Dewteronomju
11 “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek+ u ħares l-obbligu li għandek lejh u l-istatuti tiegħu u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu+ u l-kmandamenti tiegħu dejjem. 2 U llum intom tafu tajjeb (għax mhux qed inkellem lil uliedkom li ma jafux u ma rawx id-dixxiplina taʼ Ġeħova+ Alla tagħkom, il-kobor tiegħu,+ l-id b’saħħitha tiegħu+ u driegħu maħruġ ’il barra,+ 3 lanqas ma raw is-sinjali u l-għemejjel tiegħu li għamel f’nofs l-Eġittu+ lill-Fargħun, is-sultan taʼ l-Eġittu, u lil artu kollha; 4 lanqas x’għamel lill-qawwiet militari taʼ l-Eġittu, liż-żwiemel u l-karrijiet tal-gwerra tiegħu li għal fuq wiċċhom qaleb l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar meta kienu qed jiġru warajkom,+ u Ġeħova qeridhom b’mod li ma rkuprawx minnu sa dan il-jum;+ 5 lanqas x’għamel lilkom fix-xagħri sakemm ġejtu f’dan il-post; 6 lanqas x’għamel lil Datan u lil Abiram,+ ulied Eljab, bin Ruben, meta l-art fetħet fommha u belgħet lilhom u lin-nies taʼ darhom u t-tined tagħhom u kull ħaġa ħajja li mxiet warajhom f’nofs Israel kollu);+ 7 għax rajtu b’għajnejkom l-għemejjel kbar kollha li għamel Ġeħova.+
8 “U ħarsu l-kmandamenti kollha+ li qed nikkmandakom illum, sabiex issiru b’saħħitkom u tidħlu u tieħdu f’idejkom l-art li qed taqsmu għaliha biex tiħduha f’idejkom,+ 9 u sabiex ittawlu jiemkom+ fuq l-art li Ġeħova ħalef lil missirijietkom li jagħtiha lilhom u lil nisilhom,+ art li tnixxi ħalib u għasel.+
10 “Għax l-art li sejjer fiha biex tiħodha f’idejk mhix bħall-art taʼ l-Eġittu li ħriġtu minnha, fejn kont tiżraʼ ż-żerriegħa u kellek issaqqiha b’sieqek,* bħal ġnien tal-ħxejjex. 11 Imma l-art li se taqsmu għaliha biex tiħduha f’idejkom hi art taʼ muntanji u pjanuri fil-widien.+ Tixrob l-ilma mix-xita tas-smewwiet; 12 art li qed jieħu ħsiebha Ġeħova Alla tiegħek. Għajnejn+ Ġeħova Alla tiegħek huma l-ħin kollu fuqha, mill-bidu tas-sena sat-tmiem tas-sena.
13 “U jrid iseħħ li jekk tassew tobdu l-kmandamenti tiegħi+ li qed nikkmandakom illum sabiex tħobbu lil Ġeħova Alla tagħkom u taqduh b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha,+ 14 jien ukoll żgur li nagħti x-xita lir-rabaʼ tagħkom fiż-żmien stabbilit tagħha,+ xita tal-ħarifa u xita tar-rebbiegħa,+ u int tiġbor il-qmuħ u l-inbid ħelu u ż-żejt tiegħek. 15 U jien innibbet il-ħaxix fir-rabaʼ tiegħek għall-annimali domestiċi tiegħek,+ u int tiekol u tixbaʼ.+ 16 Oqogħdu attenti għalikom infuskom li ma tmurx qalbkom titħajjar,+ u dduru u tqimu allat oħrajn u tmilu quddiemhom,+ 17 u r-rabja taʼ Ġeħova tixgħel kontrikom, u jagħlaq is-smewwiet sabiex ma jkun hemm ebda xita+ u l-art ma tagħtix il-prodott tagħha u jkollkom tgħibu bil-ħeffa minn fuq l-art tajba li Ġeħova qed jagħtikom.+
18 “U daħħlu dan il-kliem tiegħi f’qalbkom+ u f’ruħkom u orbtuh bħala sinjal fuq idkom, u jrid iservi bħala strixxa fuq ġbinkom bejn għajnejkom.+ 19 Għallmu lil uliedek, billi titkellem dwaru meta toqgħod bil-qiegħda f’darek u meta timxi fit-triq u meta timtedd u meta tqum.+ 20 U iktbu fuq il-koxox tal-bieb taʼ darek u fuq il-bibien taʼ beltek,+ 21 sabiex jiemkom u jiem uliedkom ikunu ħafna+ fuq l-art li Ġeħova ħalef li jagħtiha lil missirijietkom,+ sakemm is-smewwiet jibqgħu jeżistu ’l fuq mill-art.+
22 “Għax jekk tħarsu bir-reqqa dawn il-kmandamenti kollha+ li qed nikkmandakom sabiex tagħmluhom, biex tħobbu lil Ġeħova Alla tagħkom,+ biex timxu fit-triqat kollha tiegħu+ u tintrabtu sew miegħu,+ 23 Ġeħova jkeċċi lil dawn il-ġnus kollha minħabba fikom,+ u intom tieħdu l-proprjetà taʼ ġnus akbar u iktar numerużi minnkom.+ 24 Kull post li tirfsu fuqu b’qiegħ saqajkom isir tagħkom.+ Mix-xagħri sal-Libanu, mix-Xmara, ix-xmara Ewfrat, sal-baħar tal-punent tkun il-fruntiera tagħkom.+ 25 Ebda bniedem ma jiqfilkom.+ Ġeħova Alla tagħkom iqiegħed it-tkexkix u l-biżaʼ minnkom quddiem wiċċ l-art kollha+ li se tirfsu fuqha, sewwasew bħalma wegħedkom.
26 “Ara! Illum qed inpoġġi quddiemkom barka u saħta:+ 27 il-barka, bil-patt li tobdu l-kmandamenti taʼ Ġeħova Alla tagħkom+ li qed nikkmandakom illum; 28 u s-saħta,+ jekk ma tobdux il-kmandamenti taʼ Ġeħova Alla tagħkom+ u twarrbu mit-triq li dwarha qed nikkmandakom illum, sabiex timxu wara allat oħrajn li ma tafuhomx.
29 “U jrid iseħħ li meta Ġeħova Alla tiegħek idaħħlek fl-art li sejjer fiha biex tiħodha f’idejk,+ trid tlissen il-barka fuq il-Muntanja Geriżim+ u s-saħta fuq il-Muntanja Għebal.+ 30 M’humiex dawn fuq in-naħa tal-Ġordan lejn id-direzzjoni taʼ nżul ix-xemx, f’art il-Kangħanin li qed jgħammru fl-Għaraba,+ quddiem Gilgal,+ ħdejn is-siġar il-kbar taʼ More?+ 31 Għax intom se taqsmu l-Ġordan biex tidħlu u tieħdu f’idejkom l-art li qed jagħtikom Ġeħova Alla tagħkom, u tridu tiħduha f’idejkom u tgħammru fiha.+ 32 U qisu li twettqu r-regolamenti u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha+ li qed inpoġġi quddiemkom illum.+