Ġeremija
18 Il-kelma li ġiet għand Ġeremija mingħand Ġeħova, tgħid: 2 “Qum, u inżel sad-dar tal-fuħħari,+ u hemmhekk insemmgħek kliemi.”
3 U jien inżilt sad-dar tal-fuħħari, u sibtu qed jaħdem fuq ir-roti tal-fuħħari. 4 U b’idu ħassar ir-reċipjent li kien qed jagħmel bit-tafal, u biddel ħsiebu u beda jsawru f’reċipjent ieħor, skond ma deher l-aħjar f’għajnejh.+
5 U l-kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi, tgħid: 6 “‘M’iniex jien kapaċi nagħmlilkom bħalma għamel dan il-fuħħari, O dar Israel?’ hija l-kelma taʼ Ġeħova. ‘Ara! Bħat-tafal f’id il-fuħħari, hekk intom f’idi, O dar Israel.+ 7 Jekk jien nitkellem kontra xi saltna u kontra xi ġens biex naqilgħu u nwaqqgħu u neqirdu,+ 8 u dak il-ġens fil-fatt idur lura mill-ħażen tiegħu li nkun tkellimt kontrih,+ jien jiddispjaċini mill-gwaj li nkun ħsibt li nġib fuqu.+ 9 Imma jekk nitkellem dwar xi saltna u dwar xi ġens biex nibnih u nħawlu,+ 10 u dan fil-fatt jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejja billi ma jobdix minn leħni,+ jien jiddispjaċini mit-tajjeb li nkun ħsibt li nagħmillu għall-ġid tiegħu.’
11 “U issa, jekk jogħġbok, għid lin-nies taʼ Ġuda u lill-abitanti taʼ Ġerusalemm, ‘Hekk qal Ġeħova: “Arawni, qed infassal gwaj u naħseb ħsieb kontrikom.+ Duru lura, jekk jogħġobkom, kull wieħed minnkom minn triqtu l-ħażina, u rranġaw triqatkom u l-għemejjel tagħkom.”’”+
12 U huma qalu: “Kollu taʼ xejn!+ Għax se nimxu kif naħsbu aħna, u kull wieħed minna se jagħmel skond l-ebusija taʼ qalbu l-ħażina.”+
13 Għalhekk, dan qal Ġeħova: “Staqsu għall-affari tagħkom, jekk jogħġobkom, fost il-ġnus. Min qatt semaʼ b’affarijiet bħal dawn? Il-verġni Israel għamlet ħaġa orribbli wisq.+ 14 Jaqaw il-borra tal-Libanu se titlaq minn fuq il-blat tal-kampanja? Jew se jinxfu l-ilmijiet barranin u kesħin li neżlin bil-mod? 15 Imma niesi nsewni+ għax joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lil xi ħaġa bla siwi,+ u għax iġiegħlu lil oħrajn jitfixklu fi triqathom,+ il-mogħdijiet taʼ żmien twil ilu,+ u jġegħluhom iduru lejn triqat oħrajn, lejn triq imħarbta, 16 u lil pajjiżhom jagħmluh oġġett taʼ stagħġib+ u taʼ tisfir għal żmien indefinit.+ Kulmin jgħaddi minn ħdejh se jibqaʼ ċċassat u jxejjer rasu.+ 17 Se nxerridhom quddiem l-għadu bħal b’riħ mil-lvant.+ Dakinhar tad-diżastru tagħhom se nagħtihom dahri, mhux wiċċi.”+
18 U huma qalu: “Ejjew ħa nfasslu pjanijiet kontra Ġeremija,+ għax il-liġi mhix se tgħib mingħand il-qassis+ jew il-pariri mingħand l-għaref jew il-kelma mingħand il-profeta.+ Ejjew nattakkawh bi lsienna,+ u ħa ma nagħtux kas taʼ kelma waħda milli jgħid.”
19 O Ġeħova, agħti kasi int, u ismaʼ x’qed jgħidu dawk taʼ kontrija.+ 20 Għandu t-tajjeb jitħallas bil-ħażin?+ Għax huma ħaffru ħofra għal ruħi.+ Ftakar kemm-il darba rsaqt quddiemek biex nitkellem tajjeb dwarhom, sabiex irreġġaʼ lura l-korla tiegħek minn fuqhom.+ 21 Għalhekk, erħi lil uliedhom għall-ġuħ,+ u itlaqhom għall-qawwa tas-sejf;+ u n-nisa tagħhom ħa jitilfu lil uliedhom fil-mewt, u jormlu.+ U l-irġiel tagħhom ħa jinqatlu b’mard qattiel, u ż-żgħażagħ tagħhom jinqerdu bis-sejf fil-battalja.+ 22 Ħa tinstemaʼ għajta ġejja minn ġo djarhom meta f’daqqa waħda int iġġib qatgħa ħallelin għalihom.+ Għax huma ħaffru ħofra biex jaqbduni, u ħbew nases għal saqajja.+
23 Imma int, O Ġeħova, taf eżatt kulma qed ifasslu li jagħmlu kontrija biex joqtluni.+ Tgħattix l-iżball tagħhom, u tħassarx dnubhom minn quddiemek; imma ħallihom jitfixklu quddiemek.+ Fi żmien ir-rabja tiegħek aġixxi kontrihom.+