Dewteronomju
20 “Jekk toħroġ għall-battalja kontra l-għedewwa tiegħek u tara żwiemel u karrijiet tal-gwerra,+ poplu iktar numeruż minnek, tibżax minnhom; għax Ġeħova Alla tiegħek, li tellgħek mill-art taʼ l-Eġittu,+ qiegħed miegħek.+ 2 U jrid iseħħ li meta tkunu qrobtu għall-battalja, il-qassis irid jersaq ikellem lin-nies.+ 3 U jrid jgħidilhom, ‘Ismaʼ, O Israel, illum qed toqorbu għall-battalja kontra l-għedewwa tagħkom. Tħallux lil qlubkom jibżgħu.+ Titwerwrux u tinħakmux mill-paniku u titilqu tiġru jew titkexkxu minħabba fihom,+ 4 għax Ġeħova Alla tagħkom qed jimmarċja magħkom biex jiġġieled għalikom kontra l-għedewwa tagħkom sabiex isalvakom.’+
5 “L-uffiċjali+ wkoll iridu jkellmu lin-nies u jgħidulhom, ‘Min hu r-raġel li bena dar ġdida u ma żanżanhiex? Ħa jmur lura lejn daru, li ma jmurx imut fil-battalja u jżanżanha raġel ieħor.+ 6 U min hu r-raġel li ħawwel għalqa dwieli u ma bediex jaħsad il-frott? Ħa jmur lura lejn daru, li ma jmurx imut fil-battalja u raġel ieħor jibda jaħsad il-frott.+ 7 U min hu r-raġel li tgħarras maʼ mara u ma ħadhiex? Ħa jmur lura lejn daru,+ li ma jmurx imut fil-battalja u jiħodha raġel ieħor.’ 8 U l-uffiċjali jridu jkomplu jkellmu lin-nies u jgħidulhom, ‘Min hu r-raġel li jibżaʼ u jaqtaʼ qalbu?+ Ħa jmur lura lejn daru, sabiex ma jdgħajjifx qlub ħutu bħalma għamel lil qalbu.’+ 9 U jrid iseħħ li meta l-uffiċjali jkunu spiċċaw ikellmu lin-nies, iridu jaħtru kapijiet taʼ l-armati biex imexxu l-poplu.
10 “Jekk toqrob lejn xi belt biex tiġġieled kontriha, ħabbrilha kundizzjonijiet taʼ sliem.+ 11 U jrid iseħħ li jekk twieġbek bis-sliem u tiftaħlek bwiebha, irid iseħħ ukoll li n-nies kollha li jinstabu fiha għandhom isiru tiegħek biex jagħmlu xogħol forzat, u jridu jaqdu lilek.+ 12 Imma jekk ma tagħmilx paċi miegħek,+ u, fil-fatt, tagħmillek gwerra u jkollok tassedjaha, 13 Ġeħova Alla tiegħek żgur li jagħtihielek f’idek, u trid tidrob lil kull raġel fiha b’xifer is-sejf.+ 14 Huma biss in-nisa u t-tfal żgħar+ u l-annimali domestiċi+ u kulma jkun hemm fil-belt, il-priża kollha tagħha, li għandek tieħu għalik;+ u trid tiekol il-priża taʼ l-għedewwa tiegħek, li tak Ġeħova Alla tiegħek.+
15 “Hekk tagħmlilhom il-bliet kollha li huma ’l bogħod ferm minnek u li m’humiex mill-bliet taʼ dawn il-ġnus. 16 Huwa biss mill-bliet taʼ dawn il-popli, li Ġeħova Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt, li m’għandek tħalli ħaj lil ebda ħaġa li tieħu n-nifs,+ 17 għaliex żgur li għandek teqridhom,* il-Ħittin, l-Amurrin, il-Kangħanin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin,+ sewwasew bħalma kkmandak Ġeħova Alla tiegħek; 18 sabiex ma jgħallmukomx tagħmlu skond l-affarijiet mistkerrhin kollha tagħhom, li huma għamlu lill-allat tagħhom, u tidinbu kontra Ġeħova Alla tagħkom.+
19 “Jekk tassedja belt għal ħafna jiem billi tiġġieled kontriha sabiex tiħodha taħt idejk, teqridx is-siġar tagħha billi tagħti bil-mannara fuqhom; għax għandek tiekol minnhom, u tqaċċathomx,+ għax hija s-siġra tar-rabaʼ xi bniedem biex tiġi assedjata minnek? 20 Hija biss xi siġra li taf li mhix siġra li tiekol minnha, lilha għandek teqred, u trid tqaċċatha u tibni strutturi taʼ l-assedju+ kontra l-belt li qed tagħmillek gwerra, sakemm taqaʼ.