LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 12/1 pp. 12-16
  • Il-Familja Kristjana Tgħin lix-Xjuħ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Familja Kristjana Tgħin lix-Xjuħ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kura tax-​Xjuħ fi Żminijiet Bibliċi
  • Min Jixraqlu Konsiderazzjoni?
  • L-​Irwol tal-​Familja f’li Tieħu Ħsieb ix-​Xjuħ
  • L-​Irwol tal-​Kongregazzjoni f’li Tieħu Ħsieb
  • Kisba Sabiħa għall-​Kongregazzjoni
  • Nieħdu Ħsieb Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien —Responsabbiltà Kristjana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif Għandna Nittrattaw lil Nies Imdaħħlin fiż-Żmien?
    Stenbaħ!—2004
  • Alla Jimpurtah minn Dawk Imdaħħlin fiż-Żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ġeħova Jieħu Ħsieb b’Mod Teneru l-Qaddejja Tiegħu Mdaħħlin fiż-Żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 12/1 pp. 12-16

Il-Familja Kristjana Tgħin lix-Xjuħ

“Tarminix fi żmien ix-​xjuħija; sewwa sew meta l-​qawwa tiegħi qiegħda tonqos, titlaqnix.”​—SALM 71:9.

1. Ix-​xjuħ kif inhuma stmati f’ħafna kulturi?

“STĦARRIĠ jindika li kważi sitta minn kull sebgħa (86%) tax-​xjuħ abbużati jiġu immaltrattati mill-​familji tagħhom stess,” qal The Wall Street Journal. Ir-​rivista Modern Maturity stqarret: “L-​abbuż taʼ l-​anzjani hu biss [vjolenza fil-​familja] l-​iktar riċenti li ħarġet fil-​beraħ għal fuq il-​paġni tal-​gazzetti tan-​nazzjon.” Iva, ix-​xjuħ f’ħafna kulturi saru vittmi taʼ abbuż u traskuraġni serji. Iż-​żmien tagħna hu verament wieħed meta ħafna qegħdin “iħobbu lilhom infushom, . . . ma iroddux ħajr, m’humiex leali, m’għandhom ebda affezzjoni naturali.”—2 Timotew 3:​1-3.

2. Skond l-​Iskrittura Ebrajka, Jehovah kif iħares lejn ix-​xjuħ?

2 Madankollu, dak ma kienx kif kellhom jiġu ttrattati x-​xjuħ f’Iżrael tal-​qedem. Il-​Liġi stqarret: “Quddiem ix-​xagħar griż għandek tqum bil-​wieqfa, u int trid turi konsiderazzjoni lejn il-​persuna taʼ raġel xiħ, u int trid tkun fil-​biżaʼ t’Alla tiegħek. Jiena Jehovah.” Il-​ktieb taʼ proverbji għaqlin u mnebbħin iwissina: “Ismaʼ minn missierek li kkaġuna t-​twelid tiegħek, u tkasbarx lil ommok sempliċement għaliex xjieħet.” Hu jikkmanda: “Isma’, ibni, mid-​dixxiplina taʼ missierek, u tabbandunax il-​liġi t’ommok.” Il-​Liġi Mosajka kienet tgħallem rispett u stima lejn uħud anzjani taż-​żewġ sessi. B’mod ċar, Jehovah jixtieq li x-​xjuħ jiġu onorati.—Levitiku 19:32; Proverbji 1:8; 23:22.

Il-​Kura tax-​Xjuħ fi Żminijiet Bibliċi

3. Ġużeppi kif wera mogħdrija lejn ix-​xwejjaħ missieru?

3 Ir-​rispett kellu jintwera mhux biss bil-​kliem imma wkoll b’azzjonijiet taʼ konsiderazzjoni. Ġeżeppi wera mogħdrija kbira lejn missieru li kien xiħ. Hu ried lil Ġakobb jagħmel il-​vjaġġ minn Kangħan għall-​Eġittu, distanza taʼ iktar minn 300 km. Mela Ġużeppi bagħat lil Ġakobb “għaxart iħmir li qegħdin iġorru affarijiet tajbin taʼ l-​Eġittu u għaxart iħmir nisa li qegħdin iġorru qamħ u ħobż u ikel għal missieru għall-​mogħdija.” Meta Ġakobb wasal f’Goxen, Ġużeppi mar għandu u “minnufih waqaʼ fuq għonqu u taha għall-​biki fuq għonqu darba wara l-​oħra.” Ġużeppi wera affezzjoni profonda lejn missieru. X’eżempju li jispirak taʼ tħassib għax-​xjuħ!—Ġenesi 45:23; 46:​5, 29.

4. Rut għala hi eżempju mill-​aħjar biex insegwuh?

4 Mudell sabiħ ieħor biex insegwuh f’dik li hi qalb tajba lejn ix-​xjuħ hu dak taʼ Rut. Għalkemm kienet mill-​Ġentili, hi żammet mill-​qrib mal-​kunjata Lhudija tagħha li kienet armla xwejħa, Naomi. Hi abbandunat lil niesha stess u ħadet is-​sogru li ma terġax tiżżewweġ. Meta Naomi ħeġġitha biex tirritorna lejn il-​poplu tagħha, Rut wieġbet bi ftit mill-​iktar kliem sabiħ fil-​Bibbja: “Titlobnix bil-​ħniena biex nabbandunak, biex indur lura milli nakkumpanjak; għax fejn tmur int se mmur jien, u fejn tqattaʼ l-​lejl int se nqattaʼ l-​lejl jien. Niesek se jkunu niesi, u Alla tiegħek Alla tiegħi. Fejn tmut int se mmut jien, u hemm hu fejn se nkun midfuna. Jalla Jehovah jagħmel hekk għalija u jżid magħha li xejn ħlief il-​mewt m’għandu jagħmel firda bejni u bejnek.” (Rut 1:​16, 17) Rut uriet ukoll kwalitajiet mill-​aħjar meta kienet lesta li tiżżewweġ lix-​xwejjaħ Boaż taħt l-​arranġament taż-​żwieġ levirit.—Rut, kapitli 2 sa 4.

5. Ġesù liema kwalitajiet wera f’li jittratta man-​nies?

5 Ġesù ta eżempju simili meta ttratta man-​nies. Hu kien paċenzjuż, jagħder, qalbu tajba, u rrifreskanti. Hu ħa interess persunali f’raġel fqir li kien ilu immankat, li ma setax jimxi, għal 38 sena u fejqu. Hu wera konsiderazzjoni għar-​romol. (Luqa 7:​11-15; Ġwann 5:​1-9) Saħansitra matul l-​agunija tal-​mewt mimlija wġigħ tiegħu fuq iz-​zokk tat-​tortura, hu ħa ħsieb li ommu, li probabbli kienet għalqet il-​50 sena, ikollha min jieħu ħsiebha. Ħlief għall-​għedewwa ipokriti tiegħu, Ġesù kien kumpanija riffreskanti għal kulħadd. B’hekk, hu setaʼ jgħid: “Ejjew għandi, intom ilkoll li qegħdin taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli fil-​qalb, u intom se ssibu serħan għal erwieħkom.”—Mattew 9:36; 11:​28, 29; Ġwann 19:​25-27.

Min Jixraqlu Konsiderazzjoni?

6. Min jixraqlu attenzjoni speċjali? (b) X’mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?

6 Ladarba Alla Jehovah u Ibnu, Ġesù Kristu, jagħtu eżempji daqstant mill-​aħjar fil-​kwistjoni taʼ li jimpurtahom minn oħrajn, huwa xieraq li Kristjani ddedikati jimitaw il-​mudell tagħhom. F’nofsa għandna xi wħud li ilhom jistinkaw u li kienu mgħobbijin wisq għal bosta snin—aħwa xjuħ li daħlu fil-​ħarifa taʼ ħajjiethom. Xi wħud jistgħu jkunu l-​ġenituri jew in-​nanniet tagħna. Nistmawhom aħna bħala li m’humiex importanti? Nistmawhom aħna bħala li huma inferjuri? Jew verament napprezzaw l-​esperjenza u l-​għerf estensiv tagħhom? Veru, xi wħud jistgħu jittestjawlna l-​paċenzja bl-​istramberiji u d-​difetti li huma komuni fix-​xjuħija. Imma staqsi lilek innifsek, ‘Kemm kont inkun differenti jien taħt dawk iċ-​ċirkostanzi?’

7. Liema ħaġa turi l-​ħtieġa taʼ li jkollna empatija max-​xjuħ?

7 Hemm storja kommoventi mil-​Lvant Nofsani dwar il-​mogħdrija taʼ waħda tfajla żagħżugħa għax-​xjuħ. In-​nanna kienet qiegħda tgħin fil-​kċina u aċċidentalment waqqgħet u kissret platt taċ-​ċaqquf. Hi inkwetat ħafna dwar il-​guffaġni tagħha stess; bintha jerġaʼ kienet iżjed irrabjata. Hi mbagħad sejħet lit-​tifla ċkejkna tagħha stess u bagħtitha fil-​ħanut biex tixtri platt taʼ l-​injam li ma jinkisirx għan-​nanna. It-​tifla ġiet lura b’żewġ platti taʼ l-​injam. Ommha staqsietha: “Għala xtrajt żewġ platti?” It-​tifla, bdiet taħsibha, u wieġbet: “Wieħed għan-​nanna u l-​ieħor għalik meta tixjieħ.” Iva, f’din id-​dinja lkoll kemm aħna niffaċċjaw il-​prospett tax-​xjuħija. Ma napprezzawx aħna li niġu stmati bil-​paċenzja u bil-​qalb tajba?—Salm 71:9.

8, 9. (a) Kif għandna nittrattawhom lix-​xjuħ fostna? (b) Xi ftit minn dawk li dan l-​aħħar saru Kristjani x’għandhom bżonn jiftakru?

8 Qatt tinsa li ħafna minn ħutna xjuħ għandhom fil-​passat tagħhom ħidma twila taʼ attività Kristjana leali. Huma ċertament jixirqilhom l-​unur u l-​konsiderazzjoni tagħna, l-​għajnuna ħanina u l-​inkuraġġiment tagħna. Ir-​raġel għaref qal b’mod korrett: “Ras griża hija kuruna taʼ sbuħija meta tinstab fil-​mogħdija tat-​tjieba,” U dik ir-​ras griża, taʼ raġel jew taʼ mara, għandha tiġi rrispettata. Xi wħud minn dawk l-​irġiel u nisa xjuħ għadhom jaqdu bħala pijunieri leali, u ħafna rġiel ikomplu jaqdu lealment bħala anzjani fil-​kongregazzjonijiet; xi wħud jagħmlu xogħol eżemplari bħala indokraturi li jivvjaġġaw.—Proverbji 16:31.

9 Pawlu ta pariri lil Timotew: “Tikkritikax bl-​aħrax lil raġel ixjeħ. Għall-​kuntrarju, itolbu bil-​ħrara bħala missier, irġiel iżgħar bħal aħwa, nisa ixjeħ bħal ommijiet, nisa iżgħar bħal aħwa bniet bis-​safa kollu.” (1 Timotew 5:​1, 2) Dawk li għadhom kif ġew fil-​kongregazzjoni Kristjana minn ġo dinja taʼ bla rispett b’mod speċjali għandhom idaħħlu f’qalbhom il-​kliem taʼ Pawlu, li hu bbażat fuq l-​imħabba. Żgħażagħ, timitawx l-​attitudnijiet ħżiena li forsi rajtu fl-​iskola. Tistmerrux il-​parir ħanin taʼ Xhieda ixjeħ. (1 Korintin 13:​4-8; Ebrej 12:​5, 6, 11) Madankollu, meta x-​xjuħ minħabba nuqqas taʼ saħħa jew problemi finanzjarji jkollhom bżonn il-​għajnuna, min għandu r-​responsabbiltà primarja biex igħinhom?

L-​Irwol tal-​Familja f’li Tieħu Ħsieb ix-​Xjuħ

10, 11 (a) Skond il-​Bibbja, min għandu jieħu t-​tmexxija f’li jieħu Hsieb ix-​xjuħ? (b) Għala mhux dejjem faċli li tieħu ħsieb ix-​xjuħ?

10 Fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu, qamu xi problemi dwar il-​kura tar-​romol. L-​appostlu Pawlu kif indika li għandhom jitwettqu bżonnijiet bħal dawn? “Onora lir-​romol li huma attwalment romol. Imma jekk xi armla għandha l-​ulied jew ulied l-​ulied, ħalli dawn jitgħallmu l-​ewwel jippratikaw id-​devozzjoni lejn Alla f’darhom stess u jibqgħu jħallsu kumpens xieraq lill-​ġenituri u lin-​nanniet tagħhom, għax dan hu aċċettabbli fil-​ħarsa t’Alla. Ċertament li jekk xi ħadd ma jipprovdix għal dawk li huma tiegħu stess, u speċjalment għal dawk li huma membri taʼ daru, hu ċaħad il-​fidi u hu agħar minn persuna mingħajr fidi.”—1 Timotew 5:​3, 4, 8.

11 F’mumenti taʼ bżonn, membri intimi tal-​familja għandhom ikunu minn taʼ l-​ewwel biex igħinu lix-​xjuħ.a B’dan il-​mod, tfal kbar jistgħu juru apprezzament għas-​snin taʼ mħabba, xogħol, u attenzjoni li pprovdewlhom il-​ġenituri tagħhom. Dan jistaʼ ma jkunx faċli. Hekk kif wieħed jibda jixjieħ, jibda b’mod naturali jnaqqas ir-​ritmu, u xi wħud saħansitra jsiru inkapaċitati. Oħrajn jistgħu jsiru egoisti u dejjem iridu, forsi mingħajr ma jirrealizzawh. Imma meta aħna konna trabi, ma konniex ukoll egoisti u dejjem irridu? U ma kinux il-​ġenituri tagħna jiġu jiġru biex igħinuna? Issa l-​affarijiet inbidlu fi xjuħithom. Mela, x’inhu meħtieġ? Mogħdrija u paċenzja.—Qabbel 1 Tessalonkin 2:​7, 8.

12. Liema kwalitajiet huma meħtiġin f’li wieħed jieħu ħsieb ix-​xjuħ—u l-​oħrajn kollha fil-​kongregazzjoni Kristjana?

12 L-​appostlu Pawlu ta parir prattiku meta kiteb: “Għaldaqstant, bħala l-​uħud magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, tlibbsu bl-​affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-​moħħ, ħlewwa, u sabar fit-​tul. Komplu ssapportu lil xulxin u aħfru lil xulxin liberament jekk xi ħadd għandu x’jilmenta kontra ieħor. Saħansitra bħalma Jehovah ħafer lilkom liberament, hekk agħmlu intom ukoll. Imma, barra minn dawn l-​affarijiet kollha, tlibbsu bl-​imħabba, għax hi rabta perfetta taʼ għaqda.” Jekk aħna suppost li nuru din l-​għamla taʼ mogħdrija u mħabba fil-​kongregazzjoni, m’għandniex nuruha saħansitra iżjed fil-​familja?—Kolossin 3:​12-14.

13. Min, minbarra ġenituri jew nanniet xjuħ, jistaʼ jkollu bżonn l-​għajnuna?

13 Xi drabi din ix-​xorta taʼ għajnuna tistaʼ tkun meħtieġa mhux biss mill-​ġenituri jew min-​nanniet imma wkoll minn qraba xjuħ oħrajn. Xi xjuħ li m’għandhomx tfal qdew għal ħafna snin f’servizz missjunarju, f’ministeru taʼ vjaġġar, u f’attività oħra full time. Huma ġenwinament poġġew lis-​Saltna l-​ewwel matul il-​ħajjiet tagħhom. (Mattew 6:33) Ma jkunx xieraq, allura, li nuruhom spirtu taʼ affezzjoni u mogħdrija? Ċertament li għandna eżempju mill-​aħjar fil-​mod kif il-​Watch Tower Society tieħu ħsieb tal-​membri xjuħ tagħha taʼ Betel. Fil-​kwartieri ġenerali taʼ Betel fi Brooklyn u f’għadd taʼ fergħat tas-​Soċjetà, għadd taʼ aħwa xjuħ jirċievu attenzjoni taʼ kuljum minn membri tal-​familja mħarrġin li huma nkarigati b’dan id-​dover. Huma henjin li jieħdu ħsieb taʼ dawn ix-​xjuħ daqs li kieku kienu l-​ġenituri jew in-​nanniet tagħhom stess. Fl-​istess ħin, huma jitgħallmu ħafna mill-​esperjenza tax-​xjuħ.—Proverbji 22:17.

L-​Irwol tal-​Kongregazzjoni f’li Tieħu Ħsieb

14. Liema provvediment sar għax-​xjuħ fil-​kongregazzjoni Kristjana bikrija?

14 Ħafna pajjiżi llum għandhom is-​sistemi taʼ pensjonijiet għax-​xjuħ kif ukoll kura medika għax-​xjuħ ipprovduta mill-​Istat. Il-​Kristjani jistgħu jagħmlu użu sħiħ minn dawn il-​provvedimenti fejn huma intitolati li jagħmlu dan. Madankollu, fl-​ewwel seklu, ma kienx hemm provvedimenti bħal dawn. Għalhekk il-​kongregazzjoni Kristjana ħadet passi pożittivi biex tgħin lir-​romol fil-​bżonn. Pawlu ta d-​direttiva: “Ħalli titqiegħed fuq il-​lista [għall-għajnuna mill-​kongregazzjoni] armla li saret taʼ mhux inqas minn sittin sena, mara taʼ raġel wieħed, billi ngħatat xhieda għaliha għal xogħlijiet mill-​aħjar, jekk rabbiet it-​tfal, jekk laqgħet lill-​istranġieri, jekk ħaslet saqajn il-​qaddisin, jekk serrħet lil dawk fi tribulazzjoni, jekk segwiet bil-​għaqal lil kull xogħol tajjeb.” B’hekk, Pawlu wera li l-​kongregazzjoni wkoll għandha rwol f’li tgħin lix-​xjuħ. Nisa li kienu moħħhom mitfugħ fuq affarijiet spiritwali u li ma kellhomx tfal li jemmnu kienu jikkwalifikaw għal din il-​għajnuna.—1 Timotew 5:​9, 10.

15. Għala tistaʼ tkun meħtieġa l-​għajnuna sabiex tinkiseb l-​għajnuna taʼ l-​Istat?

15 Fejn hemm provvedimenti taʼ l-​Istat għax-​xjuħ, dawn normalment jinvolvu mili taʼ formoli li jistaʼ jidher taʼ qtugħ il-​qalb. F’każi bħal dawn huwa xieraq għal indokraturi fil-​kongregazzjoni biex jirranġjaw għal għajnuna biex tingħata ħalli x-​xjuħ jistgħu japplikaw għal, jiġbru, jew saħansitra jaġġornaw din l-​għajnuna. Xi drabi bdil taʼ ċirkostanzi jistgħu jirriżultaw f’pensjoni miżjuda. Imma hemm ukoll ħafna affarijiet prattiCi oħrajn li l-​indokraturi jistgħu jorganizzaw sabiex ix-​xjuħ jingħataw għajnuna. X’inhuma xi ftit minn dawn?

16, 17. B’liema modi differenti nistgħu nuru l-​ospitalità lix-​xjuħ fil-​kogregazzjoni?

16 Il-​wiri taʼ ospitalità hi drawwa li tmur lura saż-​żminijiet Bibliċi. Sal-​ġurnata tal-​lum f’ħafna pajjiżi tal-​Lvant Nofsani, l-​ospitalità tintwera lill-​stranġieri, taʼ l-​inqas sal punt li joffru kikkra te jew kafè. M’huwiex sorprendenti, allura, li Pawlu kiteb: “Aqsmu mal-​qaddisin skond il-​ħtiġijiet tagħhom. Segwu l-​korsa taʼ l-​ospitalità.” (Rumani 12:13) Il-​kelma Griega għal ospitalità, phi·lo·xe·niʹa, litteralment tfisser “imħabba lejn (grazzja ma’, jew qalb tajba lejn) stranġieri.” Jekk il-​Kristjan għandu juri ospitalità lejn l-​istranġieri, m’għandux hu jkun saħansitra iżjed ospitabbli lejn dawk li jiġu minnu fil-​fidi? Stedina għal ikla taʼ spiss tirrappreżenta bidla mixtieqa fir-​rutina taʼ persuna xiħa. Jekk int trid il-​leħen tal-​għerf u taʼ l-​esperjenza fil-​laqgħat soċjali tiegħek, inkludi lix-​xjuħ.—Qabbel Luqa 14:​12-14.

17 Hemm ħafna modi li bihom ix-​xjuħ jistgħu jiġu inkuraġġiti. Jekk nifformaw grupp f’karrozza biex immorru s-​Sala tas-​Saltna jew għal xi assemblea, hemm xi xjuħ li jieħdu pjaċir li jaslu magħna? Tistenniex biex jistaqsuk huma. Offri li teħodhom. Għajnuna prattika oħra hi li tmur tixtrilhom. Jew jekk ikunu jistgħu, nistgħu neħduhom magħna meta mmorru nixtru? Imma kun żgur li jkun hemm fejn jistgħu jistrieħu u jiffriskaw lilhom infushom jekk ikun hemm bżonn. Bla dubju jkun hemm bżonn taʼ paċenzja u qalb tajba, imma l-​gratitudni sinċiera taʼ persuna xiħa tistaʼ tkun premjanti.—2 Korintin 1:11.

Kisba Sabiħa għall-​Kongregazzjoni

18. Ix-​xjuħ għala huma barka għall-​kongregazzjoni?

18 X’barka hi li tara xi xagħar abjad u griż (kif ukoll irjus fratas biż-​żmien) f’xi kongregazzjoni! Ifisser li fost il-​vitalità u l-​enerġija taż-​żgħażagħ, għandna niskata taʼ għerf u esperjenza​—kisba vera għal kwalunkwe kongregazzjoni. Il-​għarfien tagħhom hu bħal ilma riffreskanti li jrid jittellaʼ minn bir. Huwa bħalma jpoġġiha Proverbji 18:4: “Il-​kelmiet taʼ fomm raġel huma ilmijiet fondi. Il-​bir tal-​għerf hu wied taʼ ilma għaddej ibaqbaq.” Kemm hu inkuraġġanti għax-​xjuħ li jħossuhom li huma bżonnjużi u apprezzati!—Qabbel Salm 92:14.

19. Xi wħud kif għamlu s-​sagrifiċċji għall-​ġenituri xjuħ tagħhom?

19 Xi wħud fis-​servizz full time ħassew il-​ħtieġa li jċedu l-​privileġġi tagħhom sabiex jirritornaw lura d-​dar biex jieħdu ħsieb taʼ ġenituri xjuħ u morda. Huma għamlu sagrifiċċju għal dawk li qabel issagrifikaw ruħhom għalihom. Koppja, li qabel kienu missjunarji u għadhom fis-​servizz full time, irritornaw lura d-​dar biex jieħdu ħsieb tal-​ġenituri xjuħ tagħhom. Dan għamluh għal iktar minn 20 sena. Erbaʼ snin ilu omm ir-​raġel kellha tittieħed f’dar tax-​xjuħ. Ir-​raġel, li issa għandu fuq is-​60 sena, iżur lil ommu li għandha 93 sena kull jum. Hu jispjega: “Kif nistaʼ nabbandunaha? Hi ommi!” F’każi oħrajn kongregazzjonijiet u individwi ppreżentaw ruħhom u offrew li jieħdu ħsieb taʼ xi xjuħ biex uliedhom jistgħu jibqgħu fl-​inkarigi tagħhom. Imħabba bla egoiżmu bħal din ukoll hi denja taʼ tifħir kbir. Kull sitwazzjoni trid tiġi ttrattata kuxjenzjożament għaliex ix-​xjuħ m’għandhomx jiġu abbandunati. Uri li int tħobb lill-​ġenituri xjuħ tiegħek.—Eżodu 20:12; Efesin 6:​2, 3.

20. Jehovah liema eżempju tana f’li jieħu ħsieb ix-​xjuħ?

20 Tabilħaqq, ħutna x-​xjuħ huma kuruna taʼ ġmiel għal familja jew kongregazzjoni. Jehovah qal: “Saħansitra għax-​xjuħija taʼ dak li jkun jien l-​istess Wieħed; u għax-​xagħar griż taʼ dak li jkun jien innifsi se nibqaʼ nissaporti. Jien innifsi ċertament li se naġixxi, biex jien innifsi nkun nistaʼ nġorr u biex jien innifsi nkun nistaʼ nissaporti u nagħti ħarba.” Jalla nuru l-​istess paċenzja u attenzjoni lejn l-​għeżież ħutna x-​xjuħ fil-​familja Kristjana.—Isaija 46:4; Proverbji 16:31.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar suġġerimenti ddettaljati fuq x’jistgħu jagħmlu l-​membri tal-​familja biex igħinu lix-​xjuħ, ara t-​Torri tal-​Għassa, tal-​1 taʼ Settembru, 1987, paġni 15-20.

Tiftakar Int?

◻ Liema eżempji fil-​Bibbja għandna taʼ li nieħdu ħsieb ix-​xjuħ?

◻ Kif għandna nittrattawhom lix-​xjuħ?

◻ Il-​membri tal-​familja kif jistgħu jieħdu ħsieb tal-​maħbubin xjuħ tagħhom?

◻ Il-​kongregazzjoni x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lix-​xjuħ?

◻ Ix-​xjuħ għala huma barka għalina lkoll?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja