Numri
14 Imbagħad il-ġemgħa kollha għolliet leħinha, u n-nies baqgħu jgħajtu u jibku+ dak il-lejl kollu. 2 U l-ulied kollha taʼ Israel bdew igergru kontra Mosè u Aron,+ u l-ġemgħa kollha bdiet tgħid kontrihom: “Mhux li mitna fl-art taʼ l-Eġittu, jew mhux li mitna f’dan ix-xagħri! 3 U Ġeħova għala qed jiħodna f’din l-art biex immutu bis-sejf?+ In-nisa u ċ-ċkejknin tagħna se jinħatfu bħala priża.+ M’huwiex aħjar għalina jekk immorru lura l-Eġittu?”+ 4 Huma saħansitra waslu biex jgħidu lil xulxin: “Ejja naħtru kap, u mmorru lura l-Eġittu!”+
5 Għal dan, Mosè u Aron inxteħtu wiċċhom+ fl-art quddiem il-kongregazzjoni kollha tal-ġemgħa taʼ wlied Israel. 6 U Ġożwè, bin Nun,+ u Kaleb, bin Ġefunne,+ li kienu fost dawk li tkixxfu l-art, ċarrtu ħwejjiġhom,+ 7 u lill-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel qalulha dan: “L-art li għaddejna minnha biex nitkixxfuha, hija art tajba ħafna u ħafna.+ 8 Jekk Ġeħova kuntent bina,+ żgur li jdaħħalna f’din l-art u jagħtihielna; hija art li tnixxi ħalib u għasel.+ 9 Biss tirribellawx kontra Ġeħova;+ u tibżgħux min-nies tal-pajjiż,+ għax huma bħal ħobż għalina. Il-kenn tagħhom tbiegħed minn fuqhom,+ u Ġeħova hu magħna.+ Tibżgħux minnhom.”+
10 Madankollu, il-ġemgħa kollha qalet biex iħaġġruhom.+ U l-glorja taʼ Ġeħova dehret fuq it-tinda tal-laqgħa lill-ulied kollha taʼ Israel.+
11 Fl-aħħar, Ġeħova qal lil Mosè: “Kemm se jdumu+ dawn in-nies ma jurunix rispett,+ u kemm se jdumu jirrifjutaw li jpoġġu l-fidi fija minkejja s-sinjali kollha li wettaqt fosthom?+ 12 Ħa nolqothom bil-pesta u nkeċċihom, u ħa nagħmel lilek ġens akbar u iktar setgħan minnhom.”+
13 Imma Mosè qal lil Ġeħova: “Imbagħad l-Eġizzjani, li minn ġo nofshom int bil-qawwa tiegħek ħriġt lil dan il-poplu, se jisimgħu dan.+ 14 U se jgħiduh lill-abitanti taʼ din l-art. Huma semgħu li int, Ġeħova, qiegħed qalb dan il-poplu,+ u li tidher wiċċ imbwiċċ.+ Semgħu li int Ġeħova, u li s-sħaba tiegħek qiegħda fuqhom, u li int timxi quddiemhom f’kolonna tas-sħab bi nhar u f’kolonna tan-nar bil-lejl.+ 15 Li kieku kellek toqtol lil dan il-poplu f’daqqa bħal bniedem wieħed,+ il-ġnus li semgħu bil-fama tiegħek żgur li jgħidu dan, 16 ‘Peress li Ġeħova ma kellux il-ħila jdaħħal lil dan il-poplu fl-art li kien ħalfilhom dwarha, qatilhom fix-xagħri.’+ 17 U issa, jekk jogħġbok, ħa jidher il-kobor tal-qawwa tiegħek,+ O Ġeħova, sewwasew bħalma tkellimt, u għedt, 18 ‘Ġeħova, bil-mod biex jirrabja+ u għani fil-qalb tajba bl-imħabba,+ jaħfer l-iżball u l-ksur tal-liġi,+ imma bl-ebda mod ma jeħles lil dak li jkun mill-kastig,+ u jġib il-kastig għall-iżball tal-missirijiet fuq l-ulied, fuq it-tielet ġenerazzjoni u fuq ir-rabaʼ ġenerazzjoni.’+ 19 Jekk jogħġbok, aħfer l-iżball taʼ dan il-poplu skond il-kobor tal-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, u bħalma ħfirt lil dan il-poplu mindu ħareġ mill-Eġittu s’issa.”+
20 Imbagħad Ġeħova qal: “Jien fil-fatt se naħfer skond kelmtek.+ 21 U, mill-banda l-oħra, daqskemm jien ħaj, l-art kollha se timtela bil-glorja taʼ Ġeħova.+ 22 Imma l-irġiel kollha li raw il-glorja+ tiegħi u s-sinjali+ li wettaqt fl-Eġittu u fix-xagħri, u madankollu baqgħu jgħadduni minn prova+ dawn l-għaxar darbiet, u ma semgħux minn leħni,+ 23 qatt ma se jaraw l-art li dwarha ħlift lil missirijiethom, iva, dawk li m’humiex juruni rispett mhux se jarawha.+ 24 Imma għax il-qaddej tiegħi Kaleb+ wera li kellu spirtu differenti u mexa għalkollox warajja,+ jien żgur li ndaħħlu fl-art li mar fiha, u nislu se jiħodha f’idejh.+ 25 Waqt li l-Għamalekin u l-Kangħanin+ qed jgħammru fil-pjanura l-baxxa, intom għada duru u itilqu biex tmorru fix-xagħri mit-triq li tagħti għall-Baħar l-Aħmar.”+
26 U Ġeħova ssokta jkellem lil Mosè u lil Aron u jgħidilhom: 27 “Kemm se ddum din il-ġemgħa mill-agħar tgerger kontrija?+ Jien smajt it-tgergir taʼ wlied Israel li qed igergru kontrija.+ 28 Għidilhom, ‘“Daqskemm jien ħaj,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “preċiż bħalma smajtkom tgħidu, hekk se nagħmlilkom!+ 29 F’dan ix-xagħri jaqgħu l-iġsma mejtin tagħkom,+ iva, dawk kollha li ġew reġistrati minn fostkom, minn għoxrin sena ’l fuq, intom li gergirtu kontrija.+ 30 Intom, iva, intom, ma tidħlux fl-art li jien għollejt idi+ b’ħalfa biex ngħammar magħkom fiha, ħlief Kaleb, bin Ġefunne, u Ġożwè, bin Nun.+
31 “‘“U ċ-ċkejknin tagħkom li għedtu li se jinħatfu bħala priża,+ lil dawn ukoll se ndaħħalhom, u huma tabilħaqq li se jaraw l-art li ċħadtu intom.+ 32 Imma l-iġsma mejtin tagħkom stess se jaqgħu f’dan ix-xagħri.+ 33 U wliedkom isiru rgħajja fix-xagħri+ għal erbgħin sena, u jkollhom iwieġbu għaż-żína tagħkom,+ sakemm l-iġsma mejtin tagħkom jintemmu fix-xagħri.+ 34 Skond l-għadd tal-jiem li fihom tkixxiftu l-art, erbgħin jum,+ jum għal sena, jum għal sena,+ tridu twieġbu għall-iżbalji tagħkom għal erbgħin sena,+ biex tkunu tafu x’jiġifieri li jien sirt barrani għalikom.+
35 “‘“Jien, Ġeħova, tkellimt dan: żgur li hekk se nagħmlilha lil din il-ġemgħa mill-agħar kollha,+ dawk li nġemgħu flimkien kontrija: F’dan ix-xagħri se jintemmu, u hemmhekk se jmutu.+ 36 U l-irġiel li ntbagħtu minn Mosè biex jitkixxfu l-art u li, meta reġgħu lura, ġiegħlu lill-ġemgħa kollha tgerger kontrih, billi ġabu rapport ħażin kontra l-art,+ 37 iva, l-irġiel li ġabu r-rapport ħażin dwar l-art se jmutu minħabba l-flaġell mingħand Ġeħova.+ 38 Imma, minn dawk l-irġiel li marru jitkixxfu l-art, Ġożwè, bin Nun, u Kaleb, bin Ġefunne, żgur li jibqgħu ħajjin.”’”+
39 Meta Mosè qal dan il-kliem lill-ulied kollha taʼ Israel, in-nies bdew jitnikktu ferm.+ 40 Iktar minn hekk, qamu kmieni fil-għodu u pprovaw jitilgħu sal-quċċata tal-muntanja, u qalu: “Hawn aħna, u se nitilgħu lejn il-post li semma Ġeħova. Għax dnibna.”+ 41 Imma Mosè qalilhom: “Għala qed tiksru l-ordni taʼ Ġeħova?+ Dan xejn ma jiswielkom. 42 Titilgħux, għax Ġeħova mhux qiegħed f’nofskom, li ma tiġux megħlubin mill-għedewwa tagħkom.+ 43 Għax l-Għamalekin u l-Kangħanin qegħdin hemmhekk quddiemkom;+ u intom żgur li se tmutu bis-sejf, għaliex, minħabba li dortu lura u ma bqajtux timxu wara Ġeħova, Ġeħova mhux se jibqaʼ magħkom.”+
44 Madankollu, huma webbsu rashom biex jitilgħu sal-quċċata tal-muntanja,+ imma kemm l-arka tal-patt taʼ Ġeħova u kemm Mosè ma ċċaqalqux minn nofs il-kamp.+ 45 Imbagħad l-Għamalekin+ u l-Kangħanin li kienu qed jgħammru fuq dik il-muntanja niżlu u bdew jidorbuhom u xerrduhom sa Ħorma.+