Rumani
7 Jistaʼ jkun li ma tafux, ħuti, (għax jien qed nitkellem maʼ dawk li jafu l-liġi,) li l-Liġi tiddomina bniedem sakemm idum ħaj?+ 2 Per eżempju, mara miżżewġa hi marbuta bil-liġi maʼ żewġha sakemm idum ħaj; imma jekk imut żewġha, tinħeles mil-liġi taʼ żewġha.+ 3 Għalhekk, mela, waqt li żewġha jkun ħaj, tissejjaħ adultera jekk issir taʼ raġel ieħor.+ Iżda jekk imut żewġha, hi ħielsa mil-liġi tiegħu, u b’hekk ma tkunx adultera jekk issir taʼ raġel ieħor.+
4 Għaldaqstant, ħuti, intom ukoll sirtu mejtin għal-Liġi+ permezz tal-ġisem tal-Kristu sabiex issiru taʼ ħaddieħor,+ taʼ dak li ġie mqajjem mill-imwiet,+ biex nagħmlu l-frott+ għal Alla. 5 Għax meta konna f’armonija mal-laħam,+ il-passjonijiet midinbin li nkixfu mil-Liġi kienu qed jaħdmu fil-membri taʼ ġisimna biex b’hekk nipproduċu frott għall-mewt.+ 6 Imma issa nħlisna mil-Liġi,+ għax mitna+ għal dak li bih konna qed niġu miżmumin sod, biex inkunu lsiera+ f’sens ġdid bl-ispirtu,+ u mhux fis-sens il-qadim bil-liġi miktuba.+
7 Allura, x’ngħidu? Hi l-Liġi dnub?+ Jalla qatt ma jiġri dan! Tassew, jien ma kontx inkun naf x’inhu dnub+ kieku ma kienx għal-Liġi; per eżempju, ma kontx inkun naf x’inhi xenqa b’għira+ kieku l-Liġi ma qalitx: “Tixxennaqx b’għira.”+ 8 Imma d-dnub, imħajjar mill-kmandament,+ ipproduċa fija kull xorta taʼ xenqa b’għira, għax mingħajr il-liġi d-dnub kien mejjet.+ 9 Fil-fatt, jien darba kont ħaj mingħajr il-liġi;+ imma meta wasal+ il-kmandament, id-dnub reġaʼ ħa l-ħajja, imma jien mitt.+ 10 U l-kmandament li kien għall-ħajja,+ sibtu li hu għall-mewt.+ 11 Għax id-dnub, imħajjar mill-kmandament, qarraq+ bija u qatilni permezz tiegħu. 12 Għaldaqstant, min-naħa tagħha, il-Liġi hi qaddisa,+ u l-kmandament hu qaddis, ġust,+ u tajjeb.+
13 Allura, dak li hu tajjeb sar mewt għalija? Jalla qatt ma jkun dan! Imma d-dnub iva, sabiex jintwera li hu d-dnub li qed jipproduċili l-mewt permezz taʼ dak li hu tajjeb;+ biex id-dnub isir ferm iktar ħażin permezz tal-kmandament.+ 14 Aħna nafu li l-Liġi hi spiritwali;+ imma jien tal-laħam, mibjugħ lid-dnub.+ 15 Għax ma nafx x’qed nagħmel. Għax ma nipprattikax dak li nixtieq; imma nagħmel dak li nobgħod. 16 Madankollu, jekk nagħmel+ dak li ma nixtieqx, naqbel li l-Liġi hi tajba.+ 17 Imma issa m’huwiex iktar jien li qed nagħmel dan, imma d-dnub li jgħammar fija.+ 18 Għax naf li fija, jiġifieri, f’laħmi, ma jgħammar xejn tajjeb;+ għax fija għandi abbiltà biex nixtieq,+ imma abbiltà biex nagħmel+ dak li hu tajjeb m’għandix. 19 Għax ma nagħmilx+ it-tajjeb li nixtieq, imma nipprattika l-ħażin li ma nixtieqx. 20 Issa, jekk nagħmel dak li ma nixtieqx, m’huwiex iktar jien li qed nagħmel dan, imma d-dnub li qed jgħammar fija.+
21 Allura, fil-każ tiegħi nsib din il-liġi: li meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa,+ dak li hu ħażin ikolli fija.+ 22 Jien tassew nitgħaxxaq+ bil-liġi t’Alla skond il-bniedem+ li jien minn ġewwa, 23 imma fil-membri taʼ ġismi+ nara liġi oħra tiġġieled+ kontra l-liġi taʼ moħħi+ u tjassarni għal-liġi tad-dnub+ li hemm fil-membri taʼ ġismi. 24 Bniedem miżerabbli li jien! Min jeħlisni mill-ġisem li qed iġarrab din il-mewt?+ 25 Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna!+ Għalhekk, mela, b’moħħi jien ilsir tal-liġi t’Alla,+ imma b’laħmi lsir tal-liġi tad-dnub.+