Mattew
21 Meta qorbu lejn Ġerusalemm u waslu Betfaġe fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli+ 2 u qalilhom: “Morru fir-raħal li qed taraw quddiemkom, u mill-ewwel issibu ħmara marbuta, u felu magħha; ħolluhom u ġibuhomli.+ 3 U jekk xi ħadd ikellimkom, għidulu, ‘Il-Mulej għandu bżonnhom.’ Malli tgħidulu hekk, jibgħathom minnufih.”
4 Dan fil-fatt seħħ biex jitwettaq dak li qal il-profeta: 5 “Għidu lil bint Sijon, ‘Ara! Is-Sultan tiegħek ġej għandek,+ ġwejjed,+ u riekeb fuq ħmar, iva, fuq felu, il-ferħ taʼ bhima tat-tagħbija.’”+
6 Għalhekk, id-dixxipli telqu u għamlu bħalma ordnalhom Ġesù. 7 U ġabu l-ħmara u l-felu, u poġġew fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu poġġa bil-qiegħda fuqhom.+ 8 Il-biċċa l-kbira mill-folla firxu l-imnatar tagħhom+ fit-triq, waqt li oħrajn bdew jaqtgħu l-friegħi mis-siġar u jifirxuhom fit-triq.+ 9 U l-folol, kemm dawk li kienu mexjin quddiemu u kemm dawk li kienu mexjin warajh, bdew jgħajtu: “Salva, nitolbuk,+ lil Bin David!+ Imbierek dak li jiġi f’isem+ Ġeħova! Salvah, nitolbuk, fl-ogħla postijiet tas-smewwiet!”+
10 Issa, meta daħal Ġerusalemm,+ qamet għagħa kbira fil-belt kollha u n-nies bdew jgħidu: “Dan min hu?” 11 Il-folol bdew iwieġbu: “Dan hu Ġesù, il-profeta+ minn Nazaret tal-Galilija!”
12 U Ġesù daħal fit-tempju u keċċa ’l barra lil dawk kollha li kienu qed ibigħu u jixtru fit-tempju, u qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u l-bankijiet taʼ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem.+ 13 U qalilhom: “Hu miktub, ‘Dari tissejjaħ dar tat-talb,’+ imma intom qed tagħmluha għar tal-ħallelin.”+ 14 Ukoll, ġew għandu fit-tempju nies għomja u zopop, u fejjaqhom.
15 Il-qassisin ewlenin u l-iskribi xejn ma ħadu pjaċir meta raw il-meravilji li għamel+ u s-subien li kienu qed jgħajtu fit-tempju u jgħidu: “Salva, nitolbuk,+ lil Bin David!”+ 16 u qalulu: “Qed tismaʼ x’qed jgħidu dawn?” Ġesù qalilhom: “Iva. Qatt ma qrajtuh+ dan, ‘Minn fomm iċ-ċkejknin u t-trabi tal-ħalib int ipprovdejt it-tifħir’?”+ 17 U telaq u ħalliehom; ħareġ mill-belt u mar Betanja u qattaʼ l-lejl hemmhekk.+
18 Meta kien sejjer lura lejn il-belt kmieni fil-għodu, qabdu l-ġuħ.+ 19 U lemaħ siġra tat-tin mal-ġenb tat-triq u resaq lejha, imma ma sab xejn+ fiha ħlief weraq, u qalilha: “Ħa ma joħroġ qatt iktar frott minnek.”+ U t-tina nixfet dak il-ħin stess. 20 Meta raw dan, id-dixxipli stagħġbu u qalu: “Kif nixfet minnufih it-tina?”+ 21 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, Li kieku jkollkom il-fidi u ma tiddubitawx,+ mhux biss tagħmlu dak li għamilt jien lit-tina, imma wkoll jekk tgħidu lil din il-muntanja, ‘Intrefaʼ u nxteħet fil-baħar,’ hekk jiġri.+ 22 U, jekk ikollkom il-fidi, kulma titolbu taqilgħuh.”+
23 Issa, wara li daħal fit-tempju, il-qassisin ewlenin u x-xjuħ tal-poplu resqu fuqu waqt li kien qed jgħallem u qalulu:+ “Int b’liema awtorità tagħmlu dan? U min tak din l-awtorità?”+ 24 Ġesù wieġeb u qalilhom: “Jien, ukoll, nistaqsikom xi ħaġa. Jekk tgħiduhieli, jien ukoll ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan:+ 25 Il-magħmudija taʼ Ġwanni, minfejn kienet ġejja? Mis-sema jew mill-bnedmin?”+ Imma huma bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk ngħidulu, ‘Mis-sema,’ jgħidilna, ‘Allura, għala m’emmintuhx?’+ 26 Iżda, jekk ngħidulu, ‘Mill-bnedmin,’ nibżgħu mill-folla,+ għax kulħadd iżomm lil Ġwanni bi profeta.”+ 27 Għalhekk, wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux.” Hu, imbagħad, qalilhom: “Lanqas jien ma ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.+
28 “X’taħsbu intom? Wieħed raġel kellu żewġt itfal.+ Mar fuq l-ewwel wieħed u qallu, ‘Ibni, illum mur aħdem fl-għalqa tad-dwieli.’ 29 Dan wieġeb u qallu, ‘Immur, sinjur,’+ imma ma marx. 30 Resaq lejn it-tieni wieħed u qallu l-istess. Dan wieġeb u qallu, ‘Ma rridx.’ Wara ddispjaċieh+ u mar. 31 Liema minnhom it-tnejn għamel ir-rieda taʼ missieru?”+ Qalulu: “Taʼ l-aħħar.” Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom li l-kolletturi tat-taxxi u l-prostituti sejrin qabilkom fis-saltna t’Alla. 32 Għax Ġwanni ġie għandkom fi triq is-sewwa,+ imma intom m’emmintuhx.+ Madankollu, il-kolletturi tat-taxxi u l-prostituti emmnuh,+ u intom, għalkemm rajtu dan, ma ddispjaċikomx wara u bqajtu m’emmintuhx.
33 “Isimgħu tixbiha oħra: Kien hemm wieħed+ li kellu għalqa li ħawwilha bid-dwieli u dawwarha b’ċint. Ħaffer fiha magħsar taʼ l-inbid, bnielha torri,+ u qabbilha lil xi bdiewa, u siefer.+ 34 Meta wasal l-istaġun tal-frott, bagħat lill-ilsiera tiegħu għand il-bdiewa biex iġibulu l-frott tiegħu. 35 Madankollu, il-bdiewa qabdu lill-ilsiera, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.+ 36 Reġaʼ bagħat ilsiera oħrajn, iktar mill-ewwel darba, imma lil dawn għamlulhom l-istess.+ 37 Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu u qal, ‘Lil ibni jirrispettawh.’ 38 Malli raw lill-iben, il-bdiewa qalu bejniethom, ‘Dan il-werriet;+ ejjew noqtluh u niħdulu l-wirt!’+ 39 Għalhekk, qabduh u tefgħuh ’il barra mill-għalqa tad-dwieli u qatluh.+ 40 Issa, meta jiġi sid l-għalqa tad-dwieli, x’se jagħmlilhom lil dawn il-bdiewa?” 41 Qalulu: “Peress li huma mill-agħar, hu se jġib fuqhom qerda kbira,+ u l-għalqa tad-dwieli jqabbilha lil bdiewa oħrajn li jagħtuh il-frott meta jasal żmienu.”+
42 Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura, ‘Il-ġebla li twarrbet+ mill-bennejja saret il-ġebla tax-xewka ewlenija.+ Mingħand Ġeħova seħħ dan, u f’għajnejna din hi xi ħaġa meraviljuża’? 43 Għalhekk ngħidilkom, Is-saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-frott minnha.+ 44 Ukoll, min jaqaʼ fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqaʼ titħnu.”+
45 Issa, meta semgħu t-tixbihat tiegħu, il-qassisin ewlenin u l-Fariżej indunaw li kien qed jgħid għalihom.+ 46 Imma, għalkemm kienu qed jipprovaw jaqbduh taħt idejhom, kienu jibżgħu mill-folol, għax dawn kienu jżommuh bi profeta.+