106 Faħħru lil Jah!+
Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb;+
Għax il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hi għal dejjem.+
2 Min jistaʼ jsemmi l-għemejjel setgħanin taʼ Ġeħova+
Jew jagħtih it-tifħir kollu li ħaqqu?+
3 Henjin dawk li jħarsu l-ġustizzja,+
Li jagħmlu s-sewwa l-ħin kollu.+
4 Ftakar fija, O Ġeħova, bir-rieda tajba li turi mal-poplu tiegħek.+
Ħu ħsiebi u salvani,+
5 Biex inkun nistaʼ nara tjubitek mal-magħżulin tiegħek,+
Biex inkun nistaʼ nifraħ bil-ferħ tal-ġens tiegħek+
U niftaħar maʼ wirtek.+
6 Aħna dnibna bħal missirijietna;+
Żbaljajna; aġixxejna bil-ħażen.+
7 U missirijietna fl-Eġittu,
Ma kellhomx id-dehen biex jagħrfu l-għemejjel tiegħek taʼ l-għaġeb.+
Ma ftakrux fl-abbundanza u l-kobor tal-qalb tajba bl-imħabba tiegħek,+
Imma aġixxew b’mod ribelluż ħdejn il-baħar, ħdejn il-Baħar l-Aħmar.+
8 U hu salvahom minħabba ismu,+
Sabiex jgħarraf setegħtu.+
9 Għaldaqstant, ċanfar il-Baħar l-Aħmar, u dan nixef bil-mod il-mod;+
U mexxiehom mill-ilmijiet fondi bħallikieku mix-xagħri;+
10 B’hekk salvahom minn id dak li kien jobgħodhom+
U ħadhom lura minn id l-għadu.+
11 U l-ilmijiet għattew lill-avversarji tagħhom;+
Lanqas wieħed minnhom ma baqaʼ.+
12 Imbagħad poġġew il-fidi f’kelmtu;+
Bdew ikantawlu t-tifħir.+
13 Iżda malajr insew x’kien għamel;+
Ma stennewx il-parir tiegħu.+
14 Imma wrew ix-xewqa egoistika tagħhom fix-xagħri+
U pprovaw lil Alla fid-deżert.+
15 U hu tahom dak li riedu+
U bagħat fuqhom marda li herriethom.+
16 U fil-kamp bdew jgħiru għal Mosè,+
U anki għal Aron il-qaddis taʼ Ġeħova.+
17 L-art imbagħad infetħet u belgħet lil Datan,+
U radmet lill-ġemgħa t’Abiram.+
18 U qabad nar fost il-ġemgħa tagħhom;+
Fjamma belgħet lill-ħżiena.+
19 Iktar minn hekk, għamlu għoġol fil-Ħoreb+
U mielu quddiem xbieha magħmula minn metall imdewweb,+
20 U b’hekk bidlu l-glorja tiegħi+
Maʼ rappreżentazzjoni taʼ barri, li jiekol il-ħaxix.+
21 Insewh lil Alla s-Salvatur tagħhom,+
Li għamel affarijiet kbar fl-Eġittu,+
22 Għemejjel taʼ l-għaġeb fil-pajjiż taʼ Ħam,+
Affarijiet li jqanqlu l-biżaʼ ħdejn il-Baħar l-Aħmar.+
23 U kien wasal biex jgħid li se jeqridhom għalkollox,+
Li kieku ma kienx għal Mosè l-magħżul tiegħu,
Li daħal għalihom quddiemu,+
Biex ireġġaʼ lura l-korla tiegħu u ma jagħmilhomx ħerba.+
24 U huma waslu biex jiddisprezzaw l-art sabiħa;+
Ma kellhom ebda fidi fil-kelma tiegħu.+
25 U qagħdu jgergru fit-tined tagħhom;+
Ma semgħux minn leħen Ġeħova.+
26 Għalhekk, hu għolla idu u ħalef dwarhom,+
Li kien se jeqridhom fix-xagħri,+
27 U li kien se jeqred lil nisilhom fost il-ġnus+
U jxerridhom fost il-pajjiżi.+
28 U bdew jintrabtu maʼ Bagħal taʼ Pegħor+
U jieklu s-sagrifiċċji offruti lil affarijiet bla ħajja.+
29 Talli kienu qed joffenduh bl-aġir tagħhom,+
Faqqaʼ flaġell fosthom.+
30 Imma meta Fineħas qam u ndaħal,+
Il-flaġell waqaf.
31 U dan ngħaddlu bħala ġustizzja
Minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni u għal żmien indefinit.+
32 Barra minn hekk, huma qanqlu r-rabja ħdejn l-ilmijiet taʼ Meriba,+
U b’hekk ħabatlu ħażin lil Mosè minħabba fihom.+
33 Għax huma mlewlu l-ispirtu tiegħu bl-imrar
U beda jitkellem bla ħsieb b’xofftejh.+
34 Ma qerdux il-popli għalkollox,+
Kif kien qalilhom Ġeħova.+
35 Iżda tħalltu mal-ġnus+
U bdew jitgħallmu mill-imġiba tagħhom.+
36 U qdew lill-idoli tagħhom,+
U dawn saru nassa għalihom.+
37 U kienu jissagrifikaw lil uliedhom subien+
U bniet lid-demonji.+
38 B’hekk baqgħu jxerrdu demm innoċenti,+
Id-demm taʼ wliedhom subien u bniet,
Li ssagrifikawhom lill-idoli taʼ Kangħan;+
U l-art tniġġset bit-tixrid taʼ demm.+
39 U ma baqgħux nodfa minħabba l-għemejjel tagħhom+
U ħadu sehem fl-immoralità b’azzjonijiethom.+
40 U r-rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontra l-poplu tiegħu,+
U beda jistkerrah lil wirtu.+
41 U darba wara l-oħra tahom f’idejn il-ġnus,+
Biex dawk li jobogħduhom jaħkmu fuqhom,+
42 U biex l-għedewwa tagħhom jaħqruhom,
U biex jitrażżnu taħt idejhom.+
43 Bosta drabi kien jeħlishom,+
Imma huma kienu jaġixxu b’mod ribelluż fit-triq diżubbidjenti tagħhom,+
U kienu jiġu umiljati għall-iżball tagħhom.+
44 Hu kien jara n-niket tagħhom+
Meta kien jismagħhom jgħajtu bil-ħrara.+
45 U kien jiftakar fil-patt tiegħu dwarhom+
U jiddispjaċih skond l-abbundanza u l-kobor tal-qalb tajba bl-imħabba tiegħu.+
46 U kien iħallihom isibu ħniena
F’għajnejn dawk kollha li kienu jżommuhom fil-jasar.+
47 Salvana, O Ġeħova Alla tagħna,+
U iġborna flimkien minn fost il-ġnus+
Biex irroddu ħajr lil ismek qaddis,+
Biex nitkellmu bil-ferħ waqt li nfaħħruk.+
48 Ikun imbierek Ġeħova l-Alla taʼ Israel+
Minn dejjem għal dejjem;
U n-nies kollha jridu jgħidu Amen.+
Faħħru lil Jah!+