Ġożwè
5 U ġara li malli s-slaten kollha taʼ l-Amurrin,+ li kienu fuq in-naħa tal-Ġordan lejn il-punent, u s-slaten kollha tal-Kangħanin,+ li kienu ħdejn il-baħar, semgħu li Ġeħova kien nixxef l-ilmijiet tal-Ġordan minn quddiem ulied Israel sakemm kienu qasmu, imbagħad qlubhom bdew idubu,+ u ma kien baqgħalhom ebda spirtu fihom minħabba wlied Israel.+
2 F’dak iż-żmien partikulari Ġeħova qal lil Ġożwè: “Agħmel skieken taż-żnied u erġaʼ agħmel iċ-ċirkonċiżjoni+ lil ulied Israel, it-tieni darba.” 3 Fi qbil maʼ dan, Ġożwè għamel skieken taż-żnied u għamel iċ-ċirkonċiżjoni lil ulied Israel f’Gibegħat-għaralot.+ 4 U din kienet ir-raġuni għala Ġożwè għamel iċ-ċirkonċiżjoni: in-nies kollha li kienu ħarġu mill-Eġittu, l-irġiel, iva, l-irġiel kollha tal-gwerra, kienu mietu+ fix-xagħri fit-triq wara li ħarġu mill-Eġittu. 5 Għax in-nies kollha li ħarġu kienu ċirkonċiżi, imma dawk kollha li twieldu fix-xagħri fit-triq wara li ħarġu mill-Eġittu ma kinux għamlulhom iċ-ċirkonċiżjoni. 6 Għax ulied Israel kienu mxew erbgħin sena+ fix-xagħri, sakemm intemm il-ġens kollu taʼ l-irġiel tal-gwerra li ħarġu mill-Eġittu u li ma semgħux minn leħen Ġeħova. Lilhom Ġeħova kien ħalfilhom li qatt ma kien se jħallihom jaraw l-art+ li Ġeħova kien ħalef lil missirijiethom li se jagħtihielna,+ art li tnixxi ħalib u għasel.+ 7 U qajjem lil uliedhom minflokhom.+ Lil dawn Ġożwè għamlilhom iċ-ċirkonċiżjoni, għax ma kinux ċirkonċiżi, billi ma kinux għamlulhom iċ-ċirkonċiżjoni fit-triq.
8 U ġara li meta kienu lestew jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lill-ġens kollu, huma baqgħu bil-qiegħda f’posthom fil-kamp sakemm reġgħu ħadu r-ruħ.+
9 Imbagħad Ġeħova qal lil Ġożwè: “Illum jien neħħejt* it-tmaqdir taʼ l-Eġittu minn fuqkom.”+ Għalhekk, isem dak il-post beda jissejjaħ Gilgal*+ u għadu hekk sa llum.
10 U wlied Israel komplew jikkampjaw f’Gilgal, u għamlu l-Qbiż fl-erbatax-il jum tax-xahar,+ fil-għaxija, fuq il-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko. 11 U bdew jieklu ftit mill-prodott taʼ l-art l-għada tal-Qbiż, ħobż bla ħmira+ u qmuħ inkaljati, f’dan l-istess jum. 12 Imbagħad il-manna waqfet l-għada meta kienu kielu ftit mill-prodott taʼ l-art, u l-manna ma niżlitx iktar għal ulied Israel,+ u dik is-sena bdew jieklu ftit mill-prodott taʼ l-art taʼ Kangħan.+
13 U ġara li meta Ġożwè kien ħdejn Ġeriko, hu refaʼ għajnejh u lemaħ raġel+ wieqaf quddiemu b’sejfu mislut f’idu.+ Għalhekk, Ġożwè mexa għal ħdejh u qallu: “Int favur tagħna jew favur l-avversarji tagħna?” 14 Għal dan, hu qal: “Le, imma jien—bħala prinċep taʼ l-armata taʼ Ġeħova ġejt issa.”+ Għaldaqstant, Ġożwè niżel wiċċu fl-art u nxteħet għal tulu+ u qallu: “X’qiegħed jgħid sidi lill-qaddej tiegħu?” 15 Min-naħa tiegħu l-prinċep taʼ l-armata taʼ Ġeħova qal lil Ġożwè: “Neħħi s-sandli minn saqajk, għax il-post li wieqaf fuqu hu qaddis.” Minnufih Ġożwè għamel hekk.+