Marku
3 Għal darb’oħra daħal f’sinagoga, u kien hemm raġel b’idu niexfa.+ 2 Għalhekk, kienu għassa tiegħu biex jaraw jekk kienx se jfejjaq lir-raġel f’jum is-Sabat, sabiex ikunu jistgħu jakkużawh.+ 3 U qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum u ejja fin-nofs.” 4 Imbagħad qalilhom: “F’jum is-Sabat, x’tistaʼ tagħmel skond il-liġi, għemil tajjeb jew għemil ħażin, issalva ruħ jew toqtolha?”+ Imma huma baqgħu siekta. 5 U wara li b’ħarstu wriehom li ma ħax pjaċir, peress li kien imnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija taʼ qlubhom,+ qal lir-raġel: “Oħroġ idek.” U dan ħariġha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha.+ 6 U l-Fariżej ħarġu ’l barra u minnufih bdew jiftiehmu mal-partitarji t’Erodi+ kontra tiegħu, sabiex jeqirduh.+
7 Imma Ġesù telaq mad-dixxipli tiegħu lejn in-naħa tal-baħar; u kotra kbira mill-Galilija u mil-Lhudija marret warajh.+ 8 U saħansitra minn Ġerusalemm u mill-Idumija u min-naħa l-oħra tal-Ġordan u minn madwar Tir+ u Sidon ġiet ħdejh kotra kbira, meta semgħet b’dak kollu li kien qed jagħmel. 9 U qal lid-dixxipli tiegħu biex ikollu dgħajsa żgħira l-ħin kollu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex il-folla ma trossux. 10 Għax fejjaq lil ħafna, u minħabba f’hekk dawk kollha li kellhom mard serju kienu qed irossu fuqu biex imissuh.+ 11 Saħansitra l-ispirti mhux nodfa,+ kulmeta kienu jarawh, kienu jinxteħtu fl-art quddiemu u jgħajtu u jgħidu: “Int l-Iben t’Alla.”+ 12 Imma ħafna drabi kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.+
13 U telaʼ fuq muntanja u sejjaħ ħdejh lil min ried,+ u huma marru ħdejh.+ 14 U fforma grupp taʼ tnax, li semmiehom ukoll “appostli,” sabiex jibqgħu miegħu u jibgħathom jippridkaw+ 15 u jkollhom l-awtorità li jkeċċu d-demonji.+
16 U l-grupp tat-tnax li fforma kienu Xmun, li semmieh ukoll Pietru,+ 17 u Ġakbu bin Żebedew u Ġwanni ħu Ġakbu+ (lil dawn semmiehom ukoll Boanerġes, li jfisser Ulied ir-Ragħad), 18 u Indrì u Filippu u Bartilmew u Mattew u Tumas u Ġakbu bin Alfew u Taddew u Xmun il-Kanani* 19 u Ġuda l-Iskarjota, li iktar tard ittradieh.+
U daħal ġo dar. 20 Għal darb’oħra nġabret il-folla, tant li lanqas biss setgħu jieklu.+ 21 Imma meta qrabatu+ semgħu b’dan, ħarġu biex jaqbduh, għax bdew jgħidu: “Tilef moħħu.”+ 22 Ukoll, l-iskribi li niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Għandu lil Begħelżebub, u hu jkeċċi d-demonji permezz tal-ħakkiem tad-demonji.”+ 23 Għalhekk, wara li sejħilhom lejh, beda jgħidilhom permezz taʼ tixbihat: “Kif jistaʼ Satana jkeċċi lil Satana? 24 Jekk saltna tinqasam kontra tagħha stess, dik is-saltna ma tistax tibqaʼ wieqfa;+ 25 u jekk dar tinqasam kontra tagħha stess, dik id-dar ma tkunx tistaʼ tibqaʼ wieqfa.+ 26 Ukoll, jekk Satana qam kontra tiegħu nnifsu u nqasam, ma jistax jibqaʼ wieqaf, imma se jintemm.+ 27 Fil-fatt, jekk xi ħadd jidħol fid-dar taʼ raġel b’saħħtu ma jkunx jistaʼ jisraqlu+ ġidu jekk l-ewwel ma jorbotx lir-raġel, u mbagħad ikun jistaʼ jisraq minn daru.+ 28 Tassew ngħidilkom li kollox jinħafer lil ulied il-bnedmin, ikunu xi jkunu d-dnubiet u d-dagħa li jidgħu.+ 29 Madankollu, kulmin jidgħi kontra l-ispirtu qaddis qatt ma jinħafirlu, imma jkun ħati taʼ dnub għal dejjem.”+ 30 Dan qalu għax kienu qed jgħidu: “Għandu spirtu mhux nadif.”+
31 Issa ġew ommu u ħutu,+ u, waqt li kienu bil-wieqfa barra, bagħtu jsejħulu.+ 32 Kien hemm folla bil-qiegħda madwaru, u għalhekk qalulu: “Ara! Hemm ommok u ħutek barra u qed ifittxuk.”+ 33 Imma wieġeb u qalilhom: “Min huma ommi u ħuti?”+ 34 U ħares lejn dawk li kienu bil-qiegħda madwaru dawra tond u qal: “Ara, ommi u ħuti!+ 35 Kulmin jagħmel ir-rieda t’Alla, dan hu ħija u oħti u ommi.”+