Eżodu
31 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Ara! Insejjaħ b’ismu lil Besalel,+ bin Uri, bin Ħur, mit-tribù taʼ Ġuda.+ 3 U nimlieh bl-ispirtu t’Alla fl-għerf u fl-abbiltà li jifhem u fl-għarfien u f’kull xorta taʼ ħila fis-sengħa,+ 4 biex ifassal proġetti, biex jaħdem fid-deheb u l-fidda u r-ram aħmar,+ 5 u biex jaħdem il-ħaġar għat-tqegħid+ u biex jaħdem l-injam ħalli jagħmel oġġetti taʼ kull xorta.+ 6 U ara! Jien inpoġġi miegħu lil Oħolijab, bin Aħisamak, mit-tribù taʼ Dan,+ u nqiegħed l-għerf f’qalb kulmin hu tas-sengħa, biex jagħmlu tabilħaqq kulma kkmandajtek:+ 7 it-tinda tal-laqgħa+ u l-Arka+ għat-testimonjanza u l-għatu li qiegħed fuqha,+ u l-għodod kollha tat-tinda, 8 u l-mejda u l-għodod tagħha,+ u l-gandlier tad-deheb pur u l-għodod kollha tiegħu,+ u l-artal taʼ l-inċens,+ 9 u l-artal taʼ l-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu,+ u l-vaska u l-bażi tagħha,+ 10 u l-ilbies minsuġ fin u l-ilbies qaddis għal Aron, il-qassis, u l-ilbies taʼ wliedu biex jaqdu bħala qassisin;+ 11 u ż-żejt tad-dlik u l-inċens ifuħ għas-santwarju.+ Għandhom jagħmlu skond kulma kkmandajtek.”
12 U Ġeħova qal ukoll lil Mosè: 13 “Int trid tkellem lil ulied Israel u tgħidilhom, ‘Fuq kollox għandkom tħarsu s-Sabatijiet tiegħi,+ għax dan hu sinjal bejni u bejnkom matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom sabiex tkunu tafu li jien Ġeħova qed inqaddiskom.+ 14 U tridu tħarsu s-Sabat, għax hu xi ħaġa qaddisa għalikom.+ Min jipprofanah żgur li jingħata l-mewt.+ Jekk xi ħadd jagħmel xi xogħol fih, din ir-ruħ trid tiġi maqtugħa minn nofs il-poplu.+ 15 F’sitt ijiem isir ix-xogħol, imma s-sebaʼ jum ikun Sabat taʼ mistrieħ komplet.+ Hu xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. Kulmin jagħmel xi xogħol f’jum is-Sabat żgur li jingħata l-mewt. 16 U wlied Israel iridu jħarsu s-Sabat, sabiex iwettqu s-Sabat matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom. Hu patt għal żmien indefinit.+ 17 Hu sinjal għal żmien indefinit bejni u bejn ulied Israel,+ għaliex f’sitt ijiem Ġeħova għamel is-smewwiet u l-art u fis-sebaʼ jum waqaf mix-xogħol u beda jistrieħ.’”+
18 Issa malli kien spiċċa jitkellem miegħu fuq il-Muntanja Sinaj, hu ta lil Mosè żewġ twavel tat-Testimonjanza,+ twavel tal-ġebel miktubin bis-sabaʼ t’Alla.+