Numri
15 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Kellem lil ulied Israel, u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li qed nagħtikom, fil-postijiet li se tgħammru fihom,+ 3 u tkunu tridu toffru offerta magħmula bin-nar lil Ġeħova,+ offerta tal-ħruq+ jew sagrifiċċju biex twettqu xi wegħda speċjali jew minn rajkom+ jew matul il-festi taʼ l-istaġuni tagħkom,+ sabiex tagħmlu riħa pjaċevoli* lil Ġeħova,+ mill-baqar jew min-nagħaġ; 4 dak li jippreżenta l-offerta tiegħu jrid jippreżenta wkoll lil Ġeħova offerta tal-qmuħ taʼ dqiq fin,+ wieħed minn kull għaxra t’efa, miblul fi kwart taʼ ħinn żejt. 5 U għandek toffri l-inbid bħala offerta tax-xorb,+ kwart taʼ ħinn, flimkien maʼ kull offerta tal-ħruq jew sagrifiċċju taʼ ħaruf. 6 Jew maʼ muntun għandek toffri offerta tal-qmuħ taʼ tnejn minn kull għaxra dqiq fin, miblul f’terz taʼ ħinn żejt. 7 U għandek tippreżenta l-inbid bħala offerta tax-xorb, terz taʼ ħinn, bħala riħa pjaċevoli lil Ġeħova.
8 “‘Imma jekk toffri barri bħala offerta tal-ħruq+ jew xi sagrifiċċju biex twettaq wegħda speċjali+ jew sagrifiċċji taʼ sħubija lil Ġeħova,+ 9 trid tippreżenta wkoll flimkien mal-barri offerta tal-qmuħ+ taʼ tlieta minn kull għaxra dqiq fin, miblul f’nofs ħinn żejt. 10 U għandek tippreżenta l-inbid bħala offerta tax-xorb,+ nofs ħinn, bħala offerta magħmula bin-nar, b’riħa pjaċevoli lil Ġeħova. 11 Hekk għandu jsir għal kull barri jew għal kull muntun jew għal kull ħaruf jew mogħża. 12 Ikun kemm ikun l-għadd t’annimali li toffru, hekk għandkom tagħmlu għal kull wieħed minnhom. 13 Kulmin hu mwieled fil-pajjiż hekk għandu joffrihom dawn meta jippreżenta offerta magħmula bin-nar, b’riħa pjaċevoli lil Ġeħova.+
14 “‘U jekk ikun hemm jgħammar bħala barrani magħkom xi resident barrani jew xi ħadd li qiegħed f’nofskom matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom, u jkollu joffri offerta magħmula bin-nar, b’riħa pjaċevoli lil Ġeħova, kif tagħmlu intom, hekk għandu jagħmel hu.+ 15 Intom li intom parti mill-kongregazzjoni u r-resident barrani li qed jgħammar bħala barrani jkollkom statut wieħed.+ Ikun statut għal żmien indefinit matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. Ir-resident barrani għandu jkun l-istess bħalkom quddiem Ġeħova.+ 16 Għandu jkun hemm liġi waħda u deċiżjoni ġudizzjarja waħda għalikom u għar-resident barrani li qed jgħammar bħala barrani magħkom.’”+
17 U Ġeħova ssokta jkellem lil Mosè u jgħidlu: 18 “Kellem lil ulied Israel, u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li se niħodkom fiha,+ 19 jiġri wkoll li meta tieklu minn ħobż l-art,+ għandkom tagħtu kontribuzzjoni lil Ġeħova. 20 Għandkom tagħtu bħala kontribuzzjoni l-ewwel frott+ tad-dqiq mhux irfinut u tippreżentawh bħala ftajjar. Bħall-kontribuzzjoni tal-qiegħa tad-dris, hekk għandkom tagħtuha. 21 Ftit mill-ewwel frott tad-dqiq mhux irfinut għandkom tagħtu bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.
22 “‘Issa jekk tagħmlu xi żball u ma tħarsux dawn il-kmandamenti+ kollha, li Ġeħova qal lil Mosè, 23 kulma kkmandakom Ġeħova permezz taʼ Mosè minn dakinhar li Ġeħova ta dawn il-kmandamenti u iktar ’il quddiem matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom, 24 irid iseħħ li jekk ikun sar bi żball ’il bogħod minn għajnejn il-ġemgħa, il-ġemgħa kollha trid toffri barri żgħir bħala offerta tal-ħruq, bħala riħa pjaċevoli lil Ġeħova, u l-offerta tal-qmuħ li joffru miegħu u l-offerta tax-xorb li joffru miegħu skond il-proċedura regulari,+ u gidi bħala offerta għad-dnub.+ 25 U l-qassis irid jagħmel tpattija+ għall-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel, u jinħafrilhom; għaliex kien żball,+ u huma, min-naħa tagħhom, ġabu bħala l-offerta tagħhom offerta magħmula bin-nar lil Ġeħova u l-offerta għad-dnub tagħhom quddiem Ġeħova għall-iżball tagħhom. 26 U jinħafer+ lill-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel u lir-resident barrani li qed jgħammar bħala barrani f’nofshom, għaliex kien bi żball min-naħa tal-poplu kollu.
27 “‘U jekk xi ħadd* jidneb bi żball,+ irid jippreżenta mogħża fl-ewwel sena tagħha bħala offerta għad-dnub.+ 28 U l-qassis irid jagħmel tpattija għal dak* li għamel żball billi dineb mhux apposta quddiem Ġeħova, sabiex jagħmel tpattija għalih, u jinħafirlu.+ 29 Inkwantu għal dak li jitwieled fil-pajjiż fost ulied Israel u r-resident barrani li qed jgħammar bħala barrani fosthom, għandu jkun hemm liġi waħda għalikom meta tagħmlu xi ħaġa mhux apposta.+
30 “‘Imma dak li jagħmel xi ħaġa apposta,+ kemm jekk ikun imwieled fil-pajjiż u kemm jekk ikun resident barrani, billi jkun maqdar lil Ġeħova,+ f’dan il-każ dan l-individwu* jrid jiġi maqtugħ minn fost il-poplu tiegħu.+ 31 Peress li stmerr+ il-kelma taʼ Ġeħova u kiser il-kmandament tiegħu,+ dan l-individwu għandu assolutament jiġi maqtugħ.+ L-iżball tiegħu jkun fuqu.’”+
32 Waqt li wlied Israel kienu għadhom fix-xagħri, darba minnhom sabu raġel jiġbor il-ħatab f’jum is-Sabat.*+ 33 Imbagħad dawk li sabuh jiġbor il-ħatab ħaduh għand Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha. 34 Għalhekk, żammewh maqful,+ għax kien għadu ma ntqalx ċar x’għandhom jagħmlulu.
35 U Ġeħova qal lil Mosè: “Ir-raġel żgur li għandu jingħata l-mewt,+ u l-ġemgħa kollha tħaġġru ’l barra mill-kamp.”+ 36 Għaldaqstant, il-ġemgħa kollha ħarġitu ’l barra mill-kamp u ħaġġritu u miet, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
37 U Ġeħova ssokta jgħid dan lil Mosè: 38 “Kellem lil ulied Israel, u għidilhom li, matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom, iridu jagħmlu għalihom infushom frenża fit-truf taʼ djul ilbieshom u jqiegħdu lazz blu ’l fuq mill-frenża li hemm f’tarf djulhom,+ 39 ‘U din trid isservi bħala frenża fit-tarf għalikom, u malli tarawha tiftakru fil-kmandamenti+ kollha taʼ Ġeħova u tħarsuhom, u ma timxux wara qlubkom u għajnejkom,+ li qed iġegħlukom ikollkom relazzjoni immorali.+ 40 L-iskop taʼ dan hu li tiftakru u tkunu ċerti li tħarsu l-kmandamenti kollha tiegħi u tabilħaqq turu li intom qaddisin għal Alla tagħkom.+ 41 Jien Ġeħova Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art taʼ l-Eġittu sabiex nurikom li jien Alla.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom.’”+