Ġeremija
43 Issa ġara li malli Ġeremija spiċċa jgħid lin-nies kollha l-kliem taʼ Ġeħova Alla tagħhom li Ġeħova Alla tagħhom kien bagħtu jgħidilhom, iva, dan il-kliem kollu,+ 2 Għażarija bin Ħosajja+ u Ġoħanan+ bin Kareja u l-irġiel prużuntużi kollha+ qalu lil Ġeremija: “Qed tgħid gidba.+ Mhux Ġeħova Alla tagħna bagħtek u qal, ‘Tmorrux l-Eġittu biex tgħixu hemmhekk bħala barranin.’+ 3 Imma Baruk+ bin Nerija qed ixewxek kontrina bl-iskop li jagħtina f’idejn il-Kaldin, biex joqtluna jew jiħduna fl-eżilju f’Babilonja.”+
4 U Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-qawwiet militari u l-poplu kollu m’obdewx minn leħen Ġeħova,+ biex jibqgħu jgħammru fl-art taʼ Ġuda.+ 5 Għalhekk, Ġoħanan bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-qawwiet militari ħadu lill-fdal kollu taʼ Ġuda li kienu rritornaw mill-ġnus kollha fejn kienu mxerrdin biex jgħixu għal xi żmien fl-art taʼ Ġuda,+ 6 iva, l-irġiel b’saħħithom u n-nisa tagħhom u t-tfal żgħar u l-bniet tas-sultan+ u kull ruħ li Nebużaradan,+ il-kap tal-gwardji persunali tas-sultan, kien ħalla maʼ Gedalija,+ bin Aħikam,+ bin Safan,+ kif ukoll lil Ġeremija l-profeta u Baruk+ bin Nerija. 7 U fl-aħħar daħlu fl-art taʼ l-Eġittu,+ għax m’obdewx minn leħen Ġeħova; u waslu sa Taħfanħes.+
8 Imbagħad il-kelma taʼ Ġeħova ġiet għand Ġeremija f’Taħfanħes, tgħid: 9 “Aqbad f’idek ġebel kbir, u aħbih fit-tajn tal-wesgħa bil-madum li hemm fid-daħla tad-dar tal-Fargħun f’Taħfanħes quddiem għajnejn il-Lhud.+ 10 U għidilhom, ‘Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel: “Ara, se nibgħat inġib lil Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja,+ il-qaddej tiegħi,+ u nqiegħed it-tron tiegħu eżatt fuq dan il-ġebel li ħbejt, u hu jifrex fuqu t-tinda grandjuża tiegħu. 11 U jiġi u jaħbat għall-art taʼ l-Eġittu.+ Min hu għall-mard qattiel, ikun għall-mard qattiel, u min hu għall-jasar, ikun għall-jasar, u min hu għas-sejf, ikun għas-sejf.+ 12 U jien inqabbad nar fid-djar taʼ l-allat taʼ l-Eġittu;+ u hu jaħraqhom, u jiħodhom fil-jasar u jitgeżwer fl-art taʼ l-Eġittu, bħalma ragħaj jitgeżwer fl-ilbies tiegħu,+ u jitlaq minn hemmhekk fil-paċi. 13 U jfarrak il-pilastri taʼ Bet-xemex,* li qiegħda fl-art taʼ l-Eġittu; u d-djar taʼ l-allat taʼ l-Eġittu jaħraqhom bin-nar.”’”