Eżodu
30 “U int agħmel artal bħala post biex taħraq l-inċens;+ agħmlu mill-injam taʼ l-akaċja. 2 Għandu jkun kwadru, twil kubitu u wiesaʼ kubitu, u l-għoli tiegħu żewġ kubiti. Il-qrun tiegħu joħorġu minnu.+ 3 U iksih bid-deheb pur, il-wiċċ taʼ fuq u l-ġnub tiegħu dawramejt u l-qrun tiegħu; u agħmillu bordura tad-deheb dawramejt.+ 4 Tagħmillu wkoll żewġ ħolqiet tad-deheb. Tagħmilhom ’l isfel mill-bordura tiegħu fuq tnejn mill-ġnub tiegħu, fuq żewġt iġnub tiegħu faċċata taʼ xulxin, għax iridu jservu bħala appoġġ għal-lasti biex iġorruh bihom.+ 5 U agħmel il-lasti mill-injam taʼ l-akaċja u iksihom bid-deheb.+ 6 U poġġih quddiem il-purtiera li qiegħda qrib l-arka tat-testimonjanza,+ quddiem l-għatu li qiegħed fuq it-Testimonjanza, fejn se nidhirlek.+
7 “U Aron irid jaħraq l-inċens ifuħ+ fuqu.+ Jaħarqu għodwa wara għodwa, meta jipprepara l-imsiebaħ.+ 8 U Aron jaħarqu meta jixgħel l-imsiebaħ bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Huwa inċens li jkun il-ħin kollu quddiem Ġeħova matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. 9 Toffrux fuq dan l-artal inċens+ projbit jew offerta tal-ħruq jew offerta tal-qmuħ; u ssawbux offerta tax-xorb fuqu. 10 U Aron irid jagħmel tpattija fuq il-qrun taʼ l-artal darba fis-sena.+ Bi ftit mid-demm taʼ l-offerta għad-dnub+ tat-tpattija hu jagħmel tpattija għall-artal darba fis-sena matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. Hu mill-iktar qaddis għal Ġeħova.”
11 U Ġeħova ssokta jkellem lil Mosè u jgħidlu: 12 “Kulmeta tieħu l-għadd taʼ wlied Israel bħala ċensiment tagħhom,+ imbagħad kull wieħed irid jagħti fidwa għal ruħu lil Ġeħova meta jsir ċensiment tagħhom,+ sabiex ebda kastig ma jiġi fuqhom meta jsir ċensiment tagħhom.+ 13 Dan iridu jagħtu dawk kollha li jgħaddu għal mal-magħdudin: nofs xekel skond ix-xekel tal-post qaddis.+ Għoxrin gera huma daqs xekel. Nofs xekel hi l-kontribuzzjoni lil Ġeħova.+ 14 Kulmin għandu minn għoxrin sena ’l fuq u jgħaddi għal maʼ dawk li huma reġistrati jrid jagħti l-kontribuzzjoni lil Ġeħova.+ 15 L-għonja m’għandhomx jagħtu iktar, u l-batuti m’għandhomx jagħtu inqas minn nofs xekel,+ meta jagħtu l-kontribuzzjoni lil Ġeħova biex issir tpattija għal ruħkom.+ 16 U ħu l-flus tal-fidda tat-tpattija mingħand ulied Israel u agħtihom għas-servizz tat-tinda tal-laqgħa,+ sabiex iservu bħala tifkira quddiem Ġeħova għal ulied Israel, biex issir tpattija għal ruħkom.”
17 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè, u qallu: 18 “Agħmel vaska tar-ram aħmar u l-bażi tagħha tar-ram aħmar, għall-ħasil,+ u poġġiha bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u itfaʼ l-ilma fiha.+ 19 U Aron u wliedu jaħslu idejhom u saqajhom fiha.+ 20 Meta jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew meta jersqu ħdejn l-artal biex jaqdu sabiex jaħarqu offerta magħmula bin-nar lil Ġeħova,+ għandhom jinħaslu bl-ilma, għax inkella jmutu. 21 U jaħslu idejhom u saqajhom, għax inkella jmutu,+ u dan iservi bħala regolament għal żmien indefinit għalihom, għalih u għal uliedu matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom.”+
22 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 23 “U int, ħu għalik l-aqwa fwejjaħ:+ ħames mitt xekel qtar magħqud tal-mirra,+ u nofs dak l-ammont, mitejn u ħamsin xekel, kannella tfuħ,+ u mitejn u ħamsin xekel qasab aromatiku,+ 24 u ħames mitt xekel kassja,+ skond ix-xekel tal-post qaddis,+ u ħinn żejt taż-żebbuġa.+ 25 Imbagħad minnhom trid tagħmel żejt tad-dlik qaddis, ingwent, taħlita maħduma minn wieħed li jagħmel l-ingwent.+ Dan għandu jkun żejt tad-dlik qaddis.+
26 “U idlek bih it-tinda tal-laqgħa+ u l-arka tat-testimonjanza, 27 u l-mejda u l-għodod kollha tagħha u l-gandlier u l-għodod tiegħu u l-artal taʼ l-inċens, 28 u l-artal taʼ l-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu u l-vaska u l-bażi tagħha. 29 U qaddishom biex isiru tabilħaqq mill-iktar imqaddsin.+ Kulmin imisshom għandu jkun qaddis.+ 30 U idlek lil Aron+ u lil uliedu,+ u qaddishom biex jaqdu bħala qassisin għalija.+
31 “U kellem lil ulied Israel, u għidilhom, ‘Dan għandu jibqaʼ bħala żejt tad-dlik qaddis għalija matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.+ 32 M’għandux jindilek fuq ġisem il-bniedem, u bit-taħlita tiegħu tagħmlu xejn bħalu. Hu xi ħaġa qaddisa. Għandu jibqaʼ bħala xi ħaġa qaddisa għalikom. 33 Kulmin jagħmel ingwent bħalu u jqiegħed ftit minnu fuq xi individwu mhux awtorizzat* irid jiġi maqtugħ minn mal-poplu tiegħu.’”+
34 U Ġeħova ssokta jgħid lil Mosè: “Ħu għalik dawn il-fwejjaħ:+ qtar taʼ l-istakte u inċens ifuħ u galbanu jfuħ u inċens abjad pur.+ Għandu jkun hemm l-istess kwantità minn kull waħda. 35 Agħmel minnhom inċens,+ taħlita taʼ ħwawar, maħdum minn wieħed li jagħmel l-ingwent, bil-melħ,+ pur, xi ħaġa qaddisa. 36 U itħan ftit minnu fi trab fin u poġġi ftit minnu quddiem it-Testimonjanza fit-tinda tal-laqgħa,+ fejn se nidhirlek.+ Dan għandu jkun mill-iktar qaddis għalikom. 37 U l-inċens li tagħmel b’din it-taħlita, ma tridux tagħmluh għalikom infuskom.+ Għalik irid jibqaʼ bħala xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova.+ 38 Kulmin jagħmel bħalu biex jieħu gost bir-riħa tiegħu jrid jiġi maqtugħ+ minn mal-poplu tiegħu.”