Mattew
12 Dik il-ħabta Ġesù għadda f’jum is-Sabat*+ minn qalb l-għelieqi miżrugħin bil-qamħ. Id-dixxipli tiegħu qabadhom il-ġuħ u bdew jaqtgħu u jieklu s-sbul.+ 2 Malli raw dan, il-Fariżej qalulu:+ “Ara! Id-dixxipli tiegħek qed jagħmlu dak li skond il-liġi ma jistgħux jagħmluh f’jum is-Sabat.”+ 3 Hu qalilhom: “Ma qrajtux x’għamel David meta hu u l-irġiel li kienu miegħu qabadhom il-ġuħ?+ 4 Kif hu daħal fid-dar t’Alla u huma kielu l-ħobż tal-preżentazzjoni,+ li la hu u lanqas dawk li kienu miegħu ma setgħu jieklu skond il-liġi+ ħlief il-qassisin?+ 5 Jew, ma qrajtux fil-Liġi+ li f’jiem is-Sabat il-qassisin fit-tempju ma jqisuhx sagru s-Sabat u jibqgħu bla ħtija?+ 6 Imma jien ngħidilkom li xi ħaġa akbar mit-tempju+ qiegħda hawn. 7 Madankollu, kieku fhimtu dan xi jfisser, ‘Ħniena rrid,+ u mhux sagrifiċċju,’+ ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija. 8 Għax Bin il-bniedem hu+ s-Sid tas-Sabat.”+
9 Wara li telaq minn dak il-post, daħal fis-sinagoga tagħhom; 10 u, ara, raġel b’idu niexfa!+ Għalhekk, sabiex ikunu jistgħu jakkużawh,+ staqsewh, “Tistaʼ skond il-liġi tfejjaq f’jum is-Sabat?” 11 Hu qalilhom: “Min minnkom li jkollu nagħġa waħda u din taqaʼ f’ħofra+ f’jum is-Sabat ma jaqbadx u jtellagħha?+ 12 Meta toqgħod tqis, kemm jiswa iktar bniedem minn nagħġa!+ Għalhekk, tistaʼ skond il-liġi tagħmel ħaġa tajba f’jum is-Sabat.” 13 Imbagħad qal lir-raġel: “Oħroġ idek.” U dan ħariġha, u reġgħet ġietu qawwija u sħiħa bħall-oħra.+ 14 Imma l-Fariżej ħarġu ’l barra u ftiehmu bejniethom biex jeqirduh.+ 15 Peress li sar jaf b’dan, Ġesù telaq minn hemmhekk. Ħafna marru warajh, u hu fejjaqhom ilkoll,+ 16 imma ordnalhom bis-sħiħ biex ma jxandruhx;+ 17 biex jitwettaq dak li ntqal permezz tal-profeta Isaija:
18 “Ara! Il-qaddej tiegħi+ li jien għażilt, il-maħbub tiegħi,+ li ruħi approvat! Inqiegħed l-ispirtu tiegħi fuqu,+ u lill-ġnus jurihom ċar x’inhi l-ġustizzja. 19 Ma jargumenta bl-aħrax+ maʼ ħadd, ma jgħajjatx, u ħadd ma jismaʼ leħnu fit-toroq prinċipali. 20 Qasba mxaqqa ma jiksirhiex, u ftila tal-kittien tnemnem ma jitfihiex,+ sakemm jirnexxilu jġib il-ġustizzja.+ 21 Tabilħaqq, f’ismu se jittamaw il-ġnus.”+
22 Imbagħad ġabulu raġel agħma u mutu maħkum minn demonju; u fejqu, u b’hekk il-mutu tkellem u ra. 23 Il-folol baqgħu skantati u mistagħġbin u bdew jgħidu:+ “Tgħid dan Bin David?”+ 24 Malli l-Fariżej semgħu dan, qalu: “Dan ikeċċi d-demonji biss bis-saħħa taʼ Begħelżebub, il-ħakkiem tad-demonji.”+ 25 Peress li kien jaf x’kienu qed jaħsbu,+ qalilhom: “Kull saltna maqsuma kontra tagħha stess issir ħerba,+ u kull belt jew dar maqsuma kontra tagħha stess ma tibqax wieqfa. 26 Bl-istess mod, jekk Satana jkeċċi lil Satana, hu jinqasam kontra tiegħu nnifsu; allura, saltnatu kif se tibqaʼ wieqfa? 27 Barra minn hekk, jekk jien inkeċċi d-demonji permezz taʼ Begħelżebub,+ uliedkom permezz taʼ min ikeċċuhom? Huwa għalhekk li se jkunu l-imħallfin tagħkom. 28 Imma jekk inkeċċi d-demonji permezz taʼ l-ispirtu t’Alla, is-saltna t’Alla tassew laħqitkom.+ 29 Jew kif jistaʼ xi ħadd jidħol fid-dar taʼ raġel b’saħħtu u jaħtaflu ġidu, jekk l-ewwel ma jorbotx lir-raġel? Imbagħad ikun jistaʼ jisraq minn daru.+ 30 Min mhux miegħi kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.+
31 “Għalhekk ngħidilkom, Kull xorta taʼ dnub u dagħwa tinħafrilhom lill-bnedmin, imma d-dagħa kontra l-ispirtu ma jinħafirx.+ 32 Per eżempju, kulmin jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu;+ imma kulmin jitkellem kontra l-ispirtu qaddis ma jinħafirlux, le, la f’din is-sistema u lanqas f’dik li ġejja.+
33 “Jew tagħmlu s-siġra tajba bi frott tajjeb jew tagħmlu s-siġra mħassra bi frott imħassar; għax is-siġra mill-frott tagħha tingħaraf.+ 34 Nisel il-lifgħat,+ kif tistgħu tgħidu affarijiet tajbin, meta intom ħżiena?+ Għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.+ 35 Bniedem tajjeb joħroġ affarijiet tajbin+ mit-teżor tajjeb tiegħu, filwaqt li bniedem ħażin joħroġ affarijiet ħżiena+ mit-teżor ħażin tiegħu. 36 Ngħidilkom li kull ħaġa bla siwi li jgħidu l-bnedmin iridu jagħtu kont+ tagħha f’Jum il-Ġudizzju; 37 għax bi kliemek tiġi dikjarat ġust, u bi kliemek tiġi kundannat.”+
38 Imbagħad uħud mill-iskribi u l-Fariżej wieġbu u qalulu: “Għalliem, irridu naraw xi sinjal mingħandek.”+ 39 Hu wieġeb u qalilhom: “Ġenerazzjoni mill-agħar u adultera+ tibqaʼ tfittex sinjal, imma ebda sinjal ma jingħatalha ħlief dak tal-profeta Ġona.+ 40 Għax bħalma Ġona+ dam tlett ijiem u tliet iljieli f’żaqq ħuta kbira, hekk Bin il-bniedem+ idum tlett ijiem u tliet iljieli+ fil-qalba taʼ l-art.+ 41 L-irġiel taʼ Ninwe jqumu fil-ġudizzju maʼ din il-ġenerazzjoni+ u jikkundannawha;+ għax huma nidmu għal dak li ppriedka Ġona,+ imma, ara, xi ħadd akbar minn Ġona qiegħed hawn. 42 Is-sultana tan-nofsinhar+ tiġi mqajma fil-ġudizzju maʼ din il-ġenerazzjoni u tikkundannaha; għax ġiet minn truf l-art biex tismaʼ l-għerf taʼ Salamun, imma, ara, xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.+
43 “Meta spirtu mhux nadif joħroġ minn bniedem jgħaddi minn postijiet niexfa jfittex fejn jistrieħ, u ma jsibx.+ 44 Imbagħad jgħid, ‘Nerġaʼ lura lejn dari minfejn ħriġt’; u malli jasal ma jsib lil ħadd fiha imma jsibha miknusa u mżejna. 45 Imbagħad jitlaq u jieħu miegħu sebaʼ spirti oħra agħar minnu,+ u, wara li jidħlu ġewwa, jgħammru hemmhekk; u l-qagħda finali taʼ dak il-bniedem issir agħar minn tal-bidu.+ Hekk ukoll jiġrilha din il-ġenerazzjoni mill-agħar.”+
46 Waqt li kien għadu jkellem lill-folol, ara, ommu u ħutu+ kienu weqfin barra jipprovaw ikellmuh. 47 Għalhekk, xi ħadd qallu: “Ara! Ommok u ħutek qegħdin barra u jridu jkellmuk.” 48 Hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: “Min hi ommi, u min huma ħuti?”+ 49 U waqt li medd idu lejn id-dixxipli tiegħu qal: “Ara! Ommi u ħuti!+ 50 Għax kulmin jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-sema, dan hu ħija, u oħti, u ommi.”