Eżodu
19 Fit-tielet xahar wara li wlied Israel ħarġu mill-art taʼ l-Eġittu,+ fl-istess jum, waslu fix-xagħri tas-Sinaj.+ 2 U telqu minn Refidim+ u waslu fix-xagħri tas-Sinaj u waqqfu l-kamp fix-xagħri;+ u Israel ikkampja hemmhekk quddiem il-muntanja.+
3 U Mosè telaʼ fuq il-muntanja biex jidher quddiem l-Alla l-veru, u Ġeħova sejjaħlu mill-muntanja,+ u qallu: “Dan għandek tgħid lil dar Ġakobb, lil ulied Israel, 4 ‘Intom infuskom rajtu x’għamiltilhom lill-Eġizzjani,+ sabiex inġorrkom fuq il-ġwienaħ taʼ l-ajkli u nġibkom għandi.+ 5 U issa jekk tassew tobdu kliemi+ u tħarsu l-patt tiegħi,+ imbagħad issiru l-proprjetà speċjali tiegħi mill-popli l-oħrajn kollha,+ għax l-art kollha hi tiegħi.+ 6 U ssiru għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.’+ Dan hu l-kliem li għandek tgħid lil ulied Israel.”
7 Għalhekk, Mosè ġie u sejjaħ lix-xjuħ+ tal-poplu u qiegħed quddiemhom dan il-kliem kollu li Ġeħova kien ikkmandah.+ 8 U n-nies kollha wieġbu b’fehma waħda u qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.”+ Mosè minnufih wassal kliem il-poplu għand Ġeħova.+ 9 Għal dan, Ġeħova qal lil Mosè: “Ara! Niġi għandek fi sħaba sewda,+ sabiex in-nies jisimgħu meta nkellmek,+ u biex dejjem ipoġġu l-fidi fik ukoll.”+ Imbagħad Mosè qal kliem il-poplu lil Ġeħova.
10 U Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: “Mur għand in-nies, u qaddishom illum u għada, u jridu jaħslu ħwejjiġhom.+ 11 U jridu jkunu lesti għat-tielet jum, għaliex fit-tielet jum Ġeħova jinżel fuq il-Muntanja Sinaj+ quddiem għajnejn in-nies kollha. 12 U trid tqiegħed limiti għan-nies mad-dawra kollha tal-muntanja, u tgħidilhom, ‘Oqogħdu attenti li ma titilgħux fuq il-muntanja, u tmissux it-tarf tagħha. Min imiss il-muntanja żgur li jingħata l-mewt.+ 13 Ebda id m’għandha tmiss lill-ħati, għaliex żgur li jiġi mħaġġar jew żgur li jiġi minfud. Kemm jekk bhima kif ukoll bniedem, ma jgħixx.’+ Malli jindaqq il-qarn tal-muntun+ ikunu jistgħu jersqu lejn il-muntanja.”
14 Imbagħad Mosè niżel minn fuq il-muntanja għal ħdejn in-nies, u beda jqaddes lin-nies; u dawn bdew jaħslu ħwejjiġhom.+ 15 Għaldaqstant, hu qal lin-nies: “Lestu ruħkom+ matul it-tlett ijiem. Intom l-irġiel tersqux lejn il-mara.”+
16 U fit-tielet jum meta sebaħ ġara li bdew ifaqqgħu r-ragħad u s-sajjetti,+ u fuq il-muntanja kien hemm sħaba ħoxna+ u ħoss qawwi ferm taʼ qarn,+ u b’hekk in-nies kollha li kienu fil-kamp bdew jirtogħdu.+ 17 Issa Mosè ħareġ lin-nies mill-kamp biex jiltaqgħu maʼ l-Alla l-veru, u huma waqfu f’riġlejn il-muntanja.+ 18 U l-Muntanja Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi,+ minħabba l-fatt li Ġeħova niżel fuqha fin-nar;+ u d-duħħan tagħha baqaʼ tielaʼ ’l fuq bħad-duħħan taʼ forn,*+ u l-muntanja kollha kienet qed titriegħed ferm.+ 19 Meta l-ħoss tal-qarn baqaʼ kontinwament jitqawwa, Mosè beda jitkellem, u l-Alla l-veru beda jwieġbu b’leħen ċar.+
20 Għalhekk, Ġeħova niżel fuq il-Muntanja Sinaj, fuq il-quċċata tal-muntanja. Imbagħad Ġeħova sejjaħ lil Mosè biex jitlaʼ fuq il-quċċata tal-muntanja, u Mosè telaʼ.+ 21 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Inżel, wissi lin-nies, biex ma jipprovawx jersqu lejn Ġeħova sabiex jaraw u ħafna minnhom ikollhom imutu.+ 22 U l-qassisin ukoll li regolarment jersqu qrib Ġeħova ħa jqaddsu lilhom infushom,+ biex Ġeħova ma jibgħatx ir-rabja tiegħu fuqhom.”+ 23 Għal dan, Mosè qal lil Ġeħova: “In-nies ma jistgħux jitilgħu fuq il-Muntanja Sinaj, għaliex int diġà wissejtna, u għedtilna, ‘Qiegħdu limiti għall-muntanja u qaddsuha.’”+ 24 Madankollu, Ġeħova qallu: “Mur, inżel, u itlaʼ, int u Aron miegħek; imma tħallix lill-qassisin u lin-nies jersqu biex jitilgħu ħdejn Ġeħova, sabiex ma jibgħatx ir-rabja tiegħu fuqhom.”+ 25 Għaldaqstant, Mosè niżel ħdejn in-nies u qalilhom.+