Ġeremija
41 Mela ġara fis-sebaʼ xahar li Ismagħel,+ bin Netanija, bin Elisama,+ min-nisel irjali+ u wieħed mill-kbarat tas-sultan, u għaxart irġiel miegħu+ ġew għand Gedalija bin Aħikam f’Mispa.+ U hemmhekk bdew jieklu biċċa ħobż flimkien f’Mispa.+ 2 Imbagħad Ismagħel bin Netanija u l-għaxart irġiel li kienu miegħu qamu u ħabtu għal Gedalija, bin Aħikam, bin Safan, bis-sejf.+ B’hekk, hu qatel lil dak li s-sultan taʼ Babilonja kien inkarigah mill-pajjiż.+ 3 U Ismagħel qatel lil-Lhud kollha li kienu miegħu, jiġifieri, maʼ Gedalija, f’Mispa, u lill-Kaldin li kienu hemm, jiġifieri, il-gwerriera.
4 U fit-tieni jum wara li nqatel Gedalija, meta ħadd ma kien jaf x’ġara,+ 5 ġew xi rġiel minn Sikem,+ minn Silo,+ u mis-Samarija,+ tmenin raġel bid-daqna mqaxxra+ u bi ħwejjiġhom imċarrtin u b’ġisimhom mimli qtugħ li għamlu fuqhom stess.+ F’idejhom kellhom offerti tal-qmuħ u inċens abjad+ biex iġibuhom fid-dar taʼ Ġeħova. 6 Għalhekk, Ismagħel bin Netanija ħareġ minn Mispa biex jiltaqaʼ magħhom, jimxi u jibki.+ U malli ltaqaʼ magħhom qalilhom: “Ejjew s’għand Gedalija bin Aħikam.” 7 Iżda hekk kif waslu f’nofs il-belt, Ismagħel bin Netanija, flimkien maʼ l-irġiel li kienu miegħu, qabad u qatilhom u tefagħhom fil-ġiebja.+
8 Imma kien hemm għaxart irġiel fosthom li minnufih qalu lil Ismagħel: “Toqtolniex, għax aħna għandna teżori moħbijin fir-rabaʼ, qamħ u xgħir u żejt u għasel.”+ Għalhekk, żamm lura u ma qatilhomx maʼ ħuthom. 9 Issa l-ġiebja li Ismagħel+ tefaʼ fiha l-iġsma mejtin kollha taʼ l-irġiel li kien qatel kienet ġiebja kbira, l-istess ġiebja li s-Sultan Asa kien għamel minħabba Bagħsa, is-sultan taʼ Israel.+ Din kienet il-ġiebja li Ismagħel bin Netanija mela b’dawk li qatel.
10 Imbagħad Ismagħel ħa fil-jasar lill-fdal kollu tal-poplu li kien f’Mispa,+ il-bniet tas-sultan+ u n-nies kollha li kien għad fadal f’Mispa,+ li Nebużaradan, il-kap tal-gwardji persunali tas-sultan, kien ħalla f’idejn Gedalija bin Aħikam.+ Għalhekk, Ismagħel bin Netanija ħadhom bħala lsiera u telaq biex jaqsam għal għand ulied Għammon.+
11 Wara xi żmien, Ġoħanan+ bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-qawwiet militari+ li kienu miegħu semgħu dwar il-ħażen kollu li kien għamel Ismagħel bin Netanija. 12 Għaldaqstant, dawn ħadu lill-irġiel kollha u telqu biex jiġġieldu kontra Ismagħel bin Netanija u sabuh ħdejn l-ilmijiet kotrana taʼ Gibegħon.+
13 U ġara li malli n-nies kollha li kienu maʼ Ismagħel raw lil Ġoħanan bin Kareja u lill-kapijiet kollha tal-qawwiet militari li kellu miegħu, bdew jifirħu. 14 U n-nies kollha li Ismagħel kien ħa minn Mispa+ bħala lsiera daru u marru lura maʼ Ġoħanan bin Kareja. 15 U Ismagħel bin Netanija ħarab+ minn quddiem Ġoħanan maʼ tmint irġiel, sabiex imur għand ulied Għammon.
16 Ġoħanan+ bin Kareja u l-kapijiet kollha tal-qawwiet militari li kienu miegħu issa ħadu f’idejhom lill-fdal kollu tal-poplu taʼ Mispa. Ħelsuhom minn idejn Ismagħel bin Netanija li kien ħadhom wara li qatel lil Gedalija+ bin Aħikam: irġiel b’saħħithom u gwerriera, u n-nisa tagħhom u t-tfal żgħar u l-uffiċjali tal-palazz. Lil dawn Ġoħanan ħadhom lura minn Gibegħon. 17 Għalhekk, telqu u marru jgħammru fil-post taʼ Kimħam, ħdejn Betlehem,+ sabiex ikomplu fi triqithom u jidħlu l-Eġittu,+ 18 minħabba l-Kaldin;+ għax bdew jibżgħu minnhom,+ ladarba Ismagħel bin Netanija kien qatel lil Gedalija bin Aħikam,+ li s-sultan taʼ Babilonja kien inkarigah mill-pajjiż.+