Ġożwè
6 Issa Ġeriko kienet magħluqa sew minħabba wlied Israel, u ħadd ma kien joħroġ u ħadd ma kien jidħol.+
2 U Ġeħova kompla jgħid lil Ġożwè: “Ara, jien tajt lil Ġeriko u s-sultan tagħha, l-irġiel setgħanin u qalbenin, f’idejk.+ 3 U intom l-irġiel kollha tal-gwerra tridu timmarċjaw madwar il-belt, billi dduru darba mal-belt. Hekk għandkom tagħmlu għal sitt ijiem. 4 U sebaʼ qassisin għandhom iġorru sebat iqrun taʼ l-imtaten, quddiem l-Arka, u fis-sebaʼ jum għandkom timmarċjaw madwar il-belt sebaʼ darbiet u l-qassisin għandhom idoqqu l-qarn.+ 5 U jrid iseħħ li meta jsemmgħu l-qarn tal-muntun, meta intom tisimgħu l-ħoss tal-qarn, is-suldati kollha jridu jgħajtu għajta kbira tal-gwerra;+ u s-sur tal-belt jaqaʼ ċatt maʼ l-art,+ u s-suldati jridu jitilgħu, kull wieħed dritt ’il quddiem.”
6 Għaldaqstant, Ġożwè bin Nun sejjaħ lill-qassisin+ u qalilhom: “Erfgħu l-arka tal-patt,+ u sebaʼ qassisin għandhom iġorru sebat iqrun taʼ l-imtaten quddiem l-arka+ taʼ Ġeħova.” 7 U kompla jgħid lis-suldati: “Ibqgħu għaddejjin u mmarċjaw madwar il-belt, u l-forza armata għall-gwerra+ għandha tgħaddi quddiem l-arka taʼ Ġeħova.” 8 Għalhekk, ġara eżatt bħalma Ġożwè qal lis-suldati; u sebaʼ qassisin li kienu qed iġorru sebat iqrun taʼ l-imtaten quddiem Ġeħova baqgħu għaddejjin idoqqu l-qarn, u l-arka tal-patt taʼ Ġeħova kienet miexja warajhom. 9 U l-forza armata għall-gwerra mxiet quddiem il-qassisin li kienu qed idoqqu l-qarn, waqt li l-għassa li timxi wara+ kienet qed issegwi l-Arka mad-daqq kontinwu tal-qarn.
10 Issa Ġożwè kien ikkmanda lis-suldati:+ “La tridu tgħajtu u lanqas issemmgħu leħinkom, u ebda kelma m’għandha toħroġ minn fommkom sa dakinhar li ngħidilkom, ‘Għajtu!’ Imbagħad tridu tgħajtu.”+ 11 U hu ħa ħsieb li l-arka taʼ Ġeħova timmarċja madwar il-belt, billi ddur darba magħha, u wara dan marru lejn il-kamp u għaddew il-lejl fil-kamp.
12 Imbagħad Ġożwè qam kmieni fil-għodu,+ u l-qassisin refgħu l-arka+ taʼ Ġeħova, 13 u sebaʼ qassisin li kienu qed iġorru sebat iqrun taʼ l-imtaten quddiem l-arka taʼ Ġeħova mxew, waqt li baqgħu jdoqqu l-qarn il-ħin kollu, u l-forza armata għall-gwerra mxiet quddiemhom, waqt li l-għassa li timxi wara segwiet l-arka taʼ Ġeħova mad-daqq kontinwu tal-qarn.+ 14 U fit-tieni jum immarċjaw madwar il-belt darba, u wara dan reġgħu lura lejn il-kamp. Hekk għamlu għal sitt ijiem.+
15 U ġara li fis-sebaʼ jum qamu kmieni, malli żernaq, u marru jimmarċjaw madwar il-belt b’dan il-mod sebaʼ darbiet. Dakinhar biss immarċjaw madwar il-belt sebaʼ darbiet.+ 16 U ġara li mas-sebaʼ darba l-qassisin daqqew il-qarn, u Ġożwè qal lis-suldati: “Għajtu;+ għax Ġeħova takom il-belt.+ 17 U l-belt trid issir ħaġa dedikata għall-qerda;*+ din b’kull ħaġa li hemm fiha hi taʼ Ġeħova. Raħab+ il-prostituta biss tistaʼ tibqaʼ ħajja, hi u dawk kollha li qegħdin magħha fid-dar, għax ħbiet lill-messaġġiera li bgħatna.+ 18 U min-naħa tagħkom, żommu ’l bogħod mill-ħaġa dedikata għall-qerda,+ li ma tmurx tiġikom xewqa+ u tieħdu ftit mill-ħaġa dedikata għall-qerda+ u fil-fatt tagħmlu l-kamp taʼ Israel ħaġa dedikata għall-qerda u ġġegħluh ikun imwarrab.+ 19 Imma l-fidda u d-deheb kollu u l-oġġetti tar-ram aħmar u tal-ħadid huma xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova.+ Għandhom imorru fit-teżor taʼ Ġeħova.”+
20 Imbagħad is-suldati bdew jgħajtu, meta daqqew il-qarn.+ U malli s-suldati semgħu l-ħoss tal-qarn u s-suldati bdew jgħajtu għajta kbira tal-gwerra, imbagħad is-sur waqaʼ ċatt maʼ l-art.+ Wara dan, is-suldati telgħu lejn il-belt, kull wieħed dritt ’il quddiem, u ħadu l-belt f’idejhom. 21 U kulma kien hemm fil-belt, minn raġel sa mara, minn żagħżugħ sa xiħ u sa barri u nagħġa u ħmar, iddedikawh għall-qerda b’xifer is-sejf.+
22 U liż-żewġt irġiel li kienu għamluha taʼ spiji fl-art, Ġożwè qalilhom: “Morru fid-dar tal-mara, il-prostituta, u oħorġu minn hemmhekk lill-mara u lil dawk kollha li huma tagħha, sewwasew bħalma ħliftulha.”+ 23 Għalhekk, l-irġiel żgħażagħ li kienu għamluha taʼ spiji daħlu u ħarġu lil Raħab u lil missierha u lil ommha u lil ħutha u lil dawk kollha li kienu tagħha, iva, lil tal-familja tagħha kollha;+ u ħallewhom barra l-kamp taʼ Israel.
24 U ħarqu l-belt bin-nar u kulma kien hemm fiha.+ Biss il-fidda u d-deheb u l-oġġetti tar-ram aħmar u tal-ħadid huma tawhom lit-teżor tad-dar taʼ Ġeħova.+ 25 U lil Raħab il-prostituta u lin-nies taʼ dar missierha u lil dawk kollha li kienu tagħha, Ġożwè ħalliehom ħajjin;+ u hi għadha tgħammar f’nofs Israel sa llum,+ għax ħbiet lill-messaġġiera li Ġożwè kien bagħat bħala spiji f’Ġeriko.+
26 Imbagħad Ġożwè lissen ħalfa f’dak iż-żmien partikulari, billi qal: “Misħut ikun quddiem Ġeħova r-raġel li jqum u jibni din il-belt, iva, lil Ġeriko. Hu jqiegħed il-pedament tagħha bit-telfa taʼ l-ewwel imwieled tiegħu, u jwaqqfilha l-bibien bit-telfa taʼ l-iżgħar wieħed minn uliedu.”+
27 Għalhekk, Ġeħova wera li kien maʼ Ġożwè,+ u l-fama tiegħu xterdet maʼ l-art kollha.+