Ġwanni
16 “Għedtilkom dan biex ma titfixklux.+ 2 Għad ikeċċukom mis-sinagoga.+ Fil-fatt, ġejja s-siegħa meta kulmin joqtolkom jimmaġina li qed jagħti servizz sagru lil Alla.+ 3 Imma jagħmlu dan għax la saru jafu lill-Missier u lanqas lili.+ 4 Madankollu, għedtilkom dan sabiex, meta tasal is-siegħa tiegħu, tiftakru li għedthulkom.+
“Iżda, dan m’għedthulkomx mill-ewwel, għax kont magħkom. 5 Imma issa sejjer għand dak li bagħatni,+ u ħadd minnkom ma jistaqsini, ‘Fejn sejjer?’ 6 Imma għax għedtilkom dan, qlubkom imtlew bin-niket.+ 7 Madankollu, qed ngħidilkom il-verità, Hu għall-ġid tagħkom li se nitlaq. Għax jekk ma nitlaqx, l-ajjutant+ żgur ma jiġix għandkom; iżda jekk immur, nibagħthulkom. 8 U meta jasal, jagħti prova konvinċenti lid-dinja dwar id-dnub, dwar is-sewwa, u dwar il-ġudizzju:+ 9 l-ewwelnett, dwar id-dnub,+ għax m’humiex qed jeżerċitaw il-fidi fija;+ 10 imbagħad dwar is-sewwa,+ għax jien sejjer għand il-Missier u ma tarawnix iktar; 11 imbagħad dwar il-ġudizzju,+ għax il-ħakkiem taʼ din id-dinja ġie ġudikat.+
12 “Għad għandi ħafna x’ngħidilkom, imma fil-preżent ma tifilħux għalih.+ 13 Madankollu, meta jasal, l-ispirtu tal-verità,+ jiggwidakom lejn il-verità kollha, għax ma jitkellimx minn jeddu, imma jgħid dak li jismaʼ, u jxandrilkom dak li ġej.+ 14 Hu jigglorifikani,+ għax ixandrilkom dak li jirċievi mingħandi.+ 15 Kulma għandu l-Missier hu tiegħi.+ Għalhekk għedt li jxandrilkom dak li jirċievi mingħandi. 16 Ftit ieħor u ma tarawnix iktar;+ jerġaʼ ftit ieħor u tarawni.”
17 Imbagħad, xi wħud mid-dixxipli tiegħu bdew jgħidu lil xulxin: “Xi jfisser dan li qed jgħidilna, ‘Ftit ieħor u ma tarawnix iktar; jerġaʼ ftit ieħor u tarawni,’ u, ‘għax jien sejjer għand il-Missier’?” 18 Għaldaqstant, kienu qed jgħidu: “Xi jfisser dan li qed jgħid, ‘ftit ieħor’? Ma nafux fuqiex qed jitkellem.” 19 Ġesù kien jaf+ li riedu jistaqsuh, u għalhekk qalilhom: “Qed tistaqsu lil xulxin fuq dan, għax għedt, Ftit ieħor u ma tarawnix iktar; jerġaʼ ftit ieħor u tarawni? 20 Tassew, tassew, ngħidilkom, Intom tibku u tolfqu, imma d-dinja tifraħ; intom titnikktu,+ imma n-niket tagħkom jinbidel f’ferħ.+ 21 Meta tkun qed tiled, mara jkollha n-niket, għax tkun waslet is-siegħa tagħha;+ imma meta tkun wildet it-tarbija, ma tiftakarx iktar it-tribulazzjoni minħabba l-ferħ li jkun twieled bniedem fid-dinja. 22 Bl-istess mod, intom ukoll qed ikollkom in-niket issa; imma jien nerġaʼ narakom u qlubkom jithennew,+ u l-ferħ tagħkom ħadd ma jiħodhulkom. 23 U dakinhar+ ma tistaqsuni xejn. Tassew, tassew, ngħidilkom, Jekk titolbu xi ħaġa+ lill-Missier f’ismi, jagħtihielkom.+ 24 S’issa għadkom ma tlabtu xejn f’ismi. Itolbu u taqilgħu, biex il-ferħ tagħkom jintgħamel sħiħ.+
25 “Dan għedthulkom bil-paraguni.+ Ġejja s-siegħa meta ma nitkellimx iktar magħkom bil-paraguni, imma nkellimkom b’mod ċar dwar il-Missier. 26 Dakinhar titolbu f’ismi, u ma ngħidilkomx li nitlob lill-Missier għalikom. 27 Għax il-Missier innifsu jurikom affezzjoni, għax lili wrejtuni affezzjoni+ u emmintu li ħriġt bħala r-rappreżentant tal-Missier.+ 28 Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja. Issa se nħalli d-dinja u sejjer għand il-Missier.”+
29 Qalu d-dixxipli tiegħu: “Ara! Issa qed titkellem b’mod ċar, u m’int iġġib ebda paragun. 30 Issa nafu li int taf kollox+ u m’għandekx bżonn min jistaqsik.+ B’dan nemmnu li int ħriġt mingħand Alla.”+ 31 Wiġibhom Ġesù: “Qed temmnu bħalissa? 32 Ara! Ġejja s-siegħa, u tabilħaqq ġiet, meta tixterdu kull wieħed lejn daru+ u tħalluni waħdi; u madankollu m’iniex waħdi, għax il-Missier qiegħed miegħi.+ 33 Għedtilkom dan sabiex permezz tiegħi jkollkom il-paċi.+ Fid-dinja qed ikollkom it-tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja.”+