Nieħdu Ħsieb Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien —Responsabbiltà Kristjana
“Sa xjuħitkom jien dejjem hu, sa meta jibjad xagħarkom nibqaʼ nġorrkom.”—Isaija 46:4.
1, 2. Missierna tas-sema kif jieħu ħsiebna b’mod differenti minn kif jagħmlu l-ġenituri umani?
ĠENITURI devoti jieħdu ħsieb uliedhom matul l-infanzja, it-tfulija, u ż-żgħożija. Anki meta ż-żgħażagħ isiru adulti u jifformaw familja għalihom, ommijiethom u missirijiethom ikomplu bi mħabba jagħtuhom attenzjoni u appoġġ.
2 Għalkemm hemm limitu f’dak li l-bnedmin jistgħu jagħmlu għal uliedhom, Missierna tas-sema dejjem jirnexxilu jagħti bi mħabba attenzjoni u appoġġ lill-qaddejja leali tiegħu. Meta kellem lill-poplu magħżul tiegħu taʼ żmien il-qedem, Jehovah qal: “Sa xjuħitkom jien dejjem hu, sa meta jibjad xagħarkom nibqaʼ nġorrkom.” (Isaija 46:4) Xi kliem taʼ faraġ hu dan għal Kristjani mdaħħlin fiż-żmien! Jehovah ma jabbandunax lil dawk li jibqgħu leali lejh. Minflok, hu jwiegħed li jsostnihom, jappoġġahom, u jiggwidahom matul ħajjithom kollha, anki meta jixjieħu.—Salm 48:15 (48:14, NW).
3. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
3 Kif nistgħu nimitaw lil Jehovah u nieħdu ħsieb bl-imħabba lil dawk li huma mdaħħlin fiż-żmien? (Efesin 5:1, 2) Ejja nikkunsidraw modi kif l-ulied, l-indokraturi fil-kongregazzjoni, u Kristjani individwali jistgħu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ membri ixjeħ fil-fratellanza dinjija tagħna.
Ir-Responsabbiltà Tagħna Bħala Wlied
4. X’responsabbiltà għandhom l-ulied Kristjani lejn il-ġenituri tagħhom?
4 “Weġġaħ ’il missierek u ’l ommok.” (Efesin 6:2; Eżodu 20:12) Permezz taʼ din il-kwotazzjoni sempliċi imma sinifikanti mill-Iskrittura Ebrajka, l-appostlu Pawlu fakkar lill-ulied dwar ir-responsabbiltà li għandhom lejn il-ġenituri tagħhom. Imma dan il-kliem kif japplika għal meta nieħdu ħsieb in-nies anzjani? Eżempju mill-isbaħ qabel l-era Kristjana se jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija.
5. (a) X’jindika li Ġużeppi ma kienx nesa d-dmirijiet tiegħu bħala iben? (b) Xi jfisser li nonoraw lill-ġenituri tagħna, u Ġużeppi liema eżempju mill-aħjar ta f’din il-ħaġa?
5 Għal iktar minn 20 sena, Ġużeppi ma kellu l-ebda kuntatt max-xwejjaħ missieru, il-patrijarka Ġakobb. Madankollu, huwa evidenti li Ġużeppi ma kienx tilef l-imħabba li kien iħoss għal Ġakobb bħala ibnu. Fil-fatt, meta Ġużeppi kixef l-identità vera tiegħu lil ħutu, hu staqsiehom: “Għadu ħaj missieri?” (Ġenesi 43:7, 27; 45:3) Dak iż-żmien, l-art taʼ Kangħan kienet tinsab maħkuma minn ġuħ kbir. Għaldaqstant, Ġużeppi bagħat jgħid lil missieru: “Inżel ħdejja, u la titnikkirx. U tgħammar f’art Gosen u tkun qribi . . . u hekk jien naħsiblek għal kollox.” (Ġenesi 45:9-11; 47:12) Iva, li tonora lill-ġenituri anzjani jinkludi li tipproteġihom u tipprovdilhom materjalment meta ma jkunux f’qagħda li jieħdu ħsieb tagħhom infushom. (1 Samwel 22:1-4; Ġwanni 19:25-27) Ġużeppi aċċetta bil-ferħ din ir-responsabbiltà.
6. Ġużeppi kif wera mħabba ġenwina għal missieru, u kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu?
6 Bl-għajnuna taʼ Jehovah, Ġużeppi kien sar wieħed mill-iktar irġiel sinjuri u potenti fl-Eġittu. (Ġenesi 41:40) Imma ma qiesx lilu nnifsu wisq importanti jew wisq imħabbat biex jonora lil missieru li kellu 130 sena. Malli sar jaf li Ġakobb (jew Iżrael) kien għoddu wasal, “Ġużeppi rama l-karru tiegħu u mar jiltaqaʼ maʼ Iżrael, missieru, f’Gosen. Malli deher quddiemu nxteħet fuq għonqu u baqaʼ għal ħafna żmien mgħannaq miegħu u jibki.” (Ġenesi 46:28, 29) Din il-merħba kienet ħafna iktar minn turija formali taʼ rispett. Ġużeppi kien iħobb lix-xwejjaħ missieru daqs il-mimmi t’għajnejh u ma staħax juri mħabbtu. Jekk għandna ġenituri mdaħħlin fiż-żmien, nagħmlu l-istess u nuruhom b’mod ġeneruż kemm inħobbuhom?
7. Ġakobb għala xtaq li jindifen f’Kangħan?
7 Ġakobb baqaʼ devot b’mod sod lejn Jehovah sakemm miet. (Lhud 11:21) Minħabba l-fidi li kellu fil-wegħdi t’Alla, Ġakobb talab li jindifen f’Kangħan meta jmut. Ġużeppi onora lil missieru billi għamel kif kien talbu, minkejja l-ammont taʼ spejjeż u sforz involut.—Ġenesi 47:29-31; 50:7-14.
8. (a) X’għandu jqanqalna l-iktar biex nieħdu ħsieb il-ġenituri anzjani? (b) Ħu li jaqdi full-time, x’għamel sabiex jieħu ħsieb il-ġenituri anzjani tiegħu? (Ara l-kaxxa f’paġna 17.)
8 X’qanqal lil Ġużeppi biex jieħu ħsieb missieru? Għalkemm kien imqanqal mill-imħabba u minn sens t’obbligu lejn dak li kien tah il-ħajja u rabbieh, m’hemmx dubju li Ġużeppi kellu wkoll xewqa kbira li jogħġob lil Jehovah. L-istess xewqa għandu jkollna aħna. Pawlu kiteb: “Jekk mara armla għandha l-ulied jew ulied uliedha, dawn għandhom jitgħallmu l-ewwel jagħmlu dmirhom billi jġibu rispett lill-familja tagħhom u jroddu lill-ġenituri tagħhom dak li ħaqqhom; għax dan jogħġob lil Alla.” (1 Timotju 5:4) Tabilħaqq, imħabba għal Jehovah u biżaʼ riverenzjali lejh se jqanqluna biex nieħdu ħsieb il-ġenituri anzjani, avolja dan jistaʼ jinvolvi xi sfidi.a
Kif l-Indokraturi Juru li Jimpurtahom
9. Jehovah lil min ħatar biex jirgħa l-merħla, inkluż lil Kristjani mdaħħlin fiż-żmien?
9 Lejn it-tmiem tal-ħajja twila tiegħu, Ġakobb irrefera għal Jehovah bħala “Alla, ir-ragħaj tiegħi, sa minn tnissili sa llum.” (Ġenesi 48:15) Illum, Jehovah jirgħa lill-qaddejja tiegħu fuq l-art permezz taʼ indokraturi, jew anzjani, Kristjani, taħt id-direzzjoni taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, “ir-Ragħaj il-Kbir.” (1 Pietru 5:2-4) L-indokraturi kif jistgħu jimitaw lil Jehovah meta jieħdu ħsieb membri tal-merħla li huma akbar fl-età?
10. X’sar biex tingħata għajnuna materjali lil Kristjani mdaħħlin fiż-żmien? (Ara l-kaxxa f’paġna 19.)
10 Ftit wara li bdiet il-kongregazzjoni Kristjana, l-appostli ħatru “sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u . . . mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf” biex jieħdu ħsieb it-tqassim taʼ l-ikel taʼ kuljum fost ir-romol Kristjani li kienu fil-bżonn. (Atti 6: 1-6) Iktar tard, Pawlu istruwixxa lill-indokratur Timotju biex ir-romol xjuħ u eżemplari jiġu magħdudin maʼ dawk li kienu intitolati li jirċievu għajnuna materjali. (1 Timotju 5:3, 9, 10) Bl-istess mod, illum l-indokraturi fil-kongregazzjoni minn qalbhom jorganizzaw kwalunkwe għajnuna prattika meħtieġa għal Kristjani mdaħħlin fiż-żmien. Madankollu, hemm iktar involut fil-kura taʼ wħud anzjani leali.
11. X’qal Ġesù dwar l-armla fil-bżonn li tat kontribuzzjoni żgħira?
11 Lejn tmiem il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù poġġa fit-tempju u qagħad “iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor.” F’ħin minnhom kien hemm persuna li laqtitu ħafna. Ir-rakkont jgħid: “Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet.” Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.” (Mark 12:41-44) Bħala ammont, il-kontribuzzjoni taʼ l-armla kienet żgħira, imma Ġesù kien jaf kemm Missieru tas-sema jgħożż espressjonijiet taʼ devozzjoni b’qalb sħiħa. Kienet x’kienet l-età taʼ l-armla fqira, Ġesù ma injorax dak li għamlet.
12. L-anzjani kif jistgħu juru l-apprezzament tagħhom għall-kontribut li jagħtu Kristjani mdaħħlin fiż-żmien?
12 Bħal Ġesù, l-indokraturi Kristjani ma jinjorawx dak li jagħmlu l-aħwa mdaħħlin fiż-żmien biex jappoġġaw il-qima vera. L-anzjani għandhom għalxiex ifaħħru wħud imdaħħlin fiż-żmien għas-sehem tagħhom fil-ministeru, il-parteċipazzjoni fil-laqgħat, l-influwenza pożittiva li għandhom fil-kongregazzjoni, u s-sabar fit-tul li juru. Kelma sinċiera taʼ inkuraġġiment tistaʼ tgħin lin-nies anzjani biex ikollhom għalxiex jifirħu fis-servizz sagru tagħhom, u b’hekk jevitaw li jiġu skuraġġiti għax joqogħdu jqabblu lilhom infushom maʼ x’jistgħu jagħmlu Kristjani oħrajn jew maʼ dak li kienu kapaċi jagħmlu huma fil-passat.—Galatin 6:4.
13. L-anzjani b’liema modi jistgħu jużaw it-talenti u l-esperjenza taʼ wħud imdaħħlin fiż-żmien?
13 L-anzjani jistgħu jirrikonoxxu l-kontribut imprezzabbli tal-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien billi jużaw l-esperjenza u t-talenti tagħhom. Uħud imdaħħlin fiż-żmien eżemplari jistgħu jintużaw minn żmien għal żmien f’turijiet jew intervisti. “L-aħwa fl-udjenza tassew jagħtu widen bil-ħerqa meta nintervista ħu jew oħt imdaħħla fiż-żmien li tkun rabbiet ’l uliedha fil-verità,” josserva wieħed anzjan. Anzjani f’kongregazzjoni oħra jirrapportaw li oħt pijuniera taʼ 71 sena kellha suċċess kbir f’li tgħin pubblikaturi tas-Saltna jsiru regulari fis-servizz taʼ l-għalqa. Hi tinkuraġġihom ukoll biex jagħmlu l-affarijiet “bażiċi,” bħall-qari tal-Bibbja u l-iskrittura tal-jum u mbagħad il-meditazzjoni fuq dak li jkunu qraw.
14. Ġemgħa waħda t’anzjani kif uriet apprezzament għal indokratur bħalhom imdaħħal fiż-żmien?
14 L-anzjani jgħożżu wkoll il-kontribut taʼ indokraturi bħalhom imdaħħlin fiż-żmien. José, li għandu fuq is-70 sena u ilu għexur taʼ snin jaqdi bħala anzjan, dan l-aħħar għamel operazzjoni kbira. Peress li kien se jieħu fit-tul biex jirkupra, hu ħaseb li jkun aħjar jekk ma jibqax jaqdi bħala l-indokratur li jippresiedi. “Bqajt skantat bir-reazzjoni taʼ l-anzjani l-oħrajn,” jgħid José. “Minflok m’aċċettaw is-suġġeriment tiegħi, staqsewni x’għajnuna prattika neħtieġ sabiex nibqaʼ nieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet tiegħi.” Bl-għajnuna t’anzjan iżgħar fl-età, José rnexxielu jkompli jaqdi bil-ferħ bħala l-indokratur li jippresiedi, u din kienet barka għall-kongregazzjoni. Anzjan fl-istess kongregazzjoni jgħid: “L-aħwa japprezzaw ħafna x-xogħol taʼ José bħala anzjan. Huma jħobbuh u jirrispettawh għall-esperjenza u l-fidi tiegħu. Hu jsebbaħha lill-kongregazzjoni tagħna.”
Nieħdu Ħsieb Xulxin
15. Il-Kristjani kollha għala jridu jaħsbu fil-benesseri taʼ l-uħud imdaħħlin fiż-żmien li hemm fosthom?
15 Dawk li għandhom jaħsbu fin-nies anzjani m’humiex biss uliedhom u l-qaddejja maħturin. Meta qabbel il-kongregazzjoni Kristjana mal-ġisem uman, Pawlu kiteb: “Alla . . . bena l-ġisem b’mod li żejjen b’aktar ġieħ lil dawk li jeħtiġuh l-aktar. B’hekk ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin.” (1 Korintin 12:24, 25) Biex il-kongregazzjoni Kristjana taħdem f’armonija, kull membru jrid jaħseb fil-benesseri taʼ sħabu fit-twemmin, inkluż dawk imdaħħlin fiż-żmien.—Galatin 6:2.
16. Kif nistgħu nuru interess fin-nies imdaħħlin fiż-żmien meta nattendu l-laqgħat Kristjani?
16 Il-laqgħat Kristjani jipprovdu opportunità mill-aħjar biex nuru li jinteressana min-nies imdaħħlin fiż-żmien. (Filippin 2:4; Lhud 10:24, 25) Waqt dawn l-okkażjonijiet, insibu aħna l-ħin biex nitkellmu maʼ wħud imdaħħlin fiż-żmien? Filwaqt li jkun xieraq li nistaqsuhom kif qed iħossuhom fiżikament, nistgħu aħna ‘naqsmu magħhom xi don spiritwali,’ forsi billi ngħidulhom xi esperjenza li tibnihom jew xi ħsieb Skritturali? Peress li dawn l-uħud imdaħħlin fiż-żmien huma limitati fiżikament, inkunu qed nuru qalb tajba jekk immorru ħdejhom minflok ma nistennew lilhom jiġu ħdejna. Jekk għandhom problema tas-smigħ, jistaʼ jkun hemm bżonn li nitkellmu bil-mod u llissnu l-kliem sewwa. U jekk irridu li tassew “inqawwu lil xulxin,” irridu nagħtu widen b’attenzjoni għal dak li tkun qed tgħid il-persuna mdaħħla fiż-żmien.—Rumani 1:11, 12.
17. Kif nistgħu nuru li qed naħsbu fi Kristjani anzjani li ma jistgħux joħorġu mid-dar?
17 Xi ngħidu jekk xi wħud imdaħħlin fiż-żmien ma jistgħux jattendu l-laqgħat Kristjani? Ġakbu 1:27 (NW) juri li huwa d-dmir tagħna ‘li nieħdu ħsieb l-iltiema u r-romol fit-tribulazzjoni tagħhom.’ Tifsira waħda tal-verb Grieg tradott “li nieħdu ħsieb” huwa li “nżuru.” (Atti 15:36) U kemm japprezzawhom iż-żjajjar tagħna dawn l-uħud imdaħħlin fiż-żmien! Meta kien priġunier f’Ruma madwar is-sena 65 E.K., ir-“raġel xwejjaħ” Pawlu sab ruħu tistaʼ tgħid waħdu. Hu xtaq ħafna jara lil sieħbu Timotju u kitiblu: “Fittex ejja ħdejja malajr.” (Filemon 9; 2 Timotju 1:3, 4; 4:9) Għalkemm in-nies imdaħħlin fiż-żmien m’humiex priġunieri letteralment, xi wħud minnhom ma jistgħux joħorġu mid-dar minħabba problemi taʼ saħħa. Fil-fatt, huma jistgħu jkunu qed jgħidu, ‘Jekk jogħġbok, agħmel ħiltek biex ma ddumx ma tiġi tarani.’ Qegħdin aħna nwieġbu għal appelli bħal dawn?
18. X’benefiċċji jistgħu joħorġu meta nżuru lin-nies anzjani?
18 Taħsibx li żjara lil ħu jew oħt spiritwali mdaħħla fiż-żmien ma tagħmilx il-ġid. Meta Kristjan jismu Onesiforu kien Ruma, hu fittex bil-ħrara lil Pawlu, sabu, u ‘sikwit kien taʼ faraġ għalih.’ (2 Timotju 1:16, 17) “Hija l-għaxqa tiegħi nqattaʼ l-ħin maʼ wħud iżgħar fl-età,” tgħid oħt anzjana. “L-iktar ħaġa li togħġobni hi li jqisuni bħala membru tal-familja tagħhom. Dan jinkuraġġini ħafna.” Anzjana oħra Kristjana tgħid: “Tassew napprezza meta xi ħadd jibgħatli kartolina, iċempilli u jgħidli erbaʼ kelmiet, jew jiġi jżurni ftit.Tgħidx kemm inħossni inkuraġġita.”
Jehovah Ibierek lil Dawk li Jimpurtahom
19. X’barkiet nistgħu naħsdu meta nieħdu ħsieb in-nies anzjani?
19 Meta nieħdu ħsieb uħud imdaħħlin fiż-żmien, nistgħu naħsdu ħafna barkiet. Wieħed mill-privileġġi huwa li nassoċjaw magħhom u nagħmlu użu mill-għarfien u l-esperjenza li għandhom. Nistgħu nesperjenzaw l-hena akbar li jiġi meta nagħtu, kif ukoll sens taʼ sodisfazzjon u paċi ġewwinija talli nkunu wettaqna r-responsabbiltà Skritturali tagħna. (Atti 20:35) Iktar minn hekk, dawk li jieħdu ħsieb in-nies imdaħħlin fiż-żmien m’għandhomx għalfejn jibżgħu li se jiġu abbandunati meta jixjieħu huma. Il-Kelma t’Alla tassigurana: “Min jagħti bil-qalb ikollu l-barka, u min ixabbaʼ l-oħrajn ikollu bix-xabaʼ.”—Proverbji 11:25.
20, 21. Jehovah kif iħares lejn dawk li jieħdu ħsieb in-nies imdaħħlin fiż-żmien, u x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
20 Jehovah ibierek lil ulied, indokraturi, u Kristjani oħra li għandhom il-biżaʼ t’Alla talli jieħdu ħsieb mingħajr egoiżmu l-bżonnijiet taʼ sħabhom fit-twemmin imdaħħlin fiż-żmien. Spirtu bħal dan huwa fi qbil mal-proverbju: “Min iħenn għall-fqir ikun qed jislef lill-Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.” (Proverbji 19:17) Jekk l-imħabba tqanqalna biex inħennu għall-foqra, Alla jqis dan l-għoti bħala dejn u jroddulna bil-barkiet. Hu jroddilna barkiet ukoll talli nieħdu ħsieb bl-imħabba l-aduraturi sħabna mdaħħlin fiż-żmien, li ħafna minnhom huma ‘foqra għad-dinja imma għonja fil-fidi.’—Ġakbu 2:5.
21 Kemm iroddilna b’mod ġeneruż Alla! Dan jinkludi l-ħajja taʼ dejjem. Għall-biċċa l-kbira mill-qaddejja taʼ Jehovah, din se tkun ħajja bla tmiem f’art magħmula ġenna, fejn l-effetti tad-dnub li writna se jkunu tneħħew u l-uħud imdaħħlin fiż-żmien li jibqgħu leali jerġgħu jgawdu s-saħħa u l-ħeġġa li kellhom f’żgħożithom. (Apokalissi 21:3-5) Waqt li nistennew dak iż-żmien imbierek, jalla nwettqu r-responsabbiltà Kristjana tagħna u nkomplu nieħdu ħsieb in-nies imdaħħlin fiż-żmien.
[Nota taʼ taħt]
a Għal suġġerimenti prattiċi dwar kif tieħu ħsieb ġenituri anzjani, ara l-Awake! tat-8 taʼ Frar, 1994, paġni 3-10.
X’Inhuma t-Tweġibiet Tiegħek?
• L-ulied kif jistgħu jonoraw lill-ġenituri kbar fl-età?
• L-anzjani kif juru apprezzament għal membri akbar tal-merħla?
• X’jistgħu jagħmlu Kristjani individwali biex juru li verament jimpurtahom minn uħud imdaħħlin fiż-żmien?
• X’barkiet joħorġu meta nieħdu ħsieb Kristjani mdaħħlin fiż-żmien?
[Kaxxa f’paġna 17]
Meta l-Ġenituri Tiegħu Kellhom Bżonn l-Għajnuna
Fl-1999, Philip kien qed jaqdi fil-Liberja bħala ħaddiem volontier fil-bini meta rċieva l-aħbar li missieru kien marad serjament. Peress li kien konvint li ommu ma kinitx se tkampa waħedha, hu ddeċieda li jmur lura pajjiżu biex jorganizza l-kura medika għal missieru.
“Ma kienx faċli mmur lura,” jiftakar Philip, “imma ħassejt li l-ewwel obbligu tiegħi kien lejn il-ġenituri.” Matul it-tliet snin taʼ wara, hu sab dar iktar addattata għall-ġenituri tiegħu u bl-għajnuna taʼ Kristjani sħabu lokali rranġa l-post skond il-bżonnijiet speċjali taʼ missieru.
Issa omm Philip tinsab f’qagħda aħjar biex tkampa mal-problemi serji taʼ saħħa taʼ missieru. Dan l-aħħar, Philip irnexxielu jaċċetta stedina biex jaħdem bħala volontier fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Maċedonja.
[Kaxxa f’paġna 19]
Huma Taw Kas il-Bżonnijiet Tagħha
Meta Ada, Kristjana taʼ 85 sena fl-Awstralja, ma setgħetx toħroġ minn darha minħabba saħħitha, l-anzjani tal-kongregazzjoni għamlu arranġamenti biex jgħinuha. Huma organizzaw grupp taʼ Kristjani oħra li setgħu jgħinuha. Dawn l-aħwa offrew minn qalbhom li jieħdu ħsieb il-faċendi bħal tindif, ħasil, tisjir, u qadi ieħor.
Din l-għajnuna nbdiet kważi għaxar snin ilu. S’issa, kien hemm iktar minn 30 Xhud taʼ Jehovah li għenu lil Ada. Huma qed ikomplu jżuruha, jaqrawlha minn pubblikazzjonijiet Bibliċi, jinformawha dwar il-progress spiritwali taʼ l-aħwa fil-kongregazzjoni, u jitolbu magħha regolarment.
Anzjan Kristjan lokali kkummenta: “Dawk li jieħdu ħsieb Ada jħossuhom privileġġati li jistgħu jgħinuha. Ħafna minnhom ġew inkuraġġiti bis-servizz leali tagħha matul is-snin, u lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li ma jagħtux kas il-bżonnijiet tagħha.”
[Stampa f’paġna 16]
Nuruhom aħna b’mod ġeneruż kemm inħobbuhom lill-ġenituri mdaħħlin fiż-żmien?
[Stampi f’paġna 18]
Kull membru tal-kongregazzjoni jistaʼ juri mħabbtu għal sħabu fit-twemmin imdaħħlin fiż-żmien