Luqa
9 Imbagħad sejjaħ lit-tnax flimkien u tahom qawwa u awtorità fuq id-demonji kollha u biex ifejqu l-mard.+ 2 U għalhekk bagħathom jippridkaw is-saltna t’Alla u jfejqu 3 u qalilhom: “Għall-vjaġġ tieħdu xejn, la bastun, la ħorġa taʼ l-ikel, la ħobż, la flus tal-fidda, u lanqas żewġ ilbiesi.+ 4 Imma kulfejn tidħlu f’xi dar, oqogħdu fiha u itilqu minn hemmhekk.+ 5 U kulfejn in-nies ma jilqgħukomx, intom u ħerġin minn dik il-belt+ farfru t-trab minn maʼ saqajkom bħala xiehda kontrihom.”+ 6 Imbagħad bdew il-vjaġġ u daru t-territorju, minn raħal għal raħal, ixandru l-aħbar tajba u jwettqu fejqan kullimkien.+
7 Issa Erodi,* il-ħakkiem tad-distrett, semaʼ b’kulma kien qed jiġri, u kien konfuż għall-aħħar għax xi wħud kienu qed jgħidu li Ġwanni kien ġie mqajjem mill-imwiet,+ 8 oħrajn li deher Elija, u jerġaʼ oħrajn li qam xi wieħed mill-profeti tal-qedem. 9 Qal Erodi: “Lil Ġwanni qtajtlu rasu.+ Allura, min hu dan li qed nismaʼ dawn l-affarijiet dwaru?” Għalhekk, kien qed jipprova+ jarah.
10 U meta l-appostli ġew lura, irrakkontawlu x’kienu għamlu.+ Imbagħad ħadhom miegħu u marru għalihom waħedhom+ f’belt jisimha Betsajda. 11 Imma l-folol saru jafu b’dan u marru warajh. U laqagħhom b’qalb tajba u beda jkellimhom dwar is-saltna t’Alla,+ u fejjaq lil dawk li kellhom bżonn xi fejqan.+ 12 Imbagħad il-jum kien wasal biex jintemm. Issa t-tnax resqu lejh u qalulu: “Ibgħatha l-folla, biex imorru fl-irħula u l-kampanja taʼ madwarna ħa jsibu fejn joqogħdu u jsibu x’jieklu, għax hawnhekk qegħdin fl-imwarrab.”+ 13 Imma hu qalilhom: “Agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.”+ Qalulu: “M’għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet,+ sakemm forsi ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha.”+ 14 Fil-fatt, kien hemm madwar ħamest elef raġel.+ Imma hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bil-qiegħda fi gruppi taʼ madwar ħamsin kull wieħed.”+ 15 U hekk għamlu, u ġegħluhom jinxteħtu bil-qiegħda lkoll. 16 Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, refaʼ għajnejh lejn is-sema, berikhom, qasamhom, u beda jagħtihom lid-dixxipli biex inewluhom lill-folla.+ 17 Għalhekk, kulħadd kiel u xebaʼ, u l-bċejjeċ żejda li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.+
18 Iktar tard, waqt li kien qed jitlob waħdu, ġew fuqu d-dixxipli, u staqsiehom: “Il-folol min qed jgħidu li jien?”+ 19 Wieġbu u qalulu: “Ġwanni l-Battista; imma oħrajn, Elija, u jerġaʼ oħrajn, li qam wieħed mill-profeti tal-qedem.”+ 20 Imbagħad qalilhom: “Iżda intom min tgħidu li jien?” Pietru wieġeb u qallu:+ “Il-Kristu+ t’Alla.” 21 Imbagħad widdibhom bis-serjetà u qalilhom biex dan ma jgħiduh lil ħadd,+ 22 imma qalilhom: “Bin il-bniedem se jgħaddi minn ħafna tbatijiet u jiġi miċħud mix-xjuħ u l-qassisin ewlenin u l-iskribi, u jiġi maqtul,+ u fit-tielet jum jiġi mqajjem.”+
23 Imbagħad kompla jgħid lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu+ u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu jum wara l-ieħor u jibqaʼ miexi warajja.+ 24 Għax kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija jsalvaha.+ 25 Tassew, x’jiswielu bniedem jekk jikseb id-dinja kollha imma jitlef ħajtu jew isofri l-ħsara?+ 26 Għax kulmin jistħi minħabba fija u minħabba kliemi, Bin il-bniedem jistħi minħabba fih meta jasal fil-glorja tiegħu u tal-Missier u taʼ l-anġli mqaddsa.+ 27 Imma ngħidilkom il-verità, Xi wħud minn dawk li qegħdin hawnhekk żgur ma jduqux il-mewt qabel ma jaraw is-saltna t’Alla.”+
28 Fil-fatt, xi tmint ijiem wara li qal dan, ħa miegħu lil Pietru u lil Ġwanni u lil Ġakbu u telaʼ fuq il-muntanja biex jitlob.+ 29 U kif kien qed jitlob, id-dehra+ taʼ wiċċu nbidlet u ħwejġu saru taʼ bjuda li tgħammex.+ 30 Ukoll, ara! Kien hemm żewġt irġiel jitkellmu miegħu, li kienu Mosè u Elija.+ 31 Dawn dehru bil-glorja u bdew jitkellmu dwar it-tluq tiegħu li hu kellu jwettaq f’Ġerusalemm.+ 32 Issa Pietru u dawk li kienu miegħu kellhom għajnejhom tqal bin-ngħas; imma meta qamu għalkollox raw il-glorja tiegħu+ u ż-żewġt irġiel weqfin ħdejh. 33 U waqt li dawn kienu qed jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna qegħdin hawnhekk; għalhekk, ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija,” għax ma kienx jaf x’qed jgħid.+ 34 Imma waqt li kien qed jgħid dan, ifformat sħaba u bdiet tgħattihom. Kif daħlu fis-sħaba, imtlew bil-biżaʼ.+ 35 U ġie leħen+ minn ġos-sħaba li qal: “Dan hu Ibni, il-magħżul.+ Isimgħu minnu.”+ 36 U waqt li nstemaʼ l-leħen, Ġesù kien waħdu.+ Imma huma qagħdu kwieti u dak iż-żmien ma qalu xejn lil ħadd dwar dak li raw.+
37 L-għada, meta niżlu minn fuq il-muntanja, iltaqgħet miegħu folla kbira.+ 38 U, ara! Raġel mill-folla għajjat u qal: “Għalliem, nitolbok bil-ħniena, ħares lejn ibni, għax m’għandix+ ħliefu.+ 39 U, ara! Jinħakem minn spirtu,+ u f’daqqa waħda jibda jgħajjat, u l-ispirtu jqabbdu l-aċċessjonijiet bir-ragħwa f’ħalqu u bilkemm jitilqu wara li jkun benġlu. 40 U tlabt bil-ħniena lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh, imma ma setgħux.”+ 41 Ġesù wieġeb u qal: “Ja ġenerazzjoni bla fidi u mgħawġa,+ kemm irrid indum magħkom u nissaportikom? Ġib lil ibnek hawnhekk.”+ 42 Imma anki x’ħin kien riesaq, id-demonju ħabbtu maʼ l-art u qabbdu aċċessjoni qawwija. Madankollu, Ġesù ċanfar lill-ispirtu mhux nadif u fejjaq lit-tifel u tah lil missieru.+ 43 U lkoll baqgħu mgħaġġbin bil-qawwa maestuża+ t’Alla.
Issa, waqt li lkoll kienu qed jistagħġbu b’kulma kien qed jagħmel, qal lid-dixxipli tiegħu: 44 “Iftħu widnejkom sew għal dan il-kliem, għax Bin il-bniedem għandu jingħata f’idejn il-bnedmin.”+ 45 Imma huma baqgħu ma fehmux dak li qalilhom. Fil-fatt, kien moħbi għalihom biex ma jifhmuhx, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li qalilhom.+
46 Imbagħad bdew jirraġunaw bejniethom dwar min se jkun l-akbar wieħed minnhom.+ 47 Peress li kien jaf x’kienu qed jirraġunaw fi qlubhom, Ġesù ħa tifel żgħir, qiegħdu maġenbu,+ 48 u qalilhom: “Kulmin jilqaʼ lil dan it-tifel f’ismi, jilqaʼ lili wkoll, u kulmin jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil dak li bagħatni.+ Għax min iġib ruħu bħal wieħed mill-iżgħar+ fostkom ilkoll, dan ikun il-kbir.”+
49 Għaldaqstant, Ġwanni qal: “Mgħallem, rajna wieħed raġel ikeċċi d-demonji+ f’ismek u aħna pprovajna nwaqqfuh,+ għax mhux qed jimxi warajk magħna.”+ 50 Imma Ġesù qallu: “Tipprovawx twaqqfuh, għax min mhux kontra tagħkom hu favur tagħkom.”+
51 Issa, hekk kif kien qed joqrob iż-żmien biex jittieħed fis-sema,+ kien determinat li jmur Ġerusalemm. 52 Għalhekk, bagħat xi messaġġiera qablu. U huma telqu u daħlu f’raħal tas-Samaritani+ biex iħejjulu; 53 imma dawn ma laqgħuhx, għax kien determinat li jmur Ġerusalemm.+ 54 Meta d-dixxipli Ġakbu u Ġwanni+ raw dan, qalulu: “Mulej, tridna ngħidu lin-nar+ jinżel mis-sema u jeqridhom?” 55 Imma hu dar u ċanfarhom. 56 Imbagħad marru f’raħal ieħor.
57 Issa, huma u mexjin fit-triq, xi ħadd qallu: “Jien niġi warajk kulfejn tmur.”+ 58 U Ġesù qallu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien u l-għasafar tas-sema għandhom il-bejtiet, imma Bin il-bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu.”+ 59 Imbagħad qal lil wieħed ieħor: “Kun segwaċi tiegħi.” Qallu r-raġel: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.”+ 60 Imma hu qallu: “Ħalli l-mejtin+ jidfnu l-mejtin tagħhom, imma int mur u xandar is-saltna t’Alla maʼ kullimkien.”+ 61 U jerġaʼ ieħor qallu: “Jien niġi warajk, Mulej; imma l-ewwel ħallini nsellem+ lil dawk taʼ dari.” 62 Qallu Ġesù: “Ebda bniedem li jkun poġġa idu fuq il-moħriet+ u jħares lejn dak li hemm warajh+ m’hu xieraq għas-saltna t’Alla.”