Ġenesi
48 U wara dan kollu ġara li lil Ġużeppi qalulu: “Ara! Missierek qed jiddgħajjef.” Malli semaʼ dan, ħa miegħu liż-żewġ uliedu Manasse u Efrajm.+ 2 Imbagħad lil Ġakobb tawh l-aħbar u qalulu: “Ara! Ibnek Ġużeppi ġie għandek.” Għalhekk, Israel għamel ħiltu kollha u qam bil-qiegħda fuq soddtu. 3 U Ġakobb qal lil Ġużeppi:
“Alla li Jistaʼ Kollox deherli f’Luż+ fl-art taʼ Kangħan biex iberikni.+ 4 U ssokta jgħidli, ‘Ara! Qed inġiegħlek tnissel+ u se nkattrek u nagħmlek ġemgħa taʼ popli+ u nagħti din l-art lil nislek warajk biex tkun tiegħu għal żmien indefinit.’+ 5 U issa ż-żewġ uliedek li twildulek fl-art taʼ l-Eġittu, qabel ma jien ġejt hawnhekk għandek fl-Eġittu, huma tiegħi.+ Efrajm u Manasse jsiru tiegħi bħal Ruben u Simegħon.+ 6 Imma wliedek li int se tnissel warajhom ikunu tiegħek. B’isem ħuthom se jissejħu fil-wirt tagħhom.+ 7 U meta jien kont ġej mill-Fiddien,+ Rakele mietet+ maġenbi fl-art taʼ Kangħan fit-triq meta kien għad baqaʼ medda kbira t’art biex nasal Efrata,+ u għalhekk dfintha hemmhekk jien u sejjer lejn Efrata, jiġifieri, Betlehem.”+
8 Imbagħad Israel ra lil ulied Ġużeppi u qal: “Min huma dawn?”+ 9 U Ġużeppi qal lil missieru: “Dawn huma wliedi li tani Alla f’dan il-post.”+ U wieġbu: “Jekk jogħġbok, ġibhomli ħalli nberikhom.”+ 10 Issa għajnejn Israel kienu tgħammxu bix-xjuħija+ u ma setax jara. Għalhekk, ġabhomlu qrib, u mbagħad bieshom u ħaddanhom miegħu.+ 11 U Israel issokta jgħid lil Ġużeppi: “Qatt ma kont nobsor li nara lil wiċċek+ imma, ara, Alla ħallieni nara saħansitra lil uliedek.” 12 Imbagħad Ġużeppi ħariġhom minn ħdejn irkopptejn Israel, u miel wiċċu lejn l-art.+
13 Ġużeppi issa ħadhom it-tnejn, lil Efrajm b’idu l-leminija lejn in-naħa tax-xellug taʼ Israel,+ u lil Manasse b’idu x-xellugija lejn in-naħa tal-lemin taʼ Israel,+ u ġabhomlu qrib. 14 Madankollu, Israel medd idu l-leminija u qegħedha fuq ras Efrajm,+ għalkemm dan kien iż-żgħir,+ u idu x-xellugija fuq ras Manasse.+ Idejh qegħedhom hekk apposta, avolja Manasse kien l-ewwel imwieled.+ 15 U hu bierek lil Ġużeppi u qallu:+
“L-Alla l-veru li mxew quddiemu missirijieti Abraham u Iżakk,+
L-Alla l-veru, ir-ragħaj tiegħi kemm ili neżisti sa dan il-jum,+
16 L-anġlu li ħelisni minn kull gwaj,+ bierek int lil dawn is-subien.+
U ħa jissejjaħ ismi fuqhom u isem missirijieti, Abraham u Iżakk,+
U ħa jiżdiedu sa ma jsiru kotra f’nofs l-art.”+
17 Meta Ġużeppi ra li missieru żamm idu l-leminija fuq ras Efrajm, ma ħax pjaċir,+ u pprova jaqbad id missieru biex ineħħiha minn fuq ras Efrajm u jqegħedha fuq ras Manasse.+ 18 U Ġużeppi qal lil missieru: “Mhux hekk, missier, għaliex dan hu l-ewwel imwieled.+ Qiegħed idek il-leminija fuq rasu.” 19 Imma missieru baqaʼ jirrifjuta u qallu: “Naf, ibni, naf. Hu wkoll għad isir poplu u hu wkoll għad isir kbir.+ Imma, xorta waħda, ħuh iż-żgħir għad isir akbar minnu,+ u wliedu jsiru l-milja taʼ ġnus.”+ 20 U hu kompla jberikhom dakinhar+ u jgħidilhom:
“Permezz tiegħek ħa jlissen Israel barka, u jgħid,
‘Jalla Alla jagħmlek bħal Efrajm u bħal Manasse.’”+
B’hekk, hu baqaʼ jqiegħed lil Efrajm qabel Manasse.+
21 Imbagħad Israel qal lil Ġużeppi: “Ara! Jien se mmut,+ imma Alla żgur li se jibqaʼ magħkom u jiħodkom lura lejn art missirijietkom.+ 22 Jien lilek se nagħtik biċċa art iktar milli nagħti lil ħutek,+ dik li jien ħadt minn id l-Amurrin bis-sejf u bil-qaws tiegħi.”