Mattew
9 U telaʼ fid-dgħajsa, qasam għan-naħa l-oħra, u mar f’beltu.+ 2 U, ara, ġabulu raġel paralizzat mixħut fuq sodda.+ X’ħin ra l-fidi tagħhom Ġesù qal lill-paralitiku: “Agħmel kuraġġ, ibni; dnubietek maħfurin.”+ 3 U, ara, xi wħud mill-iskribi qalu f’qalbhom: “Dan qed jidgħi.”+ 4 Ġesù għaraf x’kienu qed jaħsbu+ u qalilhom: “Għala qed taħsbu l-ħażin fi qlubkom?+ 5 Per eżempju, x’inhu l-eħfef, li tgħid, Dnubietek maħfurin, jew li tgħid, Qum u imxi?+ 6 Iżda sabiex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu awtorità fuq l-art li jaħfer id-dnubiet+—” imbagħad qal lill-paralitiku: “Qum, erfaʼ soddtok, u mur id-dar.”+ 7 U dan qam u telaq lejn daru. 8 Malli raw dan, il-folol inħakmu mill-biżaʼ, u gglorifikaw lil Alla,+ li ta din l-awtorità+ lill-bnedmin.
9 Imbagħad, waqt li kien għaddej minn hemmhekk, Ġesù lemaħ raġel li kien jismu Mattew bil-qiegħda fl-uffiċċju tat-taxxi, u qallu: “Kun segwaċi tiegħi.”+ Dak il-ħin stess qam u mar warajh.+ 10 Iktar tard, waqt li kien qiegħed id-dar+ mal-mejda, ara, ġew ħafna kolletturi tat-taxxi u midinbin u poġġew maʼ Ġesù u d-dixxipli tiegħu. 11 Imma malli raw dan, il-Fariżej bdew jgħidu lid-dixxipli tiegħu: “L-għalliem tagħkom għala jiekol mal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin?”+ 12 Peress li semagħhom, qal: “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib,+ imma l-morda iva. 13 Morru, mela, u tgħallmu xi jfisser dan, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.’+ Għax jien ma ġejtx insejjaħ lin-nies sewwa imma lill-midinbin.”
14 Imbagħad ġew għandu d-dixxipli taʼ Ġwanni u staqsewh: “Għala aħna u l-Fariżej insumu regolarment imma d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”+ 15 Għal dan, Ġesù qalilhom: “Il-ħbieb taʼ l-għarus m’għandhomx għalfejn jitnikktu dment li l-għarus+ ikun magħhom, hux hekk? Imma jiġi żmien meta l-għarus jittiħdilhom,+ u mbagħad isumu.+ 16 Ħadd ma jħit roqgħa drapp ġdid fuq libsa qadima; għax is-saħħa tar-roqgħa tiġbed il-libsa u t-tiċrita tikber.+ 17 Lanqas ma jqiegħdu nbid ġdid fi ġlud taʼ l-inbid qodma; għax jekk jagħmlu hekk, il-ġlud jinfaqgħu u l-inbid jinxtered u l-ġlud ma jibqgħux tajbin.+ Imma n-nies iqiegħdu nbid ġdid fi ġlud ġodda, u t-tnejn jibqgħu tajbin.”+
18 Waqt li kien qed jgħidilhom dawn l-affarijiet, ara, wieħed ħakkiem+ li kien resaq lejh miel quddiemu+ u qallu: “S’issa binti żgur mietet;+ imma ejja u qiegħed idek fuqha, u terġaʼ tieħu l-ħajja.”+
19 Imbagħad Ġesù qam u mar warajh; hekk għamlu wkoll id-dixxipli tiegħu. 20 U, ara, mara li kienet ilha tbati tnax-il sena bi tnixxija taʼ demm+ ġiet minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa;+ 21 għax hi bdiet tgħid f’qalbha: “Jekk imqar immisslu l-libsa, infiq.”+ 22 Ġesù dar u induna biha u qalilha: “Agħmel kuraġġ, binti; il-fidi tiegħek fejqitek.”+ U dak il-ħin stess il-mara fieqet.+
23 Issa, meta daħal fid-dar tal-ħakkiem+ u lemaħ lid-daqqaqa tal-flawt u l-folla f’konfużjoni sħiħa,+ 24 Ġesù qal: “Oħorġu, għax it-tifla mhix mejta imma rieqda.”+ Għal dan bdew jiddieħqu bih.+ 25 Malli l-folla ntbagħtet ’il barra, daħal u qabdilha idha,+ u t-tifla qamet.+ 26 Naturalment, l-aħbar dwar dan xterdet maʼ dak ir-reġjun kollu.
27 Hekk kif Ġesù kien għaddej minn hemmhekk, marru warajh żewġt irġiel għomja,+ jgħajtu u jgħidu: “Ikollok ħniena minna,+ Bin David.” 28 Wara li daħal id-dar, l-għomja ġew għandu, u Ġesù staqsiehom: “Għandkom fidi+ li jien nistaʼ nagħmel dan?” Huma wiġbuh, “Iva, Mulej.” 29 Imbagħad messilhom għajnejhom+ u qalilhom: “Ħa jsirilkom skond il-fidi tagħkom.” 30 U għajnejhom infetħu. Imbagħad Ġesù ordnalhom bis-sħiħ u qalilhom: “Araw li ħadd ma jsir jaf b’dan.”+ 31 Imma wara li ħarġu barra, xandruh f’dak ir-reġjun kollu.+
32 Issa, meta kienu se jitilqu, ara, in-nies ġabulu raġel mutu maħkum minn demonju;+ 33 u wara li tkeċċa d-demonju, il-mutu tkellem.+ U l-folol baqgħu mistagħġbin+ u qalu: “Qatt ma dehret ħaġa bħal din f’Israel.” 34 Imma l-Fariżej bdew jgħidu: “Dan ikeċċi d-demonji bis-saħħa tal-ħakkiem tad-demonji.”+
35 U Ġesù mar idur il-bliet u l-irħula kollha, jgħallem fis-sinagogi tagħhom u jippriedka l-aħbar tajba tas-saltna u jfejjaq kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa.+ 36 Malli ra l-folol tħassarhom,+ għax kienu maltrattati* u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.+ 37 Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Iva, il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit.+ 38 Għalhekk, itolbu bil-ħrara lil Sid il-ħsad biex jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu.”+