36 U Eliħu kompla jgħid:
2 “Ħu ftit paċenzja bija, u niddikjaralek
Li għad hemm xi kliem x’jingħad għal Alla.
3 Niġbor l-għarfien tiegħi mill-bogħod,
U niddikjara li s-sewwa hu taʼ Dak li għamilni.+
4 Għax naf fiċ-ċert li kliemi m’huwiex gideb;
Dak li hu perfett fl-għarfien+ qiegħed quddiemek.
5 Ara! Alla hu setgħan+ u ma jiċħadx lill-bniedem;
Setgħan fil-qawwa taʼ qalb għaqlija;
6 Hu ma jħallix ħaj lil xi ħadd mill-agħar,+
Imma jagħmel ħaqq ġust lill-magħkusin.+
7 Ma jwarrabx għajnejh minn fuq kulmin hu sewwa;+
Saħansitra s-slaten fuq it-tron+—
Ipoġġihom għal dejjem, u jiġu eżaltati.
8 U jekk in-nies sewwa jiġu marbutin bil-ktajjen,+
Jinqabdu bil-ħbula tas-sofferenza.
9 Imbagħad jgħidilhom dwar il-mod kif qed jaġixxu
U n-nuqqasijiet tagħhom, għaliex huma jitkabbru.
10 U jikxfilhom widnithom għat-twissija,+
U jgħid li għandhom iduru lura minn dak li hu taʼ ħsara.+
11 Jekk jobdu u jaqdu,
Itemmu jiemhom fil-ġid
U sninhom fl-għaxqa.+
12 Imma jekk ma jobdux, jitilfu ħajjithom+ saħansitra bi vleġġa,+
U jmutu mingħajr għarfien.
13 U dawk li huma apostati f’qalbhom jiġimgħu rrabja.+
Ma jitolbux għall-għajnuna għaliex hu jorbothom.
14 Ruħhom fiż-żgħożija tmut,+
U ħajjithom tispiċċa fost il-prostituti rġiel tat-tempju.+
15 Jeħles lill-magħkus fit-tgħakkis tiegħu,
U jikxiflu widintu fil-moħqrija biex jgħallmu.
16 U hu jeħilsek minn ħalq l-hemm!+
Spazju iktar wiesaʼ,+ mhux djuq, ikun hemm f’postu,
U l-konsolazzjoni mal-mejda tiegħek tkun abbundanti u bnina.+
17 Sentenza ġudizzjarja fuq il-ħati+ żgur li taraha;
Is-sentenza ġudizzjarja u l-ħaqq joħorġu rebbiħin.
18 Qis li l-korla+ ma tħajrekx biex iċċapċap idejk b’żebliħ,
U tħallix fidwa kbira+ ħafna tiżvijak.
19 Ikollha effett l-għajta tiegħek għall-għajnuna?+ Le, lanqas fl-hemm
Saħansitra l-isforzi qawwijin kollha tiegħek.+
20 Tixxennaqx għal-lejl,
Biex in-nies jitilqu minfejn qegħdin.
21 Oqgħod attent li ma ddurx lejn dak li hu taʼ ħsara,+
Għax dan għażilt int minflok is-sofferenza.+
22 Ara! Alla jaġixxi b’mod sublimi bil-qawwa tiegħu;
Liema għalliem iħabbatha miegħu?
23 Min jitolbu jagħti kont taʼ triqtu,+
U min jgħidlu, ‘Int wettaqt inġustizzja’?+
24 Ftakar li għandek tfaħħar bil-kbir l-attività tiegħu+
Li dwarha jgħannu l-bnedmin.+
25 Il-bnedmin kollha jħarsu fiss lejha;
Il-bniedem mortali jibqaʼ jħares mill-bogħod.+
26 Ara! Alla hu iktar sublimi milli nistgħu nkunu nafu aħna;+
Fl-għadd, sninu huma bla tarf.+
27 Għax hu jtellaʼ l-qtar taʼ l-ilma;+
Dan jissaffa u jsir xita għaċ-ċpar tiegħu,
28 U b’hekk is-sħab iqattar,+
Iraxxax fuq il-bnedmin bil-kotra.
29 Tabilħaqq, min jistaʼ jifhem is-saffi tas-sħab,
It-tkarwit mill-għarix tiegħu?+
30 Ara! Jifrex fuqu d-dawl tiegħu,+
U jgħatti qiegħ il-baħar.
31 Għax bihom jiddefendi l-kawża tal-popli;+
Jagħti ikel bl-abbundanza.+
32 F’idu jżomm is-sajjetta,
U jordnalha biex tolqot lil min jattakka.+
33 L-irbombjar tiegħu+ jitkellem dwaru,
Il-bhejjem ukoll iħabbru dwar il-wieħed li riesaq.