1 Samwel
30 U ġara li, waqt li David u l-irġiel tiegħu kienu ġejjin lejn Siklag+ fit-tielet jum, l-Għamalekin+ għamlu attakk fuq in-nofsinhar u fuq Siklag; u ħabtu għal Siklag u ħarquha bin-nar, 2 u ġarrew fil-jasar lin-nisa+ u lil dawk kollha li kienu fiha, miż-żgħir sal-kbir. Lil ħadd ma taw il-mewt, imma ġarrewhom magħhom u baqgħu sejrin għal triqithom. 3 Meta David wasal il-belt maʼ l-irġiel tiegħu, din kienet maħruqa bin-nar, u n-nisa tagħhom u wliedhom subien u bniet kienu ttieħdu fil-jasar. 4 U David u n-nies li kienu miegħu bdew jgħollu leħinhom u jibku,+ sakemm ma felħux jibku iktar. 5 U ż-żewġ nisa taʼ David kienu ttieħdu fil-jasar, Aħinogħam,+ il-Ġeżragħelija, u Abigajl,+ mart Nabal il-Karmeli. 6 U dan kien taʼ niket kbir għal David,+ għaliex in-nies qalu li riedu jħaġġruh;+ għax ruħ in-nies kollha kienet mimlija mrar,+ kull wieħed minħabba wliedu subien u bniet. Għalhekk, David saħħaħ lilu nnifsu permezz taʼ Ġeħova Alla tiegħu.+
7 U David qal lil Abjatar,+ il-qassis, bin Aħimelek: “Jekk jogħġbok, ġib l-efod+ ħdejja.” U Abjatar ġab l-efod ħdejn David. 8 U David beda jistaqsi lil Ġeħova+ u jgħidlu: “Għandi niġri wara din il-qatgħa ħallelin? Nilħaqhom?” Wieġbu:+ “Mur iġri warajhom, għax żgur li tilħaqhom, u żgur li teħles lil kulħadd.”+
9 Fil-pront, David telaq, hu u s-sitt mitt raġel+ li kienu miegħu, u baqgħu sejrin saħansitra sal-wied* taʼ Besor, u l-irġiel li kellhom jibqgħu hemmhekk waqfu. 10 U David baqaʼ jiġri warajhom,+ hu u erbaʼ mitt raġel, imma mitejn raġel li kienu għajjenin wisq biex jaqsmu l-wied taʼ Besor+ waqfu.
11 U sabu raġel Eġizzjan+ fir-rabaʼ. Għalhekk, ħaduh għand David u tawh il-ħobż x’jiekol u tawh l-ilma x’jixrob. 12 U tawh ukoll biċċa minn ċappa tin pressat u żewġ ċapep żbib.+ Imbagħad kiel u reġaʼ ħa r-ruħ;+ għax ma kienx kiel ħobż jew xorob ilma għal tlett ijiem u tliet iljieli. 13 David issa qallu: “Taʼ min int, u minfejn int?” u dak wieġbu: “Jien qaddej Eġizzjan, ilsir taʼ raġel Għamaleki, imma sidi abbandunani għaliex imradt tlett ijiem ilu.+ 14 Aħna konna li għamilna attakk fuq in-nofsinhar tat-territorju tal-Keretin+ u fuq dak taʼ Ġuda u fuq in-nofsinhar tat-territorju taʼ Kaleb;+ u lil Siklag ħraqnieha bin-nar.” 15 U David staqsieh: “Tistaʼ twassalni ħdejn din il-qatgħa ħallelin?” Dak wieġbu: “Aħlifli+ b’Alla li ma toqtolnix, u li ma tagħtinix f’idejn sidi,+ u jien inwasslek ħdejn din il-qatgħa ħallelin.”
16 Għaldaqstant, hu wasslu,+ u, ara, kienu mxerrdin ’l hemm u ’l hawn fuq wiċċ dik l-art kollha jieklu u jixorbu u jagħmlu festa+ minħabba l-priża kbira kollha li kienu ħadu mill-art tal-Filistin u mill-art taʼ Ġuda.+ 17 U David ħabat għalihom mid-dlam taʼ fil-għodu sa fil-għaxija, sabiex jeqridhom;* u lanqas raġel wieħed minnhom ma ħelisha+ ħlief erbaʼ mitt żagħżugħ li rikbu fuq l-iġmla u ħarbu. 18 U David ħeles kulma kienu ħadu l-Għamalekin,+ u David ħeles liż-żewġ nisa tiegħu. 19 U xejn ma kien hemm nieqes minn tagħhom, miż-żgħir sal-kbir, mill-ulied subien u bniet u mill-priża, saħansitra minn kwalunkwe ħaġa li kienu ħadu għalihom stess.+ Kollox ħa lura David. 20 Għalhekk, David ħa l-baqar u n-nagħaġ kollha, li huma saqu quddiem il-bhejjem l-oħrajn. Imbagħad qalu: “Din hi l-priża taʼ David.”+
21 Sa fl-aħħar, David wasal ħdejn il-mitejn raġel+ li kienu għajjenin wisq biex imorru maʼ David, u li kienu ħallewhom bil-qiegħda ħdejn il-wied taʼ Besor; u ħarġu biex jiltaqgħu maʼ David u biex jiltaqgħu man-nies li kienu miegħu. Meta David qorob lejhom beda jistaqsihom kif kienu. 22 Madankollu, kull raġel ħażin li ma kien tajjeb għal xejn+ minn fost l-irġiel li kienu marru maʼ David wieġeb u baqaʼ jgħid: “Talli ma ġewx magħna, ma nagħtuhom xejn mill-priża li ħlisna, ħlief kull wieħed lil martu u lil uliedu, u jiħduhom u jitilqu.” 23 Imma David qalilhom: “Tagħmlux hekk, ħuti, b’dak li tana Ġeħova,+ għax hu ħarisna+ u tana f’idejna dik il-qatgħa ħallelin li ġew kontrina.+ 24 U min se jismaʼ minnkom f’ħaġa bħal din? Għax bħalma jkun is-sehem taʼ dak li niżel għall-battalja hekk ukoll ikun is-sehem taʼ dak li qagħad maʼ l-affarijiet.+ Ilkoll ikollhom sehem flimkien.”+ 25 U ġara li minn dakinhar ’il quddiem hu żamm dan stabbilit bħala regolament u deċiżjoni ġudizzjarja+ għal Israel sa dan il-jum.
26 Meta David wasal Siklag bagħat ftit mill-priża lix-xjuħ taʼ Ġuda, ħbiebu,+ u qalilhom: “Ara! Dan hu rigal+ bħala barka għalikom mill-priża taʼ l-għedewwa taʼ Ġeħova.” 27 Lil dawk li kienu f’Betel,+ lil dawk f’Ramot+ tan-nofsinhar, lil dawk f’Ġattir,+ 28 lil dawk f’Għarogħer, lil dawk f’Sifmot, lil dawk f’Estemogħa,+ 29 lil dawk f’Rakal, lil dawk fil-bliet tal-Ġeraħmelin,+ lil dawk fil-bliet tal-Kenin,+ 30 lil dawk f’Ħorma,+ lil dawk f’Borgħasan,+ lil dawk f’Għatak, 31 lil dawk f’Ħebron,+ u lill-postijiet kollha fejn kien mar David, hu u l-irġiel tiegħu.