Atti
7 Imma l-qassis il-kbir qallu: “Minnu dan?” 2 Stiefnu qal: “Irġiel, aħwa u missirijiet, isimgħu. L-Alla tal-glorja+ deher lil missierna Abraham waqt li dan kien fil-Mesopotamja, qabel ma mar joqgħod f’Ħaran,+ 3 u qallu, ‘Oħroġ minn artek u minn fost qrabatek u ejja fl-art li nurik.’+ 4 Imbagħad ħareġ mill-art tal-Kaldin u mar joqgħod f’Ħaran. U minn hemmhekk, wara li miet missieru,+ Alla ġiegħlu jiġi joqgħod f’din l-art li issa qed tgħammru fiha intom.+ 5 Iżda fiha ma tah l-ebda proprjetà li tistaʼ tintiret, le, lanqas daqs rifsa taʼ sieq;+ imma, waqt li kien għadu bla tfal,+ wiegħdu li jagħtihielu bħala proprjetà,+ u lil nislu warajh.+ 6 Iktar minn hekk, Alla qallu wkoll li d-dixxendenti tiegħu se jkunu residenti barranin+ f’art barranija+ u n-nies kellhom jagħmluhom ilsiera u jgħakksuhom għal erbaʼ mitt sena.+ 7 ‘U lil dak il-ġens li jkunu lsiera tiegħu niġġudikah,’+ qal Alla, ‘u wara dan joħorġu u jagħtuni servizz sagru f’dan il-post.’+
8 “Tah ukoll il-patt taċ-ċirkonċiżjoni;+ u b’hekk sar missier Iżakk+ u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni fit-tmien jum,+ u Iżakk nissel lil Ġakobb, u Ġakobb lit-tnax-il patrijarka.+ 9 U l-patrijarki għeru+ għal Ġużeppi u bigħuh fl-Eġittu.+ Imma Alla kien miegħu,+ 10 u ħelsu mit-tribulazzjonijiet kollha tiegħu u tah li jsib il-ħniena u juri l-għerf quddiem il-Fargħun, is-sultan taʼ l-Eġittu. U l-Fargħun ħatru biex jiggverna lill-Eġittu u lil daru kollha.+ 11 Imma waqaʼ ġuħ kbir fl-art kollha taʼ l-Eġittu u taʼ Kangħan, saħansitra tribulazzjoni kbira; u missirijietna ma sabux ikel.+ 12 Imma Ġakobb semaʼ li kien hemm l-ikel fl-Eġittu+ u bagħat lil missirijietna hemmhekk l-ewwel darba.+ 13 U t-tieni darba Ġużeppi għarraf lil ħutu min kien;+ u l-Fargħun sar jaf lir-razza taʼ Ġużeppi.+ 14 Għalhekk, Ġużeppi bagħat għal missieru Ġakobb u għal qrabatu kollha minn dak il-post,+ b’kollox ħamsa u sebgħin* ruħ.+ 15 Ġakobb niżel l-Eġittu,+ fejn miet,+ u hekk ukoll missirijietna,+ 16 u ttieħdu Sikem+ u tqiegħdu fil-qabar+ li Abraham kien xtara bil-prezz taʼ somma flus tal-fidda mingħand ulied Ħamor f’Sikem.+
17 “Hekk kif kien riesaq iż-żmien biex titwettaq il-wegħda li Alla kien stqarr lil Abraham bi kliem ċar, il-poplu kiber u żdied fl-Eġittu,+ 18 sakemm fl-Eġittu telaʼ sultan differenti li ma kienx jaf b’Ġużeppi.+ 19 Dan is-sultan uża l-makakkerija kontra r-razza tagħna+ u sforza inġustament lill-missirijiet biex jabbandunaw lit-trabi tagħhom, sabiex ma jitħallewx ħajjin.+ 20 F’dak iż-żmien partikulari twieled Mosè,+ li kien sabiħ ħafna anki f’għajnejn Alla.+ U għal tliet xhur ħadu ħsiebu f’dar missieru. 21 Imbagħad meta telquh, bint il-Fargħun refgħetu u rabbietu bħallikieku kien binha stess.+ 22 Għaldaqstant, Mosè kien istruwit fl-għerf kollu+ taʼ l-Eġizzjani. Fil-fatt, kien setgħan fi kliemu+ u f’għemilu.
23 “Issa, meta kien wasal biex jagħlaq l-erbgħin sena, f’qalbu ħass li għandu jmur jara lil ħutu, ulied Israel.+ 24 X’ħin ra wieħed qed jiġi trattat inġustament, iddefendieh u, billi qatel lill-Eġizzjan, għamel vendetta għal dak li kien qed jiġi maħqur.+ 25 Ħaseb li ħutu kienu se jifhmu li Alla kien qed jagħtihom is-salvazzjoni permezz tiegħu,+ imma ma fehmux. 26 U l-għada deher quddiemhom waqt li kienu qed jiġġieldu, u pprova jerġaʼ jagħmilhom paċi+ u qalilhom, ‘Irġiel, intom aħwa. Għala qed tittrattaw lil xulxin inġustament?’+ 27 Imma dak li kien qed jittratta lil sieħbu inġustament imbottah u qallu, ‘Min ħatrek ħakkiem u mħallef fuqna?+ 28 Ma tridx toqtolni bħalma qtilt lill-Eġizzjan il-bieraħ, hux?’+ 29 Għal dan il-kliem, Mosè ħarab u sar resident barrani fl-art taʼ Midjan,+ fejn sar il-missier taʼ żewġ subien.+
30 “U meta għaddew erbgħin sena, deherlu anġlu fix-xagħri tal-Muntanja Sinaj f’nar iħeġġeġ ġo għollieqa.+ 31 Issa x’ħin ra dan, Mosè baqaʼ mgħaġġeb bid-dehra.+ Imma hekk kif kien riesaq biex jara mill-viċin, ġie leħen Ġeħova, 32 ‘Jien l-Alla taʼ missirijietek, l-Alla t’Abraham u taʼ Iżakk u taʼ Ġakobb.’+ Jitriegħed bil-biżaʼ, Mosè ma ssograx jersaq iktar viċin. 33 Qallu Ġeħova, ‘Neħħi s-sandli minn saqajk, għax il-post li int wieqaf fuqu hu art qaddisa.+ 34 Tabilħaqq, jien rajt it-trattament inġust tan-nies tiegħi li qegħdin l-Eġittu,+ u smajt il-krib tagħhom+ u nżilt neħlishom.+ U issa ejja ħa nibagħtek lejn l-Eġittu.’+ 35 Lil dan Mosè, li kienu ċaħduh billi qalulu, ‘Min ħatrek ħakkiem u mħallef?’+ lilu bagħat Alla+ bħala ħakkiem u ħellies permezz taʼ l-anġlu li deherlu fl-għollieqa. 36 Dan ir-raġel ħariġhom+ wara li għamel għeġubijiet u sinjali fl-Eġittu+ u fil-Baħar l-Aħmar+ u fix-xagħri għal erbgħin sena.+
37 “Dan hu l-istess Mosè li qal lil ulied Israel, ‘Alla jqajmilkom minn fost ħutkom profeta bħali.’+ 38 Hu+ dak li kien fost il-kongregazzjoni+ fix-xagħri maʼ l-anġlu,+ li kellmu fuq il-Muntanja Sinaj, u maʼ missirijietna, u li ngħata dikjarazzjonijiet sagri+ ħajjin biex jagħtihomlkom. 39 Kien lilu li missirijietna ma ridux jobdu, u warrbuh+ u fi qlubhom daru lura lejn l-Eġittu+ 40 billi qalu lil Aron, ‘Agħmlilna allat biex jimxu qabilna. Għax dan Mosè, li ħariġna mill-art taʼ l-Eġittu, ma nafux xi ġralu.’+ 41 Għalhekk, f’dawk il-jiem+ għamlu għoġol u offrew sagrifiċċju lill-idolu u bdew jieħdu pjaċir b’xogħol idejhom.+ 42 Għalhekk, Alla tahom dahru u telaqhom+ biex jagħtu servizz sagru lill-armata tas-sema, bħalma hu miktub fi ktieb il-profeti,+ ‘Intom mhux lili offrejtu vittmi u sagrifiċċji għal erbgħin sena fix-xagħri, hux hekk, O dar taʼ Israel?+ 43 Imma rfajtu t-tinda taʼ Molok+ u l-kewkba+ taʼ l-alla Refan, il-figuri li għamiltu biex tqimuhom. Għaldaqstant neżiljakom+ lil hinn minn Babilonja.’
44 “Missirijietna kellhom it-tinda tax-xiehda fix-xagħri, bħalma Alla ordna lil Mosè meta qallu biex jagħmilha skond il-mudell li kien ra.+ 45 U missirijietna, li wirtuha, daħħluha flimkien maʼ Ġożwè+ fl-art tal-ġnus,+ li Alla keċċa minn quddiem missirijietna.+ Hemmhekk baqgħet sa jiem David. 46 Dan ġie approvat+ f’għajnejn Alla u talab biex ikollu l-privileġġ li lill-Alla taʼ Ġakobb jipprovdilu fejn joqgħod.+ 47 Madankollu, kien Salamun li bnielu dar.+ 48 Iżda, l-Iktar Għoli ma jgħammarx fi djar magħmulin bl-idejn;+ bħalma jgħid il-profeta, 49 ‘Is-sema t-tron tiegħi,+ u l-art il-banketta għal saqajja.+ Liema xorta taʼ dar tibnuli? jgħid Ġeħova. Jew liema hu l-post għall-mistrieħ tiegħi?+ 50 Mhux idi għamlet dan kollu?’+
51 “Irġiel stinati li m’intomx ċirkonċiżi fi qlubkom+ u f’widnejkom, intom dejjem tirreżistu l-ispirtu qaddis; bħalma għamlu missirijietkom, hekk tagħmlu intom.+ 52 Lil liema wieħed mill-profeti ma ppersegwitawx missirijietkom?+ Iva, huma qatlu+ lil dawk li ħabbru minn qabel il-miġja tal-Ġust,+ li issa intom sirtu t-tradituri u l-qattilin tiegħu,+ 53 intom li rċivejtu l-Liġi kif ngħatat mill-anġli+ imma ma żammejtuhiex.”
54 Malli semgħu dan, intlaqtu fil-laħam il-ħaj+ u bdew jgħażżu+ snienhom għalih. 55 Imma billi kien mimli bl-ispirtu qaddis, ħares fiss lejn is-sema u ra l-glorja t’Alla u lil Ġesù fuq il-leminija t’Alla+ 56 u qal: “Ara! Qed nara s-smewwiet miftuħin+ u Bin il-bniedem+ fuq il-leminija t’Alla.”+ 57 Għal dan, infexxew jgħajtu kemm jifilħu u poġġew idejhom fuq widnejhom+ u ġrew għal fuqu b’fehma waħda. 58 U wara li tefgħuh barra l-belt,+ bdew iwaddbulu l-ġebel.+ U x-xhieda+ tefgħu ħwejjiġhom f’riġlejn żagħżugħ jismu Sawl.+ 59 U baqgħu jwaddbu l-ġebel lil Stiefnu hu u jitlob bil-ħrara u jgħid: “Mulej Ġesù, ilqaʼ l-ispirtu tiegħi.”+ 60 Imbagħad niżel għarkopptejh u għajjat b’leħen qawwi: “Ġeħova, takkużahomx b’dan id-dnub.”+ U wara li qal dan, raqad fil-mewt.