Ġeremija
42 Imbagħad il-kapijiet kollha tal-qawwiet militari u Ġoħanan+ bin Kareja u Ġeżanija*+ bin Ħosajja+ u l-poplu kollu, mill-iżgħar sa l-akbar wieħed fosthom, resqu 2 lejn il-profeta Ġeremija u qalulu: “Nixtiequ favur mingħandek, jekk jogħġbok, biex titlob lil Ġeħova Alla tiegħek għalina,+ għal dan il-fdal kollu, għax aħna biss fadal, ftit minn ħafna,+ bħalma qed tara b’għajnejk stess. 3 U ħa jgħidilna Ġeħova Alla tiegħek liema triq għandna naqbdu u x’għandna nagħmlu.”+
4 Għal dan, il-profeta Ġeremija qalilhom: “Smajtkom, u, ara, se nitlob lil Ġeħova Alla tagħkom skond m’għedtuli;+ u kull kelma li jgħidli Ġeħova bħala tweġiba għalikom ngħidhielkom.+ Ma nħallilkomx kelma waħda barra.”+
5 U huma, min-naħa tagħhom, qalu lil Ġeremija: “Ħa jkun Ġeħova xhud veru u leali kontrina+ jekk ma nagħmlux eżatt kulma Ġeħova Alla tiegħek jibagħtek tgħidilna.+ 6 Tajjeb jew ħażin, aħna se nobdu minn leħen Ġeħova Alla tagħna li qed nibagħtuk għandu, sabiex jaħbtilna tajjeb għax inkunu obdejna minn leħen Ġeħova Alla tagħna.”+
7 Issa ġara wara għaxart ijiem li l-kelma taʼ Ġeħova ġiet għand Ġeremija.+ 8 Għalhekk, hu sejjaħ lil Ġoħanan bin Kareja u lill-kapijiet kollha tal-qawwiet militari li kienu miegħu u lill-poplu kollu, mill-iżgħar sa l-akbar wieħed fosthom;+ 9 u qalilhom: “Hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, li bgħattuni għandu biex inwassallu t-talba tagħkom,+ 10 ‘Żgur li jekk tibqgħu tgħixu f’din l-art,+ jien nibnikom u ma nġarrafkomx, inħawwilkom u ma naqlagħkomx mill-għeruq;+ għax f’dak il-każ jiddispjaċini mill-gwaj li nkun ġibt fuqkom.+ 11 Tibżgħux minħabba s-sultan taʼ Babilonja, li qed tibżgħu minnu.’+
“‘Tibżgħux minħabba fih,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘għax jien magħkom, sabiex insalvakom u neħliskom minn taħt idejh.+ 12 U jien inħenn għalikom, u hu jkollu ħniena minnkom u jiħodkom lura f’artkom.+
13 “‘Imma jekk tgħidu: “Le; m’aħniex se ngħammru f’din l-art!” u b’hekk ma tobdux minn leħen Ġeħova Alla tagħkom,+ 14 u tgħidu: “Le, imma sejrin fl-art taʼ l-Eġittu,+ fejn m’aħniex se naraw gwerer u la se nisimgħu l-ħoss tal-qarn u lanqas se nkunu mġewħin għall-ħobż; hemmhekk se ngħammru”;+ 15 ismaʼ għalhekk il-kelma taʼ Ġeħova, O fdal taʼ Ġuda. Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel: “Jekk twaħħluha f’raskom li tmorru l-Eġittu u fil-fatt tmorru biex tgħixu hemmhekk bħala barranin,+ 16 jiġri li l-istess sejf li qed tibżgħu minnu jilħaqkom fl-art taʼ l-Eġittu,+ u l-istess ġuħ li intom imwerwrin minnu jiġi warajkom fl-Eġittu;+ u hemmhekk tmutu.+ 17 U jiġri li dawk kollha li waħħluha f’rashom li jmorru l-Eġittu biex jgħixu hemmhekk bħala barranin imutu bis-sejf, bil-ġuħ u bil-pesta;+ u ħadd minnhom ma jibqaʼ ħaj jew jaħrab, minħabba l-gwaj li nġib fuqhom.”’+
18 “Għax hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Bħalma r-rabja u l-korla tiegħi tferrgħu fuq l-abitanti taʼ Ġerusalemm,+ hekk ukoll titferraʼ fuqkom il-korla tiegħi talli tmorru l-Eġittu, u ssiru oġġett taʼ saħta u taʼ stagħġib u taʼ dagħa u taʼ żebliħ,+ u dan il-post ma tarawhx iżjed.’+
19 “Ġeħova tkellem kontrikom, O fdal taʼ Ġuda. Tmorrux l-Eġittu.+ Kunu afu fiċ-ċert li jien qed nixhed kontrikom illum,+ 20 li intom żbaljajtu kontrikom stess;+ għax kontu intom infuskom li bgħattuni għand Ġeħova Alla tagħkom u għedtuli, ‘Itlob lil Ġeħova Alla tagħna għalina; u għidilna kulma jgħid Ġeħova Alla tagħna, u aħna żgur nagħmluh.’+ 21 U llum qed ngħidilkom, imma intom m’intomx se tobdu minn leħen Ġeħova Alla tagħkom jew minn kwalunkwe ħaġa li bagħatni ngħidilkom.+ 22 U issa kunu afu fiċ-ċert li bis-sejf,+ bil-ġuħ u bil-pesta se tmutu fil-post fejn jogħġobkom tidħlu biex tgħixu bħala barranin.”+