Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
1-7 t’Ottubru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 9-10
“Ġesù jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu”
nwtsty midja
Maqjel tan-nagħaġ
Maqjel kien post magħluq disinjat biex jipproteġi n-nagħaġ minn ħallelin u minn annimali li setgħu joqtluhom. Ir-ragħajja kienu jżommu l-merħliet tagħhom fis-sigurtà taʼ maqjel matul il-lejl. Fi żminijiet tal-Bibbja, l-imqawel kienu strutturi mingħajr saqaf taʼ diversi għamliet u daqsijiet. Spiss kien ikollhom ħitan tal-ġebel u fetħa waħda. (Nu 32:16; 1Sa 24:3; So 2:6) Ġwanni tkellem dwar li jidħol f’maqjel “mill-bieb” li kien ikun mgħasses minn “min ikun mal-bieb.” (Ġw 10:1, 3) F’maqjel taʼ komunità, jistaʼ jkun li kien ikun hemm iktar minn merħla waħda li tqattaʼ l-lejl hemmhekk, u min kien ikun mal-bieb kien joqgħod għassa biex jipproteġi n-nagħaġ. Filgħodu, dan kien jiftaħ il-bieb għar-ragħajja. Kull ragħaj kien jiġbor il-merħla tiegħu billi jgħajjat lin-nagħaġ, u n-nagħaġ kienu jagħrfu leħen ir-ragħaj tagħhom u jmorru warajh. (Ġw 10:3-5) Ġesù rrefera għal din il-prattika biex juri l-mod taʼ kif kien jieħu ħsieb lid-dixxipli tiegħu.—Ġw 10:7-14.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 10:16
inġibhom: Jew “immexxihom.” Il-verb Grieg ago li ntuża hawnhekk jistaʼ jfisser “iġib” jew “imexxi,” jiddependi mill-kuntest. Manuskritt Grieg li jmur lura għal madwar is-sena 200 wara Kristu juża verb Grieg li għandu x’jaqsam miegħu (sinago) li spiss jiġi tradott “jiġbor.” Ġesù, bħala r-Ragħaj mill-Aħjar, jiġbor, jiggwida, jipproteġi, u jitmaʼ lin-nagħaġ li huma taʼ dan il-maqjel (jissejħu wkoll “merħla żgħira” f’Lq 12:32) u n-nagħaġ oħrajn tiegħu. Dawn isiru merħla waħda taħt ragħaj wieħed. Din it-tixbiha tenfasizza l-unità li kienu se jgawdu s-segwaċi taʼ Ġesù.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 9:38
miel quddiemu: Jew “urieh rispett; miel wiċċu lejn l-art.” Meta l-verb Grieg proskineo jintuża biex jirreferi għal qima lil alla jew divinità, dan jiġi tradott “qiem.” (Mt 4:10; Lq 4:8) Imma f’dan il-kuntest, ir-raġel imfejjaq, li kien twieled agħma, irrikonoxxa lil Ġesù bħala r-rappreżentant t’Alla u miel quddiemu. Hu ma qisux bħal Alla jew divinità, imma bħala “Bin il-bniedem” li kien imbassar, il-Messija b’awtorità divina. (Ġw 9:35) Meta r-raġel imfejjaq miel quddiem Ġesù, milli jidher hu għamel hekk b’mod simili għal kif kienu jagħmlu n-nies li jissemmew fl-Iskrittura Ebrajka. Huma kienu jmilu quddiem profeti, slaten, jew rappreżentanti oħra t’Alla meta kienu jiltaqgħu magħhom. (1Sa 25:23, 24; 2Sa 14:4-7; 1Sl 1:16; 2Sl 4:36, 37) Ħafna drabi, in-nies li kienu jmilu quddiem Ġesù kienu jagħmlu dan biex jesprimu gratitudni għal rivelazzjoni divina jew minħabba evidenza t’approvazzjoni divina.
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 10:22
il-festa tad-dedikazzjoni: L-isem Ebrajk taʼ din il-festa hu Ħannukah (ħannuka), li jfisser “Inawgurazzjoni; Dedikazzjoni.” Din il-festa kienet iddum tmint ijiem u kienet tibda fil-25 jum tax-xahar taʼ Kislew, viċin is-solstizju tax-xitwa (ara nota taʼ studju dwar ix-xitwa f’dan il-vers u sgd taqsima 19). Din kienet issir biex tfakkar id-dedikazzjoni mill-ġdid tat-tempju taʼ Ġerusalemm fis-sena 165 qabel Kristu. Is-sultan Sirjan Antijoku IV Epifani wera d-diżrispett tiegħu lejn Ġeħova, l-Alla tal-Lhud, billi każbar it-tempju t’Alla. Pereżempju, hu bena altar fuq l-altar il-kbir, fejn qabel kienet tiġi preżentata kuljum l-offerta tal-ħruq. Fil-25 taʼ Kislew, fis-sena 168 qabel Kristu, biex ikażbar għalkollox it-tempju taʼ Ġeħova, Antijoku ssagrifika ħanżir fuq l-altar u ferrex il-brodu tal-laħam tal-ħanżir fuq it-tempju kollu. Hu ħaraq il-bibien tat-tempju, ġarraf il-kmamar tal-qassisin, u ġarr l-altar tad-deheb, il-mejda tal-ħobż tal-preżenza, u l-gandlier tad-deheb. Imbagħad iddedika mill-ġdid it-tempju taʼ Ġeħova lil alla pagan Żews t’Olimpu. Sentejn wara, Ġuda l-Makkabi reġaʼ ħa taħt idejh il-belt u t-tempju. Wara li t-tempju ġie mnaddaf, reġgħet saret id-dedikazzjoni mill-ġdid fil-25 taʼ Kislew, fis-sena 165 qabel Kristu, tliet snin eżatt wara li Antijoku kien għamel dak is-sagrifiċċju diżgustanti fuq l-altar għal Żews. L-offerti tal-ħruq taʼ kuljum għal Ġeħova reġgħu bdew. M’hemm l-ebda stqarrija diretta fl-Iskrittura ispirata li tindika li Ġeħova ta rebħa lil Ġuda l-Makkabi u dderiġieh biex jirrestawra t-tempju. Madankollu, Ġeħova kien uża rġiel minn ġnus barranin, bħal Ċiru l-Persjan, biex iwettaq ċerti skopijiet rigward il-qima Tiegħu. (Is 45:1) Allura, hu raġunevoli li nikkonkludu li Ġeħova setaʼ uża raġel mill-poplu ddedikat tiegħu biex iwettaq ir-rieda Tiegħu. L-Iskrittura turi li t-tempju kellu jkun jeżisti u jiffunzjona biex ikunu jistgħu jitwettqu l-profeziji rigward il-Messija, il-ministeru tiegħu, u s-sagrifiċċju tiegħu. Ukoll, il-Leviti kellhom jibqgħu joffru s-sagrifiċċji sakemm il-Messija kellu jippreżenta l-akbar sagrifiċċju, jiġifieri l-ħajja tiegħu għall-benefiċċju tal-umanità. (Da 9:27; Ġw 2:17; Eb 9:11-14) Is-segwaċi taʼ Kristu ma kinux kmandati biex josservaw il-Festa tad-Dedikazzjoni. (Kol 2:16, 17) Madankollu, m’hemm imkien miktub li Ġesù jew id-dixxipli tiegħu kkundannaw iċ-ċelebrazzjoni taʼ din il-festa.
ix-xitwa: Din tirreferi għall-aħħar xitwa tal-ministeru taʼ Ġesù fis-sena 32. Il-Festa tad-Dedikazzjoni kienet fix-xahar taʼ Kislew, id-disaʼ xahar, li jiġi Novembru/Diċembru. Fis-sena 32, l-ewwel jum tal-festa, il-25 taʼ Kislew, ħabat f’nofs Diċembru. (Ara sgd taqsima 19.) Kienet xi ħaġa magħrufa sew fost il-Lhud li din il-festa kienet tiġi fix-xitwa. Allura l-fatt li fil-vers issemmiet ix-xitwa setaʼ kien biex jenfasizza kif kien it-temp u għala Ġesù għażel post kenni bħala post biex jgħallem fih—“il-loġġa taʼ Salamun.” (Ġw 10:23) Dan il-post kien joffri protezzjoni fix-xitwa mir-riħ qawwi mil-Lvant.—Ara sgd taqsima 15.
8-14 t’Ottubru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 11-12
“Imita l-mogħdrija taʼ Ġesù”
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 11:24, 25
Naf li jqum: Marta ħasbet li Ġesù kien qed jitkellem dwar l-irxoxt fil-futur, fl-aħħar jum. Il-fidi tagħha f’dan it-tagħlim kienet waħda straordinarja. Xi mexxejja reliġjużi taʼ żmienha, li kienu jissejħu s-Sadduċej, kienu jgħidu li m’hemmx irxoxt, minkejja li hu tagħlim ċar fl-Iskrittura ispirata. (Da 12:13; Mk 12:18) Mill-banda l-oħra, il-Fariżej kienu jemmnu bl-immortalità tar-ruħ. Madankollu, Marta kienet taf li Ġesù għallem dwar it-tama tal-irxoxt u saħansitra qajjem lil xi nies mill-mewt, għalkemm ħadd minnhom ma kien ilu mejjet daqskemm kien ilu Lazzru.
Jien l-irxoxt u l-ħajja: Il-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù stess fetħu t-triq biex il-mejtin jerġgħu jingħataw il-ħajja. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, Ġeħova mhux biss tah il-qawwa biex jirxoxta lill-mejtin imma wkoll biex jagħti l-ħajja eterna. F’Ri 1:18, Ġesù jsejjaħ lilu nnifsu “l-ħaj” li għandu “l-imfietaħ tal-mewt u tal-Qabar.” Għaldaqstant, Ġesù hu t-tama tal-ħajjin u tal-mejtin. Hu wiegħed li jiftaħ l-oqbra u jagħti l-ħajja lill-mejtin, jew fis-smewwiet bħala mexxejja sħabu jew fuq l-art ġdida mmexxija mill-gvern tiegħu fis-sema.—Ġw 5:28, 29; 2Pt 3:13.
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 11:33-35
jibku: Il-kelma Griega għal “biki” spiss tirreferi għal biki li jinstemaʼ. L-istess verb intuża għal Ġesù meta bassar il-qerda li kienet ġejja fuq Ġerusalemm.—Lq 19:41.
karab . . . u tnikket: Dawn iż-żewġ kelmiet flimkien fil-lingwa oriġinali jiddeskrivu l-emozzjonijiet qawwijin ħafna li Ġesù kellu f’din l-okkażjoni. Il-verb Grieg li jiġi tradott “karab” (embrimejomej) ġeneralment jirreferi għal sentiment qawwi, imma f’dan il-kuntest jindika li Ġesù tant ġie mqanqal li karab. Il-kelma Griega għal “tnikket” (tarasso) litteralment tirreferi għal meta wieħed ikun aġitat. Skont studjuż, f’dan il-kuntest tfisser “li tikkaġuna f’dak li jkun taqlib minn ġewwa; li teffettwa b’uġigħ jew niket kbir.” L-istess verb intuża fi Ġw 13:21 biex jiddeskrivi r-reazzjoni taʼ Ġesù għal ħsieb li jiġi tradut minn Ġuda.—Ara nota taʼ studju dwar Ġw 11:35.
fl-ispirtu tiegħu: Jew “fih innifsu.” Il-kelma Griega pnewma mid-dehra hawnhekk tintuża fis-sens taʼ forza li tinfluwenza lill-qalb figurattiva taʼ individwu u ġġiegħlu jgħid u jagħmel affarijiet b’ċertu mod.
qabiżlu d-dmugħ: Il-kelma użata hawnhekk (dakrijo) hi l-verb tan-nom Grieg “dmugħ” li hi użata fi skritturi bħal Lq 7:38; At 20:19, 31; Eb 5:7; Ri 7:17; 21:4. L-iffokar donnu hu iktar fuq id-dmugħ milli fuq il-biki li jinstemaʼ. Fl-Iskrittura Griega Kristjana, dan il-verb Grieg jintuża biss hawnhekk, u hu differenti mill-wieħed li ntuża fi Ġw 11:33 (ara nota taʼ studju) biex jiddeskrivi l-biki taʼ Marija u tal-Lhud. Ġesù kien jaf li kien se jirxoxta lil Lazzru, imma tnikket ferm meta ra l-ħbieb għeżież tiegħu tant imnikktin. Imqanqal minn imħabba u mogħdrija kbira għal ħbiebu, hu beka quddiemhom. Dan ir-rakkont juri b’mod ċar li Ġesù jħoss empatija għal dawk li jitilfu lill-maħbubin tagħhom fil-mewt.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 11:49
qassis il-kbir: Meta Iżrael kien ġens indipendenti, il-qassis il-kbir kien ikollu dan l-inkarigu għal għomru. (Nu 35:25) Madankollu, meta Iżrael kien taħt ir-Rumani, il-mexxejja inkarigati minn Ruma kellhom l-awtorità li jaħtru u jneħħu l-qassis il-kbir. Kajfa, li kien maħtur mir-Rumani, kien diplomatiku tas-sengħa li dam f’din il-pożizzjoni iktar minn dawk li kienu eżatt qablu. Hu ġie maħtur f’madwar is-sena 18 u baqaʼ f’dan l-inkarigu sa madwar is-sena 36 wara Kristu. Billi qal li Kajfa kien il-qassis il-kbir dik is-sena, jiġifieri fis-sena 33, Ġwanni milli jidher ried jgħid li l-perijodu li Kajfa kien qassis il-kbir kien jinkludi s-sena memorabbli li fiha Ġesù ġie maqtul.—Ara sgd taqsima 16 biex tara fejn setgħet kienet id-dar taʼ Kajfa.
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 12:42
mill-ħakkiema: Hawnhekk il-kelma Griega għal “ħakkiema” milli jidher tirreferi għal membri tal-qorti superjuri Lhudija, is-Sinedriju. Dan it-terminu jintuża fi Ġw 3:1 b’referenza għal Nikodemu, membru taʼ dik il-qorti.
sabiex ma jitkeċċewx mis-sinagoga: Jew “skomunikati; ma jistgħux jidħlu fis-sinagoga.” L-aġġettiv Grieg aposinagogos jintuża biss hawnhekk u fi Ġw 12:42 u 16:2. Persuna li kienet titkeċċa kienet tiġi mwarrba u mistmerra minn oħrajn, u b’hekk kienet tkun maqtugħa mis-soċjetà. Li wieħed jiġi maqtugħ minn Lhud oħrajn kien ikollu konsegwenzi ekonomiċi serji ħafna għall-familja. Is-sinagogi, li primarjament kienu jintużaw biex jgħallmu, kultant kienu jintużaw ukoll bħala qrati lokali li kellhom l-awtorità li jagħtu kastigi bħal swat u jkeċċu lil xi ħadd mill-komunità.
15-21 t’Ottubru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 13-14
“Ħallejtilkom mudell”
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 13:5
jaħsel saqajn id-dixxipli: F’Iżrael tal-qedem, is-sandli kien l-iktar ħaġa komuni li jintlibes fis-saqajn. Dan ma kien xejn iktar ħlief qiegħ marbut b’ċinga mas-sieq u l-għaksa. B’hekk, is-saqajn taʼ dawk li kienu jivvjaġġaw ma setgħux ma jitħammġux ladarba t-toroq u l-għelieqi kienu bit-trab u t-tajn. Għaldaqstant, kienet drawwa li individwu jneħħi s-sandli meta jidħol f’dar, u min kien ospitabbli kien jagħmel ċert li jiġu maħsulin is-saqajn taʼ min ikun stieden. Il-Bibbja fiha għadd taʼ referenzi għal din il-prattika. (Ġen 18:4, 5; 24:32; 1Sa 25:41; Lq 7:37, 38, 44) Meta Ġesù ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu, hu uża din id-drawwa biex jagħtihom lezzjoni f’dik li hi umiltà u f’li jaqdu lil xulxin.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 13:12-14
għandkom: Jew “hu d-dmir tagħkom.” Il-verb Grieg li ntuża hawnhekk spiss jintuża f’sens finanzjarju, u bażikament ifisser “li jkollok id-dejn maʼ xi ħadd; li jkollok tagħti xi ħaġa lil xi ħadd.” (Mt 18:28, 30, 34; Lq 16:5, 7) Hawn u f’kuntesti oħra, dan jintuża f’sens iktar ġenerali u jfisser li tkun obbligat lejn xi ħadd jew li jkollok id-dmir li tagħmel xi ħaġa.—1Ġw 3:16; 4:11; 3Ġw 8.
L-Aqwa Bniedem Iwettaq Servizz Umli
Permezz taʼ dan l-att tal-ħasil tas-saqajn tad-dixxipli tiegħu, Ġesù pprovda lezzjoni qawwija fl-umiltà. Tabilħaqq, il-Kristjani m’għandhomx jaħsbu li huma daqshekk importanti li oħrajn għandhom jaqduhom dejjem, lanqas m’għandhom jaspiraw għal pożizzjonijiet taʼ unur u prestiġju. Minflok, għandhom jimxu fuq ix-xempju li ħalla Ġesù, li “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” (Mattew 20:28) Iva, kull wieħed u waħda mis-segwaċi taʼ Ġesù għandhom ikunu lesti li jwettqu s-servizzi l-iktar umiljanti għal xulxin.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 14:6
Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja: Ġesù hu t-triq għax permezz tiegħu biss hu possibbli li nersqu lejn Alla bit-talb. Hu wkoll “it-triq” għall-bnedmin biex jerġgħu jagħmlu ħbieb m’Alla. (Ġw 16:23; Rum 5:8) Ġesù hu l-verità fis-sens li hu tkellem u għex fi qbil mal-verità. Hu wkoll wettaq ħafna profeziji li juru l-irwol importanti tiegħu fit-twettiq tal-iskop t’Alla. (Ġw 1:14; Ri 19:10) Dawn il-profeziji saru “Iva [jew twettqu] permezz tiegħu.” (2Ko 1:20) Ġesù hu l-ħajja għax permezz tal-fidwa, hu għamilha possibbli għall-bnedmin biex jiksbu “l-ħajja vera,” jiġifieri “l-ħajja taʼ dejjem.” (1Ti 6:12, 19; Ef 1:7; 1Ġw 1:7) Hu wkoll se jkun “il-ħajja” għal miljuni li se jiġu rxoxtati bit-tama li jgħixu għal dejjem f’Ġenna tal-art.—Ġw 5:28, 29.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 14:12
għemejjel akbar minn dawn: Ġesù ma kienx qed jgħid li l-mirakli li kienu se jwettqu d-dixxipli tiegħu kienu se jkunu akbar minn tiegħu. Minflok, hu b’umiltà rrikonoxxa li x-xogħol tagħhom taʼ pritkar u tagħlim kien se jkun ikbar minn tiegħu. Is-segwaċi tiegħu kienu se jkopru iktar territorju, jilħqu iktar nies, u jippritkaw għal iktar żmien milli għamel hu. Il-kliem taʼ Ġesù juri b’mod ċar li hu stenna li s-segwaċi tiegħu jkomplu dan ix-xogħol.
22-28 t’Ottubru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 15-17
“M’intomx parti mid-dinja”
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 15:19
dinja: F’dan il-kuntest, il-kelma Griega kosmos tirreferi għan-nies li ma jaqdux lil Alla, is-soċjetà umana inġusta li hi mbiegħda minn Alla. Ġwanni hu l-uniku kittieb tal-Evanġelju li kkwota lil Ġesù jgħid li s-segwaċi tiegħu mhumiex parti mid-dinja jew mhumiex tad-dinja. Dan l-istess ħsieb issemma darbtejn oħra fl-aħħar talba li Ġesù għamel mal-appostli leali tiegħu.—Ġw 17:14, 16.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 15:21
minħabba ismi: Fil-Bibbja, it-terminu “isem” xi kultant jirreferi għall-individwu li jkollu dak l-isem, ir-reputazzjoni tiegħu, u dak kollu li jirrappreżenta. Fil-każ tal-isem taʼ Ġesù, dan jirrappreżenta wkoll l-awtorità u l-pożizzjoni li tah Missieru. (Mt 28:18; Flp 2:9, 10; Eb 1:3, 4) Hawnhekk Ġesù jispjega għala n-nies tad-dinja kienu se jagħmlu affarijiet kontra s-segwaċi tiegħu: għax ma jafux lil dak li bagħtu. Li jkunu jafu lil Alla kien se jgħinhom jifhmu u jirrikonoxxu x’jirrappreżenta l-isem taʼ Ġesù. (At 4:12) Dan jinkludi l-pożizzjoni taʼ Ġesù bħala l-Mexxej maħtur minn Alla, is-Sultan tas-slaten, li n-nies kollha għandhom imilu lejh b’sottomissjoni sabiex jiksbu l-ħajja.—Ġw 17:3; Ri 19:11-16; qabbel Sa 2:7-12.
it-1 516
Il-kuraġġ
Il-Kristjani għandhom bżonn il-kuraġġ biex jibqgħu nodfa billi ma jitniġġsux mill-attitudnijiet u l-azzjonijiet tad-dinja li hi għadu t’Alla Ġeħova. Jeħtieġu l-kuraġġ ukoll biex jibqgħu leali lejn Alla minkejja li jiffaċċjaw il-mibegħda tad-dinja. Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu: “Fid-dinja qed ikollkom it-tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja.” (Ġw 16:33) L-Iben t’Alla qatt ma ċeda għall-influwenza tad-dinja, imma hu rebaħ lid-dinja billi bl-ebda mod ma sar bħalha. L-eżempju mill-aqwa taʼ Ġesù Kristu bħala r-rebbieħ u r-riżultat tal-ħajja tiegħu bla nuqqas, jistgħu jagħtu lil dak li jkun il-kuraġġ meħtieġ biex jimitah f’li jibqaʼ separat mid-dinja u ma jitniġġisx minnha.—Ġw 17:16.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 17:21-23
ħaġa waħda: Jew “f’unità.” Ġesù talab biex is-segwaċi veri tiegħu jkunu “ħaġa waħda,” jiġifieri jaħdmu flimkien f’unità għall-istess skop, bħalma hu u Missieru huma “ħaġa waħda” billi jaħdmu flimkien u bi ħsieb wieħed. (Ġw 17:22) Fl-1Ko 3:6-9, Pawlu ddeskriva din it-tip taʼ unità fost il-ministri Kristjani hekk kif huma jaħdmu flimkien u flimkien m’Alla.—Ara 1Ko 3:8.
perfezzjonati bħala ħaġa waħda: Jew “uniti għalkollox.” F’dan il-vers, Ġesù għamel konnessjoni bejn l-unità perfetta maʼ li nkunu maħbubin mill-Missier. Dan hu fi qbil maʼ Kol 3:14, li jgħid: “L-imħabba . . . hi rabta perfetta li tgħaqqad.” Din l-unità perfetta hi relattiva. Din ma tfissirx li d-differenzi kollha tal-personalità, bħall-abbiltajiet, id-drawwiet, u l-kuxjenza taʼ individwu, se jisparixxu. Imma tfisser li s-segwaċi taʼ Ġesù huma uniti fl-azzjoni, fit-twemmin, u fit-tagħlim.—Rum 15:5, 6; 1Ko 1:10; Ef 4:3; Flp 1:27.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 17:24
it-tisjis tad-dinja: Il-kelma Griega għal “tisjis,” f’Eb 11:11 hi tradotta “toħroġ tqila,” u hemmhekk hi użata maʼ “nisel.” Hawnhekk din il-kelma hi użata fl-espressjoni “t-tisjis tad-dinja,” u milli jidher din tirreferi għat-twelid tat-tfal t’Adam u Eva. Ġesù assoċja “t-tisjis tad-dinja” m’Abel, li milli jidher hu l-ewwel bniedem li jistaʼ jinfeda u l-ewwel bniedem li ismu hu miktub “fir-romblu tal-ħajja sa mit-tisjis tad-dinja.” (Lq 11:50, 51; Ri 17:8) Dan il-kliem li Ġesù qal f’talba lil Missieru jikkonferma wkoll li ħafna żmien ilu—qabel ma Adam u Eva kellhom nisel—Alla ħabb lill-Iben uniġenitu tiegħu.
29 t’Ottubru–4 taʼ Novembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 18-19
“Ġesù ta xhieda għall-verità”
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 18:37
nixhed għall-verità: Kif intużaw fl-Iskrittura Griega Kristjana, il-kliem Grieg li jiġi tradott “nixhed” (martireo) u “xhieda” (martireja; martis) għandhom ħafna tifsir. Iż-żewġ termini jintużaw fis-sens bażiku taʼ li wieħed jagħti xhieda tal-fatti li jkun ra personalment jew mill-għarfien persunali, imma jistgħu jinkludu wkoll l-idea taʼ li wieħed “jiddikjara; jikkonferma; jitkellem tajjeb dwar.” Ġesù mhux biss ta xhieda u pproklama l-veritajiet li minnhom kien konvint imma wkoll għex b’tali mod li appoġġa l-verità tal-kelma profetika u tal-wegħdi taʼ Missieru. (2Ko 1:20) L-iskop t’Alla f’konnessjoni mas-Saltna u mal-Mexxej Messjaniku kien ġie mbassar fid-dettall. Il-ħajja kollha taʼ Ġesù fuq l-art, li spiċċat bil-mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, wettqet il-profeziji kollha dwaru, inkluż id-dellijiet, jew affarijiet simili, li kien hemm fil-patt tal-Liġi. (Kol 2:16, 17; Eb 10:1) Għalhekk, jistaʼ jingħad li Ġesù ‘xehed għall-verità’ kemm bil-kliem u kemm bl-għemil.
il-verità: Ġesù ma kienx qed jirreferi għall-verità inġenerali, imma għall-verità rigward l-iskopijiet t’Alla. Fattur importanti tal-iskop t’Alla hu li Ġesù, “bin David,” jaqdi bħala Qassis il-Kbir u bħala Mexxej tas-Saltna t’Alla. (Mt 1:1) Ġesù spjega li raġuni primarja għala hu ġie fid-dinja, għall-ħajja tiegħu fuq l-art, u għall-ministeru tiegħu kienet biex jiddikjara l-verità dwar dik is-Saltna. L-anġli ddikjaraw messaġġ simili qabel u meta twieled Ġesù f’Betlem tal-Lhudija, il-belt li kien twieled fiha David.—Lq 1:32, 33; 2:10-14.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 18:38a
X’inhi l-verità?: Il-mistoqsija taʼ Pilatu milli jidher tirreferi għall-verità inġenerali, mhux speċifikament “għall-verità” li Ġesù kien għadu kif tkellem dwarha. (Ġw 18:37) Li kieku din kienet mistoqsija sinċiera, Ġesù żgur li kien iwieġbu. Imma Pilatu x’aktarx li staqsa din il-mistoqsija rettorika b’mod xettiku jew b’mod li juri li ma jemminx, bħallikieku qal, “Il-verità? X’inhi din? Din ma teżistix!” Infatti, Pilatu lanqas biss stenna tweġiba imma telaq u ħareġ ħdejn il-Lhud.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 19:30
radd l-ispirtu tiegħu: Jew “ħa l-aħħar nifs; ma baqax jieħu nifs.” It-terminu “spirtu” (bil-Grieg, pnewma) hawnhekk jistaʼ jinftiehem li jirreferi għan-“nifs” jew “il-forza tal-ħajja.” Dan jiġi appoġġat mill-verb Grieg ekpnijo (litteralment, “tieħu nifs ’il barra”) li ntuża fir-rakkonti paralleli li nsibu f’Mk 15:37 u Lq 23:46 (fejn ġie tradott “miet” jew “ħa l-aħħar nifs”). Xi wħud jissuġġerixxu li l-użu tal-verb Grieg li jiġi tradott “radd,” jew ċeda, ifisser li Ġesù b’mod volontarju ma baqax jissielet biex jibqaʼ ħaj ladarba kollox kien twettaq. Hu minn jeddu “ferraʼ ruħu sal-mewt.”—Is 53:12; Ġw 10:11.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 19:31
dak is-Sabat kien kbir: Il-15 taʼ Nisan, l-għada tal-Qbiż, dejjem kien sabat, jiġi f’liema ġurnata jiġi. (Le 23:5-7) Meta dan is-Sabat speċjali inzerta f’jum is-Sabat (is-sebaʼ jum tal-ġimgħa għal-Lhud, li kien jibda minn inżul ix-xemx tal-Ġimgħa sa nżul ix-xemx tas-Sibt), allura kien Sabat “kbir.” Ġesù miet il-Ġimgħa, u l-għada kien Sabat bħal dan. Bejn is-sena 29 u s-sena 35, l-uniku 14 taʼ Nisan li ġie l-Ġimgħa kien dak tas-sena 33. Għalhekk din l-evidenza tappoġġa l-konklużjoni li Ġesù miet fil-14 taʼ Nisan tas-sena 33.