom verament?
6 Turihom int lil dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien li tgħożżhom bħalma jgħożżhom Ġeħova? Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan huwa billi tgħidilhom kemm tħobbhom għal-lealtà tagħhom u kemm tapprezza l-opinjonijiet tagħhom. Iktar minn hekk, billi taġixxi fuq dak li titgħallem minnhom, int tkun qed turihom li r-rispett tiegħek lejhom huwa sinċier. Ħafna Kristjani mdaħħlin fiż-żmien jistgħu jiftakru l-pariri għaqlin li rċivew mingħand uħud ixjeħ leali u kif il-fatt li aġixxew fuqhom għenhom matul ħajjithom.a
Uri b’Modi Prattiċi li Jimpurtak b’Mod Teneru
7. Ġeħova fuq min ipoġġi r-responsabbiltà primarja sabiex jieħdu ħsieb dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien?
7 Il-familji taʼ dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien huma responsabbli primarjament quddiem Alla biex jipprovdu għalihom. (Aqra l-1 Timotju 5:4, 8.) Ġeħova jieħu pjaċir meta l-familji jwettqu l-obbligi tagħhom lejn qrabathom li huma mdaħħlin fiż-żmien, u b’hekk juru li huma jimpurtahom minnhom bħalma jimpurtah hu. Alla jappoġġa lil dawn il-familji u jberikhom għall-isforzi u s-sagrifiċċji kollha tagħhom.b
8. Il-kongregazzjonijiet għala għandhom juru li huma konċernati dwar il-Kristjani li huma mdaħħlin fiż-żmien?
8 B’mod simili, Ġeħova jieħu pjaċir meta l-kongregazzjonijiet lokali jgħinu lill-uħud leali mdaħħlin fiż-żmien li huma fil-bżonn imma li m’għandhomx qraba li jemmnu bħalhom jew li m’humiex lesti li jieħdu ħsiebhom. (1 Tim. 5:3, 5, 9, 10) B’hekk, il-kongregazzjonijiet juru li ‘jħossu għalihom, juru affezzjoni lejhom, u jagħdruhom b’tenerezza’ lil dawk imdaħħlin fiż-żmien. (1 Pt. 3:8) It-tħassib għal dawk li fil-kongregazzjoni huma mdaħħlin fiż-żmien jintwera sew minn Pawlu meta jgħid li jekk membru wieħed mill-ġisem isofri, “il-membri l-oħra kollha jsofru miegħu.” (1 Kor. 12:26) Jekk naġixxu b’mod prattiku u b’mogħdrija għan-nom taʼ wħud imdaħħlin fiż-żmien inkunu qed nuru l-prinċipju tal-parir taʼ Pawlu: “Komplu ġorru t-toqol taʼ xulxin, u b’hekk twettqu l-liġi tal-Kristu.”—Gal. 6:2.
9. L-età avanzata liema tagħbija tistaʼ ġġib magħha?
9 Liema tagħbija għandhom xi jġorru dawk imdaħħlin fiż-żmien? Ħafna jegħjew malajr. Huma għandhom mnejn iħossu li ma jifilħux jagħmlu anki l-iktar affarijiet bażiċi, bħal li jmorru għand it-tabib, iħallsu l-kontijiet, inaddfu d-dar, u jippreparaw l-ikel. Ladarba l-aptit u l-għatx jonqsu minħabba l-età, huma għandhom mnejn jaħsbu li m’għandhomx bżonn jieklu jew jixorbu daqskemm għandhom bżonn fir-realtà. L-istess jistaʼ jiġri bl-ikel spiritwali. Biż-żmien, għajnejn u widnejn l-anzjani ma jibqgħux l-istess, u dan jagħmilha diffiċli għalihom biex jaqraw u jisimgħu l-programmi spiritwali, u biex sempliċement ilestu għal-laqgħat Kristjani jistgħu jħossuhom eżawriti. Mela, oħrajn x’jistgħu jagħmlu għal uħud imdaħħlin fiż-żmien bħal dawn?
Kif Int Tistaʼ Tgħin
10. X’jistgħu jagħmlu l-anzjani sabiex jaċċertaw ruħhom li dawk imdaħħlin fiż-żmien jirċievu għajnuna prattika?
10 F’ħafna kongregazzjonijiet, dawk imdaħħlin fiż-żmien b’mod eżemplari qed jingħataw l-attenzjoni li għandhom bżonn. Aħwa kollhom imħabba jgħinuhom fil-qadi, fit-tisjir, u fit-tindif. Huma jgħinu lil dawk li huma avanzati biex jistudjaw, ilestu għal-laqgħat, u biex jibqgħu regulari fil-ministeru. Xhieda żgħażagħ jakkumpanjawhom u jipprovdulhom trasport. Jekk l-anzjani ma jkunux jistgħu joħorġu mid-dar, huma jkunu jistgħu jisimgħu l-laqgħat permezz tat-telefon, jew permezz taʼ rikordings li jsiru għalihom. Kulmeta jkun possibbli, l-anzjani għandhom jaċċertaw ruħhom li l-arranġamenti prattiċi li jkunu saru jitwettqu sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet taʼ dawk imdaħħlin fiż-żmien fil-kongregazzjoni.c
11. Irrakkonta kif familja għenet lil wieħed ħu mdaħħal fiż-żmien.
11 Kristjani individwali wkoll jistgħu jestendu l-ospitalità u juru l-ġenerożità. Wara li mietet il-mara taʼ ħu mdaħħal fiż-żmien, hu ma setax jibqaʼ jħallas il-kera mingħajr il-pensjoni tagħha. Hu u l-mara tiegħu kienu studjaw il-Bibbja maʼ familja—missier, omm, u żewġt ibniet żgħażagħ—li kellhom dar kbira. Huma tawh żewġ kmamar biex jgħix fihom. Għal 15-il sena, huma qasmu miegħu ikliet, mumenti sbieħ, u wrewh affezzjoni taʼ l-aħwa. Il-bniet ibbenefikaw ħafna mill-fidi u l-esperjenza kbira tiegħu, u hu bbenefika mis-sħubija ferriħija tagħhom. Dan il-ħu mdaħħal fiż-żmien għex magħhom sakemm miet fl-età taʼ 89 sena. Il-familja għadha tirringrazzja lil Alla għall-ħafna barkiet li huma rċivew permezz tas-sħubija miegħu. Huma ‘ma tilfux il-premju tagħhom’ talli għenu lil seħibhom li hu dixxiplu taʼ Ġesù Kristu.—Mt. 10:42.d
12. X’tistaʼ tagħmel biex turi li jimpurtak b’mod teneru mill-aħwa li huma mdaħħlin fiż-żmien?
12 Forsi int m’intix f’pożizzjoni li tgħin lil xi ħu jew oħt anzjana bil-mod kif għenet din il-familja, imma forsi tistaʼ tgħin lil dawk imdaħħlin fiż-żmien biex jaslu għal-laqgħat jew joħorġu fil-ministeru taʼ l-għalqa. Tistaʼ wkoll tistidinhom id-dar tiegħek u tinkludihom meta toħroġ xi dawra. Tistaʼ tmur tarahom, speċjalment meta jkunu ma jifilħux jew ma jistgħux joħorġu mid-dar. Iktar minn hekk, int tistaʼ u għandek dejjem tittrattahom t’adulti maturi. Sakemm għadhom kapaċi mentalment, Kristjani mdaħħlin fiż-żmien għandhom jiġu inklużi fid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu u li jkunu jeffettwawhom. Anki dawk li tilfu ħafna mill-abbiltajiet mentali tagħhom jistgħu jirrealizzaw jekk id-dinjità tagħhom hijiex tiġi rispettata jew le.
Ġeħova Mhux Se Jinsa x-Xogħol Tiegħek
13. Għala huwa importanti li nuru konsiderazzjoni għas-sentimenti taʼ l-aħwa Kristjani mdaħħlin fiż-żmien?
13 Huwa importanti li turi konsiderazzjoni għas-sentimenti taʼ dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien. Spiss, dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien iħossuhom imnikktin ferm minħabba li ma jkunux jistgħu jwettqu dak kollu li kienu jagħmlu meta kienu iżgħar u iktar b’saħħithom. Per eżempju, oħt li kienet taqdi lil Ġeħova b’mod attiv għal xi 50 sena u li kienet pijuniera regulari żviluppat marda li dgħajfitha u l-laqgħat kienet tattendihom b’diffikultà kbira. Meta kienet tqabbel dak li kienet tagħmel qabel fil-ministeru mal-limitazzjonijiet preżenti tagħha, hi kienet taqbad tibki. Waqt li kienet qed tibki baxxiet rasha u qalet, “M’għadni nagħmel xejn iktar.”
14. Il-qaddejja taʼ Ġeħova mdaħħlin fiż-żmien liema inkuraġġiment mis-salmi jistgħu jieħdu?
14 Jekk int persuna mdaħħla fiż-żmien, esperjenzajt int sentimenti taʼ wġigħ bħal dawn? Jew, kien hemm xi drabi fejn ħassejt li Ġeħova forsi abbandunak? Is-salmista x’aktarx li kellu sentimenti simili lejn l-aħħar taʼ ħajtu, għax hu talab: “Tarminix fi żmien ix-xjuħija; meta l-qawwa tiegħi tkun qed tonqos, titlaqnix. Sakemm nixjieħ u xagħri jsir griż, O Alla, titlaqnix.” (Salm 71:9, 18) M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova ma kienx se jabbanduna lill-kompożitur taʼ dak is-salm, u Hu m’huwiex se jabbanduna lilek. F’salm ieħor, David esprima l-fiduċja tiegħu fl-appoġġ t’Alla. (Aqra Salm 68:19.) Ibqaʼ ċert li jekk int Kristjan leali mdaħħal fiż-żmien, Ġeħova qiegħed miegħek u se jkompli jsostnik jum wara l-ieħor.
15. X’jistaʼ jgħin lil dawk imdaħħlin fiż-żmien biex iżommu attitudni pożittiva?
15 Ġeħova qatt ma se jinsa dak kollu li intom għamiltu u li qed tagħmlu għall-glorja tiegħu bħala Xhieda taʼ Ġeħova mdaħħlin fiż-żmien. Il-Bibbja tgħid: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu.” (Ebr. 6:10) Għalhekk, tħallix lilek innifsek tiżviluppa attitudni negattiva, billi taħseb b’mod żbaljat li minħabba l-età avanzata tiegħek int m’għadekx iktar utli għal Ġeħova. Stinka biex tibdel ħsibijiet dipressanti u pessimisti maʼ dawk pożittivi. Ifraħ minħabba l-barkiet u t-tama li għandek għall-futur! Għandna “futur u tama”—l-aqwa possibbli—u dawn huma garantiti mill-Ħallieq tagħna. (Ġer. 29:11, 12; Atti 17:31; 1 Tim. 6:19) Irrifletti fuq it-tama tiegħek, aħdem biex tibqaʼ żagħżugħ f’qalbek u f’moħħok, u qatt tnaqqas il-valur taʼ l-attendenza tiegħek fil-kongregazzjoni!e
16. Ħu mdaħħal fiż-żmien għala ħaseb li għandu jieqaf jaqdi bħala anzjan, imma l-ġemgħa taʼ l-anzjani kif inkuraġġietu?
16 Ikkunsidra lil Johan, li fl-età taʼ 80 sena jqattaʼ l-ħin kollu tiegħu jieħu ħsieb il-leali martu Sannie, li issa hija marida.f L-aħwa nisa jitqassmu bejniethom biex joqogħdu maʼ Sannie sakemm Johan imur il-laqgħat u joħroġ fil-ministeru. Madankollu, reċentement, Johan ħassu eżawrit emozzjonalment u beda jaħseb li ma setax jibqaʼ jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni. “X’inhu l-iskop li nibqaʼ anzjan?” staqsa bid-dmugħ f’għajnejh. “M’għadni nagħmel xejn utli fil-kongregazzjoni.” L-anzjani sħabu assigurawh li l-esperjenza u d-dehen tiegħu kienu imprezzabbli. Huma ħeġġewh jibqaʼ jaqdi bħala anzjan, anki jekk il-parteċipazzjoni tiegħu kienet limitata. Minħabba li ħassu tant inkuraġġit, Johan għadu jaqdi bħala anzjan, u dan hu taʼ barka għall-kongregazzjoni.
Ġeħova Tassew Jimpurtah
17. Liema assiguranza tagħti l-Bibbja lill-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien?
17 L-Iskrittura tagħmilha ċara li wħud imdaħħlin fiż-żmien jistgħu jibqgħu jistagħnew spiritwalment minkejja l-problemi li ġġib magħha x-xjuħija. Is-salmista ddikjara: “Dawk li huma mħawlin fid-dar taʼ Ġeħova . . . jibqgħu sejrin tajjeb anki meta xagħarhom isir griż, jibqgħu mimlijin ħajja u jħaddru.” (Salm 92:13, 14) L-appostlu Pawlu, li għandu mnejn kien qed jissielet maʼ difett fiżiku, ‘ma qatax qalbu, anki jekk il-bniedem li kien minn barra kien qed jispiċċa.’—Aqra t-2 Korintin 4:16-18.
18. Sħabna fit-twemmin li huma mdaħħlin fiż-żmien u dawk li jgħinuhom għala għandhom bżonn l-għajnuna t’oħrajn?
18 Ħafna eżempji taʼ żmienna juru li dawk imdaħħlin fiż-żmien jistgħu “jibqgħu sejrin tajjeb.” Imma l-isfidi li jiġu minħabba l-mard u l-età jistgħu jbeżżgħu lil dak li jkun, anki lil dawk li għandhom membri tal-familja li jieħdu ħsiebhom u li huma lesti li jikkommettu ruħhom biex jgħinuhom. Dawk li jieħdu ħsiebhom ukoll jistgħu jħossuhom eżawriti. Il-kongregazzjoni għandha l-privileġġ u r-responsabbiltà li turi l-imħabba tagħha bl-azzjoni għan-nom taʼ dawk imdaħħlin fiż-żmien u dawk li jieħdu ħsiebhom. (Gal. 6:10) Għajnuna bħal din turi li aħna fil-fatt m’aħniex qed ngħidu “isħnu u ixbgħu” mingħajr ma ngħinuhom b’modi prattiċi.—Ġak. 2:15-17.
19. Kristjani leali mdaħħlin fiż-żmien għala jistgħu jħarsu lejn il-futur b’fiduċja?
19 L-età avanzata tistaʼ tbiddel kemxejn l-attivitajiet taʼ Kristjan, imma ż-żmien ma jnaqqasx l-imħabba li Ġeħova għandu għall-qaddejja leali tiegħu mdaħħlin fiż-żmien. Għall-kuntrarju, dawn il-Kristjani leali kollha huma prezzjużi f’għajnejh, u hu qatt ma se jitlaqhom. (Salm 37:28; Is. 46:4) Ġeħova se jsostnihom u jiggwidahom fi xjuħithom.—Salm 48:14.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien—Barka għaż-Żgħażagħ,” fil-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Ġunju, 2007.
b Ara paġni 3-10 tal-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 taʼ Frar, 1994.
c F’xi pajjiżi, dan għandu mnejn jinkludi li dawk imdaħħlin fiż-żmien jiksbu l-għajnuna li jipprovdi l-gvern. Ara l-artiklu “Alla Jimpurtah minn Dawk Imdaħħlin fiż-Żmien,” fil-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Ġunju, 2006.
d Ara l-artiklu “Jehovah Dejjem Jieħu Ħsiebna,” fil-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Settembru, 2003.
e Ara l-artiklu “The Splendor of Gray-Headedness,” fil-ħarġa taʼ The Watchtower tal-15 taʼ Marzu, 1993.
f L-ismijiet ġew mibdulin.
Int Kif Twieġeb?
• Int għala tqis lill-Kristjani leali mdaħħlin fiż-żmien bħala li huma prezzjużi?
• Kif nistgħu nuru li jimpurtana b’mod teneru mill-aduraturi sħabna li qed jikbru fl-età?
• X’jistaʼ jgħin lill-qaddejja taʼ Ġeħova li huma mdaħħlin fiż-żmien biex ikollhom attitudni pożittiva?
[Stampi f’paġna 18]
Il-membri tal-kongregazzjoni għandhom stima kbira lejn dawk imdaħħlin fiż-żmien