Levitiku
24 U Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 2 “Ordna lil ulied Israel biex iġibulek żejt pur minn żebbuġ misħuq għad-dawwala,+ biex il-musbieħ jinżamm mixgħul il-ħin kollu.+ 3 Aron għandu jqiegħdu bl-ordni ’l barra mill-purtiera tat-Testimonjanza fit-tinda tal-laqgħa sabiex jibqaʼ mixgħul il-ħin kollu minn fil-għaxija sa fil-għodu quddiem Ġeħova. Dan hu statut għal żmien indefinit matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom. 4 Fuq il-gandlier+ tad-deheb pur għandu jqiegħed l-imsiebaħ+ bl-ordni quddiem Ġeħova l-ħin kollu.+
5 “U ħu dqiq fin u bih aħmi tnax-il ftira. Kull ftira tkun taʼ tnejn minn kull għaxra t’efa. 6 U poġġihom f’żewġ ringieli taʼ saffi, sitta kull ringiela,+ fuq il-mejda tad-deheb pur quddiem Ġeħova.+ 7 U qiegħed inċens abjad pur fuq kull ringiela taʼ saffi, u jrid iservi bħala l-ħobż li jkun bħala tfakkira,+ offerta magħmula bin-nar lil Ġeħova. 8 Kull jum taʼ Sabat wara l-ieħor għandu jqiegħdu bl-ordni quddiem Ġeħova l-ħin kollu.+ Dan hu patt għal żmien indefinit maʼ wlied Israel. 9 U dan isir t’Aron u taʼ wliedu,+ u jridu jikluh f’post qaddis,+ għaliex hu xi ħaġa mill-iktar qaddisa għalih mill-offerti taʼ Ġeħova magħmulin bin-nar, bħala regolament għal żmien indefinit.”
10 Issa bin mara Israelija, li, madankollu, kien bin raġel Eġizzjan,+ ħareġ f’nofs ulied Israel, u bin l-Israelija u raġel Israeli bdew jissieltu+ maʼ xulxin fil-kamp. 11 U bin il-mara Israelija beda jidgħi bl-Isem+ u jisħtu.+ Għalhekk, ġabuh għand Mosè.+ Issa ommu kien jisimha Selomit, bint Dibri mit-tribù taʼ Dan. 12 Imbagħad żammewh maqful+ sakemm issirilhom dikjarazzjoni ċara skond il-kelma taʼ Ġeħova.+
13 U Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 14 “Oħroġ ’il barra mill-kamp+ lil dak li seħet; u dawk kollha li semgħuh iridu jqiegħdu idejhom+ fuq rasu, u l-ġemgħa kollha trid tħaġġru.+ 15 U għandek tkellem lil ulied Israel u tgħidilhom, ‘Jekk xi raġel jisħet lil Alla tiegħu, irid iwieġeb għad-dnub tiegħu. 16 Għalhekk, dak li dagħa bl-isem taʼ Ġeħova żgur li għandu jingħata l-mewt.+ Il-ġemgħa kollha żgur li għandha tħaġġru. Ir-resident barrani l-istess bħal min jitwieled fil-pajjiż għandu jingħata l-mewt talli jkun dagħa bl-Isem.+
17 “‘U jekk raġel jaħbat għal xi ruħ mill-bnedmin u joqtolha, żgur li għandu jingħata l-mewt.+ 18 U min jaħbat għar-ruħ t’annimal domestiku u joqtolha għandu jagħti kumpens għaliha, ruħ b’ruħ.+ 19 U jekk raġel jimmanka lil sieħbu, bħalma jkun għamel hu, hekk għandhom jagħmlulu.+ 20 Ksur bi ksur, għajn b’għajn, sinna b’sinna; l-istess tip taʼ mankament li jikkaġuna fil-bniedem għandu jiġi kaġunat fuqu.+ 21 U min jaħbat għal xi bhima+ u joqtolha għandu jagħti kumpens+ għaliha, imma min jaħbat għal xi bniedem u joqtlu għandu jingħata l-mewt.+
22 “‘Deċiżjoni ġudizzjarja waħda għandha tgħodd għalikom. Ir-resident barrani għandu jkun l-istess bħal min jitwieled fil-pajjiż,+ għaliex jien Ġeħova Alla tagħkom.’”+
23 Wara dan, Mosè kellem lil ulied Israel, u dawn ħarġu ’l barra mill-kamp lil dak li kien seħet, u ħaġġruh.+ B’hekk, ulied Israel għamlu sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.