Nisa li Ferrħu Qalb Jehovah
“Il-Mulej iħallsek taʼ għemilek. Ħlasek ikun sħiħ mingħand il-Mulej.”—RUT 2:12.
1, 2. Kif nistgħu nibbenefikaw jekk nirriflettu fuq eżempji Bibliċi taʼ nisa li ferrħu qalb Jehovah?
IL-BIŻAʼ t’Alla qanqal lil żewġ nisa biex jisfidaw Fargħun. Il-fidi qanqlet lil mara żienja biex tissogra ħajjitha sabiex tipproteġi żewġ spiji Iżraelin. L-għaqal u l-umiltà waqt kriżi għenu lil waħda mara ssalva l-ħajjiet taʼ ħafna u twaqqaf lill-midluk taʼ Jehovah milli jsir ħati tad-demm. Il-fidi f’Alla Jehovah flimkien maʼ spirtu t’ospitalità qanqlu lil waħda armla u omm biex tagħti l-aħħar naqra ikel tagħha lill-profeta t’Alla. Dawn huma biss ftit mill-ħafna eżempji Skritturali taʼ nisa li ferrħu qalb Jehovah.
2 L-attitudni taʼ Jehovah lejn dawn in-nisa u l-barkiet li tahom juru li l-iktar affarijiet li jogħġbu lil Jehovah huma l-kwalitajiet spiritwali, li huma ħafna iktar importanti minn jekk dak li jkun huwiex taʼ sess maskil jew femminil. Fid-dinja taʼ llum, iffissata kif inhi b’affarijiet fiżiċi, hu diffiċli li tagħti prijorità lill-ispiritwalità tiegħek. Imma dan huwa possibbli, kif juru miljuni taʼ nisa li jibżgħu minn Alla u li jifformaw parti kbira mill-poplu t’Alla llum. Dawn in-nisa Kristjani jimitaw il-fidi, l-għaqal, l-ospitalità, u kwalitajiet oħra mill-isbaħ li wrew nisa li kienu jibżgħu minn Alla msemmijin fil-Bibbja. M’għandniex xi ngħidu, irġiel Kristjani wkoll iridu jimitaw il-kwalitajiet li wrew dawn in-nisa eżemplari fi żmien il-qedem. Sabiex naraw kif nistgħu nagħmlu dan iktar bis-sħiħ, ejja nikkunsidraw f’iktar dettall ir-rakkonti Bibliċi dwar in-nisa li ssemmew fil-bidu.—Rumani 15:4; Ġakbu 4:8.
Nisa li Sfidaw Fargħun
3, 4. (a) Sifra u Pugħa għala rrifjutaw li jobdu lill-Fargħun meta ordna li kull tifel Iżraeli li jitwieled kellu jinqatel? (b) Jehovah kif ippremja liż-żewġ qwiebel għall-kuraġġ tagħhom u l-biżaʼ t’Alla li wrew?
3 Fil-ġurijiet taʼ Nuremberg, li nżammu fil-Ġermanja wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ħafna li kienu ħatja taʼ qtil tal-massa pprovaw jiġġustifikaw id-delitti li kkommettew bl-argument li huma kienu sempliċement qed jobdu l-ordnijiet. Issa qabbel lil dawn l-individwi maż-żewġ qwiebel Iżraelin, Sifra u Pugħa, li kienu jgħixu fl-Eġittu tal-qedem matul il-ħakma taʼ Fargħun li għalkemm ma nafux x’jismu nafu li kien tirann. Minħabba li beżaʼ għax il-popolazzjoni Lhudija kienet qed tiżdied ħafna, il-Fargħun ordna liż-żewġ qwiebel biex jagħmlu żgur li kull tifel Lhudi li jitwieled jiġi maqtul. In-nisa kif wieġbu għal dan il-kmand kiefer? “Ma għamlux kif qalilhom is-sultan taʼ l-Eġittu, imma ħallew is-subjien ħajjin.” (Korsiv tagħna.) Dawn in-nisa għala ma ċedewx għall-biżaʼ mill-bniedem? Għaliex “beżgħu minn Alla.”—Eżodu 1:15, 17; Ġenesi 9:6.
4 Iva, il-qwiebel stkennu f’Jehovah, u hu kien “tarka” għalihom, billi pproteġiehom mir-rabja tal-Fargħun. (2 Samwel 22:31; Eżodu 1:18-20) Imma din ma kinitx l-unika barka li tahom Jehovah. Hu ppremja lil Sifra u lil Pugħa billi huma stess kellhom il-familji tagħhom. Hu saħansitra onora lil dawn in-nisa billi niżżel isimhom u l-għemejjel tagħhom fil-Kelma ispirata tiegħu biex il-ġenerazzjonijiet futuri jaqraw dwarhom, waqt li l-isem tal-Fargħun intilef tul iż-żminijiet.—Eżodu 1:21; 1 Samwel 2:30b; Proverbji 10:7.
5. Ħafna nisa Kristjani llum kif juru l-istess attitudni li wrew Sifra u Pugħa, u Jehovah kif se jippremjahom?
5 Hawn nisa bħal Sifra u Pugħa llum? Iva, dażgur! Kull sena, eluf taʼ nisa bħal dawn jippridkaw bla biżaʼ l-messaġġ tal-Bibbja li jsalva l-ħajjiet f’pajjiżi fejn “l-ordni tas-sultan” ma tħallihomx jagħmlu dan, u b’hekk jissograw il-libertà tagħhom jew saħansitra ħajjithom. (Lhud 11:23; Atti 5:28, 29) Imqanqlin mill-imħabba għal Alla u għall-ġirien, dawn in-nisa kuraġġużi ma jħallu lil ħadd iwaqqafhom milli jaqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla m’oħrajn. Minħabba f’hekk, ħafna nisa Kristjani jissieltu kontra l-oppożizzjoni u l-persekuzzjoni. (Mark 12:30, 31; 13:9-13) Bħal fil-każ taʼ Sifra u Pugħa, Jehovah jaf bl-għemejjel taʼ dawn in-nisa eċċellenti u kuraġġużi, u hu se juri l-imħabba tiegħu lejhom billi jippreserva isimhom “fil-ktieb tal-ħajja” tiegħu, basta huma jibqgħu leali sa l-aħħar.—Filippin 4:3; Mattew 24:13.
Mara li Qabel Kienet Żienja Tferraħ Qalb Jehovah
6, 7. (a) Raħab x’kienet taf dwar Jehovah u l-poplu tiegħu, u dan l-għarfien kif effettwaha? (b) Il-Kelma t’Alla kif tonora lil Raħab?
6 Fis-sena 1473 Q.E.K., mara żienja jisimha Raħab kienet tgħix fil-belt Kangħanija taʼ Ġeriko. B’mod evidenti, Raħab kienet mara li tħobb iżżomm ruħha informata sew. Meta żewġ spiji Iżraelin fittxew il-kenn f’darha, hi setgħet tirrakkontalhom dettalji speċifiċi dwar l-Eżodu mirakoluż taʼ Iżrael mill-Eġittu, avolja dan kien seħħ 40 sena qabel! Hi kienet taf ukoll bir-rebħiet iktar reċenti li Iżrael kellu fuq is-Slaten Amurrin Siħon u Għog. Innota kif effettwaha dan l-għarfien. Hi qalet lill-ispiji: “Jien naf li l-Mulej takom f’idejkom din l-art . . . Tassew li l-Mulej, Alla tagħkom, hu Alla fis-sema minn fuq u fuq l-art minn taħt.” (Ġożwè 2:1, 9-11) Iva, dak li Raħab saret taf dwar Jehovah u l-għemejjel tiegħu għan-nom taʼ Iżrael messilha qalbha u ġagħalha jkollha fidi fih.—Rumani 10:10.
7 Il-fidi taʼ Raħab qanqlitha biex tieħu azzjoni. Hi laqgħet lill-ispiji Iżraelin “bis-sliem,” u obdiet l-istruzzjonijiet tagħhom li salvaw il-ħajjiet meta Iżrael attakka lil Ġeriko. (Lhud 11:31; Ġożwè 2:18-21) M’hemm ebda dubju li l-għemejjel taʼ fidi taʼ Raħab ferrħu qalb Jehovah, għax hu nebbaħ lid-dixxiplu Kristjan Ġakbu biex iniżżel isimha flimkien maʼ dak t’Abraham, il-ħabib t’Alla, bħala eżempju għall-Kristjani biex jimitawh. Ġakbu kiteb: “Hekk ukoll Raħab iż-żienja; jaqaw mhux bl-għemil kienet iġġustifikata meta laqgħet lill-messaġġiera u bagħtithom minn triq oħra?”—Ġakbu 2:25.
8. Jehovah kif bierek lil Raħab għall-fidi u l-ubbidjenza tagħha?
8 Jehovah ippremja lil Raħab b’ħafna modi. Mod wieħed kien li hu mirakolożament salvalha ħajjitha u l-ħajjiet taʼ dawk kollha li fittxew il-kenn f’darha—jiġifieri, “il-familja taʼ missierha u kull ma kellha.” Imbagħad ħalla lil dawn l-uħud jgħixu “f’Iżrael,” fejn kellhom jiġu trattati daqslikieku ma kinux barranin. (Ġożwè 2:13; 6:22-25; Levitiku 19:33, 34) Imma dan mhux kollox. Jehovah ta lil Raħab ukoll l-unur li ssir antenata taʼ Ġesù Kristu. X’turija taʼ l-għaġeb tal-qalb tajba bl-imħabba lejn mara Kangħanija li darba kienet tqim l-idoli!a—Salm 130:3, 4.
9. L-attitudni taʼ Jehovah lejn Raħab u ċerti nisa Kristjani fl-ewwel seklu kif tistaʼ tkun inkuraġġanti għal xi nisa llum?
9 Bħal Raħab, xi nisa Kristjani, mill-ewwel seklu sa llum il-ġurnata, abbandunaw ħajja immorali sabiex jogħġbu lil Alla. (1 Korintin 6:9-11) Bla dubju, xi wħud minnhom trabbew f’ambjent li jistaʼ jitqabbel maʼ dak taʼ Kangħan tal-qedem, li fih l-immoralità kienet komuni u saħansitra meqjusa bħala xi ħaġa normali. Madankollu, huma bidlu ħajjithom għax ġew imqanqlin mill-fidi bbażata fuq għarfien eżatt taʼ l-Iskrittura. (Rumani 10:17) B’hekk, jistaʼ jingħad ukoll li “Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla” taʼ dawn in-nisa. (Lhud 11:16) Kemm hu taʼ unur dan!
Imbierka Minħabba l-Għaqal Tagħha
10, 11. Liema ċirkustanzi li jinvolvu lil Nabal u lil David iqanqlu lil Abigajl biex tieħu azzjoni?
10 Ħafna nisa leali tal-qedem urew b’mod li jispikka l-kwalità taʼ l-għaqal, u dan għamilhom prezzjużi għall-poplu taʼ Jehovah. Waħda minn dawn in-nisa kienet Abigajl, il-mara taʼ Nabal, raġel Iżraeli għani li kellu ħafna artijiet. L-għaqal t’Abigajl għen biex isalva l-ħajjiet u waqqaf lil David, is-sultan futur taʼ Iżrael, milli jsir ħati tad-demm. Nistgħu naqraw dwar Abigajl fir-rakkont li nsibu fl-1 Samwel kapitlu 25.
11 Kif jibda r-rakkont, David u s-segwaċi tiegħu jarmaw it-tined tagħhom ħdejn l-imrieħel taʼ Nabal, u b’qalb tajba lejn ħuhom Iżraeli jipproteġuhomlu mingħajr ħlas bil-lejl u bi nhar. Meta l-provvisti taʼ David ikunu kważi spiċċaw, hu jibgħat għaxart irġiel żgħażagħ għand Nabal biex jitolbuh xi ħaġa taʼ l-ikel. Nabal issa ġietu opportunità biex juri l-apprezzament tiegħu lejn David u biex jonorah bħala l-midluk taʼ Jehovah. Imma Nabal jagħmel l-oppost. Bir-rabja, hu jinsulta lil David u jibgħat lill-irġiel ’l hemm b’idhom f’idhom. Meta David jismaʼ dwar dan, hu jiġbor 400 raġel armati u joħroġ biex jivvindika ruħu. Abigajl issir taf bit-tweġiba ħarxa tar-raġel tagħha u taġixxi malajr u bil-għaqal biex tberred lil David billi tibgħatlu ammont kbir taʼ provvisti. Imbagħad hi stess tmur tiltaqaʼ maʼ David.—Versi 2-20.
12, 13. (a) Abigajl kif uriet li kienet għaqlija kif ukoll leali lejn Jehovah u l-wieħed midluk tiegħu? (b) Abigajl x’għamlet meta rritornat id-dar, u x’sar minnha?
12 Meta Abigajl tiltaqaʼ maʼ David, l-appell umli tagħha għall-ħniena juri r-rispett profond tagħha għall-midluk taʼ Jehovah. “Il-Mulej għad jibni dar soda għal dejjem lil sidi; għax qiegħed jiġġieled il-gwerer tal-Mulej,” hi tgħid, u żżid li Jehovah se jaħtar lil David bħala l-mexxej taʼ Iżrael. (Versi 28-30) Fl-istess ħin, Abigajl turi kuraġġ kbir billi tgħid lil David li jekk ikompli bil-ħsieb tiegħu li jivvindika ruħu u ma jikkontrollax lilu nnifsu, dan kien se jwassal għall-ħtija tad-demm. (Versi 26, 31) David jiġi f’sensih minħabba l-umiltà, ir-rispett profond, u l-loġika t’Abigajl. Hu jwieġeb: “Mbierek il-Mulej, Alla taʼ Iżrael, li bagħtek illum tiltaqaʼ miegħi. Mbierek l-għaqal tiegħek, u mbierka int li ma ħallejtnix illum inxerred id-demm.”—Versi 32, 33.
13 X’ħin tasal lura d-dar, Abigajl bil-kuraġġ kollu tmur biex tgħid lir-raġel tagħha bir-rigal li tat lil David. Madankollu, meta ssibu hu jkun “f’sakra kbira.” Għalhekk, tistenna sakemm jiġi f’sikktu u mbagħad tgħidlu. Nabal kif jirreaġixxi? Tant kemm jinħasad jinħakem minn tip taʼ paralisi. Għaxart ijiem wara Alla jiħodlu ħajtu. Meta David isir jaf bil-mewt taʼ Nabal, hu jitlob lil Abigajl, li mid-dehra jammiraha u jirrispettaha profondament, biex tiżżewġu. Abigajl taċċetta l-offerta taʼ David.—Versi 34-42.
Tistaʼ Int Tkun bħal Abigajl?
14. Liema kwalitajiet t’Abigajl forsi nixtiequ nikkultivaw iktar bis-sħiħ?
14 Tara xi kwalitajiet f’Abigajl li int—sew jekk int raġel u sew jekk int mara—tixtieq tikkultiva iktar bis-sħiħ? Forsi tixtieq taġixxi iktar bil-prudenza u bil-għaqal meta jqumu d-diffikultajiet. Jew forsi tixtieq titkellem b’mod kalm u raġunevoli meta l-emozzjonijiet t’oħrajn madwarek huma intensi. Jekk dan hu l-każ, għala ma titlobx lil Jehovah dwar il-kwistjoni? Hu jwiegħed li jagħti l-għerf, id-dixxerniment, u l-abbiltà tal-ħsieb lil dawk kollha li jibqgħu ‘jitolbu bil-fidi.’—Ġakbu 1:5, 6; Proverbji 2:1-6, 10, 11.
15. F’liema ċirkustanzi huwa importanti speċjalment li nisa Kristjani juru l-kwalitajiet li wriet Abigajl?
15 Dawn il-kwalitajiet mill-isbaħ huma importanti speċjalment għal mara li żewġha m’huwiex taʼ l-istess twemmin u li ftit jagħti kas, jekk jagħti, tal-prinċipji Bibliċi. Forsi jixrob iżżejjed. Nittamaw li dawn l-irġiel jinbidlu. Ħafna diġà għamlu din il-bidla—spiss minħabba l-mod teneru, ir-rispett profond, u l-kondotta safja tan-nisa tagħhom.—1 Pietru 3:1, 2, 4.
16. Ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi fid-dar, oħt Kristjana kif għandha turi li hi tgħożż ir-relazzjoni tagħha maʼ Jehovah iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra?
16 Ikunu xi jkunu d-diffikultajiet li forsi jkollok tkampa magħhom id-dar, ftakar li Jehovah hu dejjem hemm lest biex jappoġġak. (1 Pietru 3:12) Għalhekk, stinka biex issaħħaħ lilek innifsek spiritwalment. Itlob għall-għerf u l-qalb kalma. Iva, ersaq eqreb lejn Jehovah permezz taʼ studju tal-Bibbja regulari, talb, meditazzjoni, u sħubija maʼ Kristjani sħabek. L-imħabba t’Abigajl għal Alla u l-attitudni tagħha lejn il-qaddej midluk tiegħu ma kinux effettwati mill-ħarsa xejn spiritwali tar-raġel tagħha. Hi aġixxiet fuq il-bażi taʼ prinċipji ġusti. Anki f’dar fejn ir-raġel hu qaddej eżemplari t’Alla, mara Kristjana taf li għandha bżonn tkompli taħdem iebes biex tibni u żżomm l-ispiritwalità tagħha stess. Veru, ir-raġel tagħha għandu d-dmir Skritturali li jieħu ħsiebha spiritwalment u materjalment, imma fl-aħħar mill-aħħar, hi nfisha għandha ‘tħabrek għas-salvazzjoni tagħha bil-biżaʼ u t-tregħid.’—Filippin 2:12; 1 Timotju 5:8.
Rċiviet “Ħlas taʼ Profeta”
17, 18. (a) L-armla taʼ Sarefta ġiet preżentata b’liema prova tal-fidi mhux tas-soltu? (b) L-armla kif wieġbet għat-talba taʼ Elija, u Jehovah kif ippremjaha għal dan?
17 Il-mod li bih Jehovah ħa ħsieb armla fqira fi żmien il-profeta Elija juri li hu japprezza ħafna lil dawk li jappoġġaw il-qima vera billi jagħtu minnhom infushom u mir-riżorsi tagħhom. Minħabba nixfa twila fi żmien Elija, il-ġuħ effettwa lil ħafna, inkluż armla u t-tifel żgħir tagħha li kienu jgħixu f’Sarefta. Eżatt x’ħin kienu waslu biex jieklu l-aħħar ikla tagħhom, ġie jżurhom xi ħadd—il-profeta Elija. Hu talab xi ħaġa mhux tas-soltu. Għalkemm kien jaf bl-għawġ li kienet tinsab fih il-mara, hu talabha tagħmillu “ftira żgħira” bl-aħħar naqra żejt u dqiq li kellha. Imma hu żied: “Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla taʼ Iżrael: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dak in-nhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż.”—1 Slaten 17:8-14.
18 Int kieku kif kont twieġeb għal din it-talba straordinarja? L-armla taʼ Sarefta, li mid-dehra kienet taf li Elija kien il-profeta taʼ Jehovah, “għamlet kif qalilha Elija.” Jehovah b’liema mod ippremjaha għall-ospitalità tagħha? Hu pprovda mirakolożament ikel għall-mara, għal binha, u għal Elija waqt in-nixfa. (1 Slaten 17:15, 16) Iva, Jehovah ta lill-armla taʼ Sarefta “ħlas taʼ profeta,” avolja ma kinitx Iżraelija. (Mattew 10:41) L-Iben t’Alla wkoll onora lil din l-armla meta semmieha bħala eżempju quddiem in-nies bla fidi taʼ pajjiżu, Nazaret.—Luqa 4:24-26.
19. Ħafna nisa Kristjani llum b’liema modi juru l-istess spirtu taʼ l-armla taʼ Sarefta, u Jehovah kif iħossu dwar dawn l-uħud?
19 Illum, ħafna nisa Kristjani juru l-istess spirtu li wriet l-armla taʼ Sarefta. Per eżempju, kull ġimgħa, nisa Kristjani mhux egoisti—li ħafna minnhom huma foqra u għandhom familja x’jieħdu ħsieb—juru ospitalità lill-indokraturi li jivvjaġġaw u lin-nisa tagħhom. Oħrajn jistiednu lil ministri full-time lokali għall-ikel, jgħinu lil dawk fil-bżonn, jew b’xi mod ieħor jagħtu minnhom infushom u mir-riżorsi tagħhom biex jappoġġaw ix-xogħol tas-Saltna. (Luqa 21:4) Jinnotahom Jehovah dawn is-sagrifiċċji? Dażgur! “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.”—Lhud 6:10.
20. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
20 Fl-ewwel seklu, diversi nisa li kienu jibżgħu minn Alla kellhom il-privileġġ li jaqdu lil Ġesù u lill-appostli tiegħu. Fl-artiklu li jmiss, se niddiskutu kif dawn in-nisa ferrħu qalb Jehovah, u se nikkunsidraw l-eżempji taʼ nisa li llum jaqdu lil Jehovah b’qalb sħiħa, anki f’ċirkustanzi diffiċli.
[Nota taʼ taħt]
a Id-dixxendenza taʼ Ġesù, kif inhi dokumentata minn Mattew, issemmi erbaʼ nisa b’isimhom—Tamar, Raħab, Rut, u Marija. Kollha huma rispettati ħafna fil-Kelma t’Alla.—Mattew 1:3, 5, 16.
Bħala Reviżjoni
• Dawn in-nisa kif ferrħu qalb Jehovah?
• Sifra u Pugħa
• Raħab
• Abigajl
• L-armla taʼ Sarefta
• Jekk nimmeditaw fuq l-eżempji taʼ dawn in-nisa kif nistgħu niġu megħjunin personalment? Agħti eżempju.
[Stampi f’paġna 9]
Ħafna nisa leali qdew lil Alla minkejja “l-ordni tas-sultan”
[Stampa f’paġna 10]
Raħab għala hija eżempju mill-aqwa taʼ xi ħadd li għandu l-fidi?
[Stampa f’paġna 10]
Liema kwalitajiet li wriet Abigajl tixtieq timita?
[Stampa f’paġna 12]
Ħafna nisa Kristjani llum juru l-istess spirtu taʼ l-armla taʼ Sarefta