Ġeremija
5 Morru duru mat-toroq taʼ Ġerusalemm u ħarsu, issa, u siru afu, u fittxu fil-pjazez tagħha biex taraw jekk tistgħux issibu raġel,+ jekk jeżistix xi ħadd li qed jagħmel il-ġustizzja,+ xi ħadd li qed ifittex il-fedeltà,+ u jien naħfrilha. 2 Anki jekk jgħidu: “Daqskemm Ġeħova hu ħaj!” huma b’hekk ikunu qed jaħilfu biss fil-falz.+
3 O Ġeħova, m’humiex għajnejk lejn il-fedeltà?+ Int drabthom,+ imma ma mardux.+ Int qridthom għalkollox.+ Huma rrifjutaw li jilqgħu d-dixxiplina.+ Wiċċhom webbsuh iktar minn blata.+ Ma ridux iduru lura.+ 4 Jien stess kont għedt: “Żgur li huma taʼ klassi baxxa. Aġixxew bi bluha, għax injoraw it-triq taʼ Ġeħova, il-ġustizzja t’Alla tagħhom.+ 5 Se mmur għand il-kbarat u nkellimhom;+ għax huma bla dubju taw kas triq Ġeħova, il-ġustizzja t’Alla tagħhom.+ Imma tabilħaqq, ilkoll kemm huma kissru l-madmad; qasmu l-irbit fi tnejn.”+
6 Huwa għalhekk li ħareġ iljun mill-foresta u attakkahom, li qed iħarbathom lupu mill-pjanuri tad-deżert,+ u li leopard qed jibqaʼ mqajjem ħdejn bliethom.+ Kulmin joħroġ minnhom jitqattaʼ bċejjeċ. Għax dnubiethom żdiedu, u kotru l-atti tagħhom taʼ infedeltà.+
7 Kif nistaʼ naħfirlek taʼ dan? Uliedek stess telquni, u jibqgħu jaħilfu+ b’dak li m’huwiex Alla.+ Jien bqajt nissodisfahom,+ imma huma komplew jagħmlu adulterju,+ u jmorru bil-gzuz lejn id-dar taʼ prostituta. 8 Saru żwiemel li għandhom fuqhom saħna sesswali, b’testikoli b’saħħithom. Kull wieħed minnhom jiżher għall-mara taʼ sieħbu.+
9 “M’għandix jien nitlob kont taʼ dawn l-affarijiet?” hija l-kelma taʼ Ġeħova.+ “Jew m’għandhiex ruħi titħallas minn ġens bħal dan?”+
10 “Itilgħu għar-ringieli tad-dwieli tagħha u agħmlu ħerba,+ imma teqirdux kollox.+ Ħudulha r-rimjiet li qed jikbru ħafna, għax dawn m’humiex taʼ Ġeħova.+ 11 Għax dar Israel u dar Ġuda bla dubju aġixxew miegħi bi tradiment,” hija l-kelma taʼ Ġeħova.+ 12 “Ċaħdu lil Ġeħova, u jibqgħu jgħidu, ‘Ma jeżistix.+ U m’hu ġej l-ebda gwaj fuqna, u m’aħna se naraw l-ebda sejf jew ġuħ.’+ 13 U l-profeti jsiru riħ, u l-kelma m’hijiex fihom.+ Hekk se jiġrilhom.”
14 Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ l-armati: “Minħabba li intom qed tgħidu din il-ħaġa, ara, kliemi nagħmlu nar f’fommok,+ u dan il-poplu jkun biċċiet taʼ l-injam, u jiblagħhom.”+
15 “Ara, se nġib fuqkom ġens mill-bogħod,+ O dar Israel,” hija l-kelma taʼ Ġeħova. “Huwa ġens li ilu ħafna.+ Ġens minn żmien il-qedem hu, ġens li l-lingwa tiegħu ma tafhiex, u dak li jgħidu ma tistax tifhmu meta tisimgħu. 16 Il-barżakka tal-vleġeġ tagħhom hija bħal qabar miftuħ; ilkoll huma rġiel setgħanin.+ 17 Barra minn hekk, huma se jiklulek il-ħsad u l-ħobż tiegħek.+ L-irġiel se jiklulek lil uliedek subien u bniet. Se jiklulek in-nagħaġ u l-baqar tiegħek. Jiklulek id-dielja u t-tina tiegħek.+ Bis-sejf se jfarrkulek il-bliet fortifikati li qed tafda fihom.”
18 “U lanqas f’dawk il-jiem,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “ma neqridkom għalkollox.+ 19 U jiġri li tgħidu, ‘Għala għamlilna dan kollu Ġeħova Alla tagħna?’+ U trid tgħidilhom, ‘Bħalma intom tlaqtuni u mortu taqdu alla barrani f’pajjiżkom, hekk intom se taqdu stranġieri f’pajjiż li m’huwiex tagħkom.’”+
20 Ħabbru dan f’dar Ġakobb, u xandruh f’Ġuda, u għidu: 21 “Issa, isimgħu dan, O nies bla għaqal u b’qalbkom belha,*+ li għandkom għajnejn imma ma tistgħux taraw+ u li għandkom widnejn imma ma tistgħux tisimgħu.+ 22 ‘Lanqas minni ma tibżgħu?’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. ‘Jew lanqas minħabba fija m’għandkom uġigħ kbir,+ jien li qegħedt ir-ramel bħala tarf għall-baħar, regolament dejjiemi* li ma jistax jaqbżu? Għalkemm il-mewġ tiegħu jintefaʼ ’l hemm u ’l hawn xorta ma jistax jegħlbu; u għalkemm jgħajjat, xorta ma jistax jaqbżu.+ 23 Imma dan il-poplu sar għandu qalbu iebsa u ribelluża; warrbuni u jibqgħu mexjin fi triqithom.+ 24 Imma ma qalux f’qalbhom: “Issa, ejjew nibżgħu minn Ġeħova Alla tagħna,+ Dak li qed jagħtina l-ħalbiet tax-xita u x-xita tal-ħarifa u x-xita tar-rebbiegħa fl-istaġun tagħha,+ Dak li jħarsilna l-ġimgħat stabbiliti għall-ħsad.”+ 25 L-iżbalji tagħkom warrbu dawn l-affarijiet, u dnubietkom ċaħħdukom minn dak li hu tajjeb.+
26 “‘Għax fost il-poplu tiegħi nstabu rġiel mill-agħar.+ Dejjem jgħarrxu, bħal meta n-nassaba jinżlu kokka.+ Ħejjew nassa qerrieda u jaqbdu n-nies fiha. 27 Bħalma gaġġa tkun mimlija bit-tjur, hekk djarhom mimlijin bil-qerq.+ Huwa għalhekk li kibru u jiksbu ħafna rikkezzi.+ 28 Huma ħxienu,+ u saru jleqqu. Faru wkoll b’affarijiet ħżiena. Sabiex jirnexxu,+ huma ma ddefendew ebda kawża legali,+ lanqas il-kawża legali tat-tifel bla missier;+ u dwar il-ġudizzju tal-foqra m’għamlu xejn.’”
29 “M’għandix jien nitlob kont taʼ dawn l-affarijiet?” hija l-kelma taʼ Ġeħova. “Jew m’għandhiex ruħi titħallas minn ġens bħal dan?”+ 30 Sitwazzjoni taʼ l-istagħġib, iva, ħaġa li tkexkex, hemm fil-pajjiż:+ 31 Il-profeti qed jipprofetizzaw bil-qerq;+ u l-qassisin qed jiddominaw bil-poter li għandhom.+ U l-poplu tiegħi kien kuntent b’dan;+ u intom x’se tagħmlu meta jasal it-tmiem?”+