Eżodu
1 Issa dawn huma l-ismijiet* taʼ wlied Israel li ġew l-Eġittu maʼ Ġakobb; ġie kull raġel bin-nies taʼ daru:+ 2 Ruben,+ Simegħon,+ Levi,+ u Ġuda,+ 3 Issakar,+ Żebulun,+ u Benjamin,+ 4 Dan+ u Naftali,+ Gad+ u Aser.+ 5 U l-erwieħ kollha li tnisslu minn* Ġakobb+ kienu sebgħin ruħ, imma Ġużeppi kien diġà l-Eġittu.+ 6 Maż-żmien, Ġużeppi miet,+ kif ukoll ħutu kollha u dik il-ġenerazzjoni kollha. 7 U wlied Israel nisslu u bdew jiżdiedu; u komplew joktru u jsiru iktar setgħanin b’rata tassew straordinarja, u b’hekk il-pajjiż imtela bihom.+
8 Għadda ż-żmien u fl-Eġittu laħaq sultan ġdid li ma kienx jafu lil Ġużeppi.+ 9 U qal lill-poplu tiegħu: “Ara! In-nies taʼ wlied Israel huma iktar fl-għadd u iktar setgħanin minna.+ 10 Ejjew inħaddmu rasna u naraw kif nittrattawhom,+ li ma jmorrux joktru, u jiġri li, jekk nidħlu f’xi gwerra, imbagħad huma jingħaqdu wkoll maʼ dawk li jobogħduna u jiġġieldu kontrina u jitilqu mill-pajjiż.”
11 Għalhekk, huma qiegħdu fuqhom kapijiet tax-xogħol forzat biex jgħakksuhom b’tagħbija tqila taʼ xogħol;+ u bnew bliet bħala mħażen għall-Fargħun, jiġifieri, Pitom u Ragħmses.+ 12 Imma iktar ma kienu jgħakksuhom, iktar kienu joktru u iktar kienu jinfirxu maʼ kullimkien, u b’hekk bdew jibżgħu ħafna minħabba wlied Israel u stmerrewhom.+ 13 Għaldaqstant, l-Eġizzjani jassru b’tirannija lil ulied Israel.+ 14 U baqgħu jagħmlulhom ħajjithom kollha mrar b’jasar iebes fix-xogħol tat-tajn magħmul mit-tafal+ u tal-madum* u b’kull tip taʼ jasar fir-rabaʼ,+ iva, kull tip taʼ jasar li fih użawhom b’tirannija bħala lsiera.+
15 Iktar tard is-sultan taʼ l-Eġittu qal lill-majjistri Ebrej,+ li waħda minnhom kien jisimha Sifra u l-oħra kien jisimha Puwa, 16 iva, wasal biex qalilhom: “Meta tgħinu lin-nisa Ebrej biex jildu u tarawhom fuq is-siġġu tal-ħlas, jekk ikun tifel, oqtluh; imma jekk tkun tifla, ħalluha ħajja.” 17 Madankollu, il-majjistri kellhom il-biżaʼ taʼ l-Alla l-veru,+ u m’għamlux kif kien qalilhom is-sultan taʼ l-Eġittu,+ imma kienu jħallu lit-tfal subien ħajjin.+ 18 Għalhekk, is-sultan taʼ l-Eġittu sejjaħ lill-majjistri u qalilhom: “Għala għamiltu dan u ħallejtu lit-tfal subien ħajjin?”+ 19 U l-majjistri wieġbu lill-Fargħun: “Għax in-nisa Ebrej m’humiex bħan-nisa Eġizzjani. Peress li huma b’saħħithom ikunu diġà wildu qabel ma l-majjistra tidħol ħdejhom.”
20 Għalhekk, Alla ttrattahom tajjeb lill-majjistri;+ u n-nies baqgħu jiżdiedu fl-għadd u jsiru setgħanin ferm. 21 U ġara li, minħabba li l-majjistri kienu beżgħu mill-Alla l-veru, iktar ’il quddiem tahom li jkollhom il-familji.+ 22 Fl-aħħar, il-Fargħun ordna lin-nies kollha tiegħu, u qalilhom: “Kull tifel li jitwieled, itfgħuh fix-xmara Nil, imma kull tifla ħalluha ħajja.”+