Ester
4 U meta Mordekaj+ sar jaf b’kulma kien sar,+ ċarrat ħwejġu, libes ilbies magħmul mill-ixkora+ u tefaʼ l-irmied+ fuqu, u mar f’nofs il-belt jgħajjat għajat kbir taʼ mrar.+ 2 Fl-aħħar wasal sa quddiem bieb is-sultan,+ għax ħadd ma setaʼ jgħaddi minn bieb is-sultan bl-ilbies taʼ l-ixkora. 3 U fil-provinċji differenti kollha,+ kulfejn kienu qed jaslu l-kelma u l-liġi tas-sultan, kien hemm ħafna niket+ fost il-Lhud, u sawm+ u biki u lfiq. U għal ħafna, l-ixkora+ u l-irmied+ saru bħal friex. 4 U t-tfajliet t’Ester u l-ewnuċi+ tagħha bdew ġejjin u jgħidulha b’dan. U s-sultana tnikktet għall-aħħar. Imbagħad bagħtet xi ħwejjeġ lil Mordekaj biex jilbishom u jneħħi minn fuqu l-ilbies taʼ l-ixkora. Iżda hu m’aċċettahomx.+ 5 Għal dan, Ester sejħet lil Ħatak,+ wieħed mill-ewnuċi li s-sultan kien taha biex jaqdiha, u hi kkmandatu u bagħtitu għand Mordekaj sabiex tkun taf x’kien ifisser dan u għaliex kien qed jagħmel hekk.
6 Għalhekk, Ħatak ħareġ ħdejn Mordekaj fil-pjazza tal-belt li kienet quddiem bieb is-sultan. 7 Imbagħad Mordekaj qallu b’kulma kien ġralu+ u spjegalu kollox dwar il-flus li Ħaman kien qal li se jħallas lit-teżorerija+ tas-sultan sabiex jeqred+ lil-Lhud. 8 U tah kopja+ tal-kitba tal-liġi li kienet ngħatat f’Susan+ biex jinqerdu l-Lhud. Din kellu juriha lil Ester u jgħidilha u jikkmandaha+ biex tidħol għand is-sultan, sabiex tissupplikah* juri ħniena+ u titolbu direttament għall-poplu tagħha.+
9 Issa Ħatak+ daħal u qal lil Ester x’kien qallu Mordekaj. 10 Imbagħad Ester qalet lil Ħatak u kkmandatu jgħarraf lil Mordekaj:+ 11 “Il-qaddejja kollha tas-sultan u n-nies fil-provinċji tiegħu jafu li liġi waħda+ hemm għal raġel jew mara li tidħol għand is-sultan fil-bitħa taʼ ġewwa+ bla ma tkun imsejħa, li tingħata l-mewt; ikun biss f’każ li s-sultan imidd ix-xettru tad-deheb lejha li hi tibqaʼ tgħix.+ Issa jien ili tletin jum ma nkun imsejħa biex nidħol għand is-sultan.”
12 U lil Mordekaj qalulu b’dak li qalet Ester. 13 Imbagħad Mordekaj bagħat jgħid lil Ester: “Ara ma taħsibx li dawk taʼ dar is-sultan se jeħilsuha iktar mil-Lhud l-oħrajn kollha.+ 14 Għax jekk int issa tibqaʼ siekta għalkollox, is-serħan u l-ħelsien għal-Lhud jiġu minn xi mkien ieħor;+ imma int u dar missierek tinqerdu. U min jaf jekk kienx għal żmien bħal dan li int ksibt dinjità rjali?”+
15 Għaldaqstant Ester qalet bi tweġiba lil Mordekaj: 16 “Mur, iġbor lil-Lhud kollha li jinsabu f’Susan+ u sumu+ għalija; u tiklux u tixorbux għal tlett ijiem,+ la bil-lejl u lanqas bi nhar. Jien, flimkien mat-tfajliet+ tiegħi, se nsum ukoll, u wara dan nidħol għand is-sultan, għalkemm hi ħaġa kontra l-liġi; u fil-każ li għandi mmut,+ immut.” 17 Imbagħad Mordekaj telaq u għamel kulma kienet ikkmandatu Ester.