Levitiku
11 U Ġeħova kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: 2 “Kellmu lil ulied Israel u għidulhom, ‘Dawn huma l-ħlejjaq ħajjin li tistgħu tieklu+ mill-bhejjem kollha li qegħdin fuq l-art: 3 Kull ħliqa li għandha d-difer mifruq fi tnejn u li tixtarr fost il-bhejjem, tistgħu tikluha.+
4 “‘Dawn biss m’għandkomx tieklu fost il-bhejjem li jixtarru u li għandhom id-difer mifruq: il-ġemel, għaliex jixtarr imma m’għandux id-difer mifruq. M’huwiex nadif għalikom.+ 5 Il-fenek tax-xagħri+ wkoll, għaliex jixtarr imma m’għandux id-difer mifruq. M’huwiex nadif għalikom. 6 Il-liebru+ wkoll, għaliex jixtarr imma m’għandux id-difer mifruq. M’huwiex nadif għalikom. 7 Il-ħanżir+ ukoll, għaliex għandu d-difer mifruq fi tnejn, imma ma jixtarrx. M’huwiex nadif għalikom. 8 Tieklu ebda laħam tagħhom, u tmissux il-ġisem mejjet tagħhom.+ M’humiex nodfa għalikom.+
9 “‘Dawn tistgħu tieklu minn kulma hemm fl-ilmijiet:+ Kulma għandu l-ġwienaħ u l-qxur+ fl-ilmijiet, fl-ibħra, u fix-xmajjar tistgħu tikluh. 10 U kulma hemm fl-ibħra u fix-xmajjar li m’għandux ġwienaħ u qxur, minn kull ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ fl-ilmijiet u minn kull ruħ ħajja li hemm fl-ilmijiet, ikun xi ħaġa moqżieża għalikom. 11 Iva, dawn isiru xi ħaġa moqżieża għalikom. Tieklu ebda laħam tagħhom,+ u tridu titqażżuh il-ġisem mejjet tagħhom. 12 Kulma hemm fl-ilmijiet li m’għandux ġwienaħ u qxur ikun xi ħaġa moqżieża għalikom.
13 “‘U dawn għandkom titqażżu fost il-ħlejjaq li jtiru.+ M’għandhomx jittieklu. Ikunu xi ħaġa moqżieża: l-ajkla,+ l-arpa, l-avultun iswed, 14 l-astun aħmar, u l-astun iswed+ skond ġensu, 15 u kull ċawlun+ skond ġensu, 16 u n-nagħma,+ il-kokka, il-gawwija, u l-falkun skond ġensu, 17 u l-kokka żgħira, il-margun, il-kokka tal-qrun,+ 18 iċ-ċinju, il-pellikan, l-avultun,+ 19 iċ-ċikonja, u r-russett skond ġensu, u d-daqquqa tat-toppu u l-farfett il-lejl.+ 20 Kull ħliqa bil-ġwienaħ li tgħix fi qtajjaʼ u li timxi fuq erbaʼ saqajn tkun xi ħaġa moqżieża għalikom.+
21 “‘Dan biss tistgħu tieklu mill-ħlejjaq kollha bil-ġwienaħ li jgħixu fi qtajjaʼ u li jimxu fuq erbaʼ saqajn, dawk li ’l fuq minn saqajhom għandhom riġlejn biex jaqbżu bihom fuq l-art. 22 Dawn huma dawk li tistgħu tieklu minnhom: il-ġurat li jpassi+ skond ġensu, il-ġurat li jittiekel+ skond ġensu, il-grillu skond ġensu, u l-ġurat li jaqbeż+ skond ġensu. 23 U kull ħliqa oħra bil-ġwienaħ li tgħix fi qtajjaʼ u li għandha erbaʼ saqajn tkun xi ħaġa moqżieża+ għalikom. 24 Għalhekk, b’dawn ma tibqgħux nodfa. Kulmin imiss l-iġsma mejtin tagħhom ma jkunx nadif sa fil-għaxija.+ 25 U kulmin iġorr xi wieħed mill-iġsma mejtin tagħhom irid jaħsel+ ħwejġu, u ma jkunx nadif sa fil-għaxija.
26 “‘Inkwantu għal kwalunkwe bhima li għandha d-difer mifruq imma m’huwiex mifruq fi tnejn u ma tixtarrx, din ma tkunx nadifa għalikom. Kulmin imisshom ma jkunx nadif.+ 27 U kull ħliqa li timxi fuq qiegħ saqajha fost il-ħlejjaq ħajjin kollha li jimxu fuq erbaʼ saqajn, ma tkunx nadifa għalikom. Kulmin imiss l-iġsma mejtin tagħhom ma jkunx nadif sa fil-għaxija. 28 U min iġorr l-iġsma mejtin+ tagħhom irid jaħsel ħwejġu,+ u ma jkunx nadif sa fil-għaxija. M’humiex nodfa għalikom.
29 “‘U dan hu li mhux nadif għalikom fost il-ħlejjaq li jgħixu fi qtajjaʼ u li l-art hi miżgħuda bihom:+ it-talpa, il-ġurdien tad-deżert,+ u l-gremxula skond ġensha, 30 u l-wiżgħa, il-gremxula kbira, il-gremxula taʼ l-ilma, ix-xaħmet l-art, u l-kamaleont. 31 Dawn m’humiex nodfa għalikom fost il-ħlejjaq kollha li jgħixu fi qtajjaʼ.+ Kulmin imisshom meta jkunu mejtin ma jkunx nadif sa fil-għaxija.+
32 “‘Issa kwalunkwe ħaġa li fuqha taqaʼ xi waħda minnhom li tkun mejta ma tkunx nadifa, sew jekk tkun reċipjent taʼ l-injam,+ sew jekk libsa, sew jekk ġilda,+ u sew jekk drapp taʼ l-ixkora.+ Kwalunkwe reċipjent li jsir xi użu minnu jitqiegħed fl-ilma, u ma jkunx nadif sa fil-għaxija u mbagħad ikun nadif. 33 Inkwantu għal xi reċipjent tal-fuħħar+ li taqaʼ fih xi waħda minnhom, kulma jkun hemm fih ma jkunx nadif, u għandek tfarrku.+ 34 Kull tip taʼ ikel li jistaʼ jittiekel u li jiġi fuqu l-ilma minn reċipjent bħal dan ma jkunx nadif, u kull xarba li tinxtorob fi kwalunkwe reċipjent ma tkunx nadifa. 35 U kulma jaqaʼ fuqu xi wieħed mill-iġsma mejtin tagħhom ma jkunx nadif. Sew jekk ikun forn u sew jekk ikun bażi taʼ xi ġarra, għandu jitkisser. M’humiex nodfa, u ma jibqgħux nodfa għalikom. 36 Nixxiegħa u bir bl-ilma maħżun biss jibqgħu nodfa, imma kulmin imiss l-iġsma mejtin ma jkunx nadif. 37 U jekk xi wieħed mill-iġsma mejtin tagħhom jaqaʼ fuq xi żerriegħa taʼ xitla li trid tinżeraʼ, din tkun nadifa. 38 Imma jekk jintefaʼ l-ilma fuq iż-żerriegħa u xi ħaġa mill-iġsma mejtin tagħhom taqaʼ fuqha, ma tkunx nadifa għalikom.
39 “‘Issa jekk tmutilkom xi bhima li tistgħu tikluha, min imiss il-ġisem mejjet tagħha ma jkunx nadif sa fil-għaxija.+ 40 U min jiekol+ xi parti mill-ġisem mejjet tagħha jrid jaħsel ħwejġu, u ma jkunx nadif sa fil-għaxija; u min iġorr il-ġisem mejjet tagħha jrid jaħsel ħwejġu, u ma jkunx nadif sa fil-għaxija. 41 U kull ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ u li l-art hi miżgħuda biha tkun xi ħaġa moqżieża.+ Tikluhiex. 42 Inkwantu għal xi ħliqa li titkaxkar fuq żaqqha+ u xi ħliqa li timxi fuq erbaʼ saqajn jew fuq għadd kbir taʼ saqajn mill-ħlejjaq kollha li jgħixu fi qtajjaʼ u li l-art hi miżgħuda bihom, tikluhomx, għaliex huma xi ħaġa moqżieża.+ 43 Tħallux lil ruħkom issir moqżieża b’xi ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ u li tiżdied bil-kotra, u tħallux lilkom infuskom issiru mhux nodfa bihom u fil-fatt tkunu mhux nodfa bihom.+ 44 Għax jien Ġeħova Alla tagħkom;+ u tridu tqaddsu lilkom infuskom u tkunu qaddisin,+ għax jien qaddis.+ Għalhekk, tħallux lil ruħkom issir mhix nadifa b’xi ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ u li titħarrek fuq l-art. 45 Għax jien Ġeħova li qed intellagħkom mill-art taʼ l-Eġittu biex nurikom li jien Alla;+ u intom tridu tkunu qaddisin,+ għaliex jien qaddis.+
46 “‘Din hi l-liġi dwar il-bhima u l-ħliqa li ttir u kull ruħ ħajja li titħarrek fl-ilmijiet+ u dwar kull ruħ li l-art hi miżgħuda biha, 47 sabiex tagħmlu distinzjoni+ bejn dak li mhux nadif u dak nadif u bejn il-ħliqa ħajja li tistaʼ tittiekel u l-ħliqa ħajja li ma tistax tittiekel.’”