Atti
14 Issa f’Ikonju+ daħlu flimkien fis-sinagoga+ tal-Lhud u tkellmu b’tali mod li emmnet kotra kbira, kemm taʼ Lhud kif ukoll taʼ Griegi.+ 2 Imma l-Lhud li m’emmnux xewxu+ u għawew lin-nies tal-ġnus kontra l-aħwa.+ 3 Għalhekk, qattgħu ħafna ħin jitkellmu bil-qlubija permezz taʼ l-awtorità li tahom Ġeħova, li xehed għall-kelma tal-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu b’sinjali u għeġubijiet li ppermetta li jseħħu minn idejhom.+ 4 Madankollu, il-kotra tan-nies fil-belt kienet maqsuma, xi wħud kienu favur il-Lhud u oħrajn favur l-appostli. 5 Issa, meta kien hemm attentat vjolenti min-naħa tan-nies tal-ġnus u min-naħa tal-Lhud mal-ħakkiema tagħhom biex jinsultawhom u jħaġġruhom,+ 6 huma ġew mgħarrfin b’dan u ħarbu+ lejn il-bliet taʼ Listra u Derbe, fil-Likaonja, u l-art taʼ madwar; 7 u hemmhekk komplew ixandru l-aħbar tajba.+
8 Issa f’Listra kien hemm wieħed raġel bil-qiegħda b’diżabilità f’saqajh, zopp minn ġuf ommu,+ u li qatt ma kien mexa. 9 Hu kien qed jismaʼ lil Pawlu jitkellem, u dan, meta ħares fiss lejh u ra li kellu l-fidi+ li jiġi mfejjaq, 10 qallu b’leħen għoli: “Qum u ieqaf fuq saqajk.” U dak qam b’qabża u beda jimxi.+ 11 Meta raw x’kien għamel Pawlu, il-folol għollew leħinhom u qalu bl-ilsien tal-Likaonja: “L-allat+ saru bħal bnedmin u niżlu għandna!” 12 U lil Barnaba bdew jgħidulu Żews, imma lil Pawlu Erme, għax hu kien il-kelliemi ewlieni. 13 U l-qassis taʼ Żews, li t-tempju tiegħu kien quddiem il-belt, ġab barrin u girlandi fil-bieb u ried joffri sagrifiċċji+ mal-folol.
14 Madankollu, meta semgħu b’dan, l-appostli Barnaba u Pawlu ċarrtu lbieshom u qabżu f’nofs il-folla jgħajtu 15 u jgħidu: “Irġiel, għala qed tagħmlu dan? Aħna wkoll bnedmin+ bl-istess dgħjufijiet+ bħal tagħkom, u qed inxandrulkom l-aħbar tajba, biex tħallu dawn il-frugħat+ u dduru lejn l-Alla l-ħaj,+ li għamel is-sema+ u l-art u l-baħar u kulma fihom. 16 Fil-ġenerazzjonijiet li għaddew hu ppermetta lill-ġnus kollha jkomplu mexjin fi triqathom,+ 17 għalkemm, fil-fatt, ma ħalliex lilu nnifsu mingħajr xiehda billi għamel it-tajjeb+ u takom ix-xita+ mis-sema u l-istaġuni tal-frott u mlielkom qlubkom għalkollox bl-ikel u bil-ferħ.”+ 18 Imma minkejja li qalulhom dan, bilkemm setgħu jżommu lill-folol milli jissagrifikawlhom.
19 Imbagħad waslu xi Lhud minn Antjokja u Ikonju u pperswadew lill-folol,+ u dawn ħaġġru lil Pawlu u kaxkruh barra l-belt, għax ħasbu li kien mejjet.+ 20 Madankollu, meta daru miegħu d-dixxipli, qam u daħal il-belt. U l-għada telaq maʼ Barnaba lejn Derbe.+ 21 U wara li xandru l-aħbar tajba lil dik il-belt u għamlu ftit dixxipli mhux ħażin,+ reġgħu marru Listra u Ikonju u Antjokja, 22 isaħħu lid-dixxipli+ u jinkuraġġuhom biex jibqgħu fil-fidi u jgħidulhom: “Jeħtieġ li fis-saltna t’Alla nidħlu permezz taʼ ħafna tribulazzjonijiet.”+ 23 Barra minn hekk, ħatrulhom anzjani+ f’kull kongregazzjoni u, wara li talbu u samu,+ irħewhom f’idejn Ġeħova+ li kienu saru jemmnu fih.
24 U għaddew mill-Pisidja u ġew il-Pamfilja,+ 25 u, wara li xandru l-kelma f’Perga, niżlu Attalija. 26 U minn hemmhekk salpaw lejn Antjokja,+ fejn kienu ġew fdati f’idejn Alla u l-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu għax-xogħol li wettqu bis-sħiħ.+
27 Meta waslu u laqqgħu ’l-kongregazzjoni, bdew jirrakkontaw+ kemm Alla kien għamel affarijiet permezz tagħhom, u li kien fetaħ il-bieb tal-fidi lill-ġnus.+ 28 U hemmhekk għamlu ftit taż-żmien mhux ħażin mad-dixxipli.